Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għandi nagħmel tattoo?

Għandi nagħmel tattoo?

 Għala forsi tħajrek?

“Jien naħseb li t-tattoos huma biċċa arti mill-isbaħ,” jgħid żagħżugħ jismu Ryan.

Il-mottiv biex tagħmel tattoo jistaʼ jeffettwa kif tħossok dwar li tagħmilha. Pereżempju, żagħżugħa jisimha Jillian tgħid: “Tifla li kienet fl-iskola tiegħi mititilha ommha meta kienet żgħira. Allura meta saret żagħżugħa, hi għamlet tattoo b’isem ommha fuq wara t’għonqha. Jien naħseb li dawn it-tip taʼ tattoos huma ġest sabiħ ħafna.”

Hi x’inhi r-raġuni, għandek taħsibha sew għal darba tnejn qabel ma tiddeċiedi li tpinġi b’mod permanenti fuq il-ġilda tiegħek. Liema mistoqsijiet għandek taħseb dwarhom jekk qed titħajjar tagħmel xi tattoo? U liema prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk tieħu l-aħjar deċiżjoni?

 Liema mistoqsijiet għandek tistaqsi?

X’inhuma r-riskji għas-saħħa? “It-tattoos itaqqbu l-ġilda, u minħabba f’hekk jistaʼ jkun hemm infezzjonijiet fil-ġilda u komplikazzjonijiet oħra,” tgħid il-Websajt tal-Mayo Clinic. Xi kultant jistaʼ jkun hemm nefħa jew raxx madwar it-tattoo (granulomas). Konsegwenza oħra tat-tattoo hi li tistaʼ twassal ukoll biex tikber ġilda żejda madwar it-tpinġija (keloids). Iktar minn hekk, il-Websajt tgħid: “Jekk l-apparat li jintuża biex tagħmel it-tattoo jkun ikkontaminat b’demm infettat, int tistaʼ tieħu mard li jittieħed mid-demm.”

Kif se teffettwa r-reputazzjoni tiegħek? Trid jew ma tridx, id-dehra tiegħek tagħti messaġġ. Jew tidentifikak bħala xi ħadd matur u taʼ min jafdah jew bħala xi ħadd immatur u irresponsabbli. “Kull meta nara lil xi ħadd li għandu tattoo, mill-ewwel nittimbrah bħala xi ħadd li jħobb jixrob u jixxala,” tgħid żagħżugħa jisimha Samantha.

Melanie, li għandha 18-il sena, issemmi aspett ieħor. Hi tgħid: “Għalija t-tattoos jaħbu s-sbuħija naturali taʼ dak li jkun. Hu bħallikieku min għandu tattoos ma jkunx iridek tara min hu verament, allura jinħeba wara t-tattoos.”

Dejjem se tibqaʼ togħġbok? Maż-żmien, jekk teħxien jew sempliċement tikber fl-età, it-tattoo forsi ma tibqax tidher l-istess. “Jien ġieli rajt kif jidhru t-tattoos fuq xi ħadd għaxriet taʼ snin wara, u xejn mhuma sbieħ,” jgħid żagħżugħ jismu Joseph.

“It-tattoos spiss ma jibqgħux moda,” jgħid Allen li għandu 21 sena. “Il-fatt li xi darba kienet tidher xi ħaġa importanti għal min għamilha jaf ma tibqax hekk ftit tas-snin wara.”

Allen għandu raġun. Il-fatt hu li hekk kif in-nies jikbru, l-opinjonijiet tagħhom jinbidlu, il-gosti tagħhom jinbidlu, u s-sentimenti tagħhom jinbidlu—imma t-tattoos tagħhom jibqgħu l-istess. “Li jkolli tattoo li tfakkarni kemm kont belha hi xi ħaġa li ma nixtieqx inżid mal-lista t’affarijiet li snin wara jiddispjaċini li nkun għamilt,” tgħid żagħżugħa jisimha Teresa.

 Liema prinċipji tal-Bibbja japplikaw?

Persuna matura tieħu l-ħin biex taħseb sew dwar il-fatturi kollha qabel ma tieħu deċiżjoni. (Proverbji 21:5; Ebrej 5:14) B’hekk, ikkunsidra l-prinċipji tal-Bibbja li ġejjin u li għandhom x’jaqsmu mas-suġġett tat-tattoos.

  • Kolossin 3:20: “Intom tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan jogħġob lill-Mulej.”

    Liema konsegwenzi jistaʼ jkollok jekk tgħix mal-ġenituri tiegħek imma ma tirrispettax id-direzzjoni tagħhom?

  • 1 Pietru 3:3, 4: “U tħallux it-tiżjin tagħkom ikun dak minn barra, l-immaljar tax-xagħar u l-ilbis t’ornamenti tad-deheb jew taʼ ħwejjeġ, imma ħa jkun dak tal-persuna minn ġewwa, fil-qalb, imżejna bi spirtu kwiet u ġwejjed li ma jitħassarx.”

    Għala taħseb li l-Bibbja tpoġġi daqstant enfasi fuq il-“persuna minn ġewwa”?

  • 1 Timotju 2:9: “In-nisa [għandhom] jiżżejnu . . . bil-modestja u b’moħħ f’loku.”

    Xi tfisser il-kelma “modestja”? Fl-aħħar mill-aħħar, għala l-modestja hi isbaħ mit-tpinġija?

  • Rumani 12:1: ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni tagħkom.’

    Għala hu importanti għal Alla l-mod kif tittratta lil ġismek?

Meta qiesu dawn il-fatturi kollha, ħafna nies iddeċidew li ma jagħmlux tattoo. Infatti huma sabu xi ħaġa aħjar mit-tattoos. Teresa, li ssemmiet qabel, tgħid: “Jekk hemm frażi jew espressjoni li vera togħġbok jew persuna li hi importanti għalik, allura għix fi qbil maʼ dik il-frażi jew għid lil dik il-persuna kemm hi importanti għalik. Minflok ma tagħmel tattoo, għix  skont dak li temmen.”