Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għala għandi ngħin lil oħrajn?

Għala għandi ngħin lil oħrajn?

 Żewġ sigrieti li ħafna nies ma jafux bihom

L-1 sigriet: Meta tagħti, x’aktarx li se tirċievi lura!

In-nies se jinnotaw li int ġeneruż. Minħabba f’hekk, x’aktarx li se jkunu ġenerużi miegħek. Il-Bibbja tpoġġiha b’dan il-mod:

  • “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom. . . . Bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.”—Luqa 6:38

  • “Se tiġi trattat bil-mod kif int tittratta lil oħrajn.”​—Luqa 6:​38, Contemporary English Version.

It-2 sigriet: Meta tgħin lil oħrajn, tgħin lilek innifsek!

Meta tagħmel affarijiet tajbin għal oħrajn se tkabbar ir-rispett lejk innifsek u tħoss is-sodisfazzjon li dan iġib miegħu. Il-Bibbja tpoġġiha b’dan il-mod:

  • “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

  • “Meta tagħmel festa, stieden lill-foqra, lill-magħtubin, liz-zopop, lill-għomja; u tkun hieni, għax dawn m’għandhomx biex ipattulek.”—Luqa 14:13, 14.

 Żgħażagħ li jimpurtahom

Żgħażagħ li jimpurtahom minn oħrajn issibhom kullimkien! Ikkunsidra xi eżempji.

“Xi kultant, meta ma jkolli aptit nagħmel xejn ħlief li nintelaq fuq is-sufan u nara t-televixin, nibda naħseb dwar ommi u missieri, li jkunu xogħol, u kemm se jkunu għajjenin la jiġu lura d-dar. Allura nqum u naħsel il-platti, niknes, u nfarfar. Ukoll, inlesti l-kafè għax naf li l-ġenituri tiegħi jħobbuh. Meta ommi tasal id-dar, tgħidli, ‘Illaħwa kemm hawn nadif! U x’riħa tfuħ hawn! Grazzi ħafna, qalbi!’ Dejjem inħossni aħjar meta nagħmel xi ħaġa hekk għal ommi u missieri.”​—Casey.

“Il-ġenituri tiegħi dejjem ħadu ħsiebi, billi tawni kulma kelli bżonn. Għalhekk, meta s-sena l-oħra kellhom ħsara kbira fil-karozza, tajthom xi flus biex jirranġawha, avolja dan kien parti kbira minn dak li kont faddalt. Ovvjament, huma ma ridux jaċċettawhom, imma jien bqajt ninsisti. Il-ġenituri tiegħi jixirqilhom ħafna iktar minn hekk. U tgħidx kemm ħassejtni kuntenta li stajt nagħmel dan għalihom.”​—Holly.

Kont taf? Ħafna żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova esperjenzaw il-ferħ li jiġi meta dak li jkun jgħin lil oħrajn jitgħallmu dwar il-Bibbja. Xi wħud saħansitra marru jgħixu f’pajjiż ieħor fejn hemm bżonn taʼ wħud li jgħallmu l-Bibbja.

“Mill-Istat Uniti mort noqgħod il-Messiku biex naqsam m’oħrajn it-tagħlim mill-Bibbja. Ma tantx nistaʼ nkun ġeneruż bil-flus jew b’affarijiet oħra, għax ma tantx għandi minn fejn nagħti. Imma nnotajt li meta nagħti mill-ħin u l-enerġija tiegħi fil-ministeru, dan ikun iktar apprezzat milli sempliċement tagħti affarijiet materjali.”​—Evan.

 Kif nistaʼ ngħin lil oħrajn?

Tixtieq tesperjenza l-ferħ li jiġi meta dak li jkun jgħin lil oħrajn? Hawnhekk se ssib xi ftit suġġerimenti.

Biex tgħin lill-familja tiegħek:

  • Iknes, aħsel il-platti, jew naddaf xi kamra—mingħajr ma jqabbduk

  • Sajjar xi ħaġa

  • Ikteb kartolina lill-ġenituri tiegħek biex tirringrazzjahom

  • Għin lil ħutek fil-ħowmwerk tagħhom

Biex tgħin lil xi ħadd li ma jiġix minnek:

  • Ibgħat kartolina lil xi ħadd li jkun ma jiflaħx

  • Agħmel xi qadja għal ġar tiegħek imdaħħal fiż-żmien

  • Żur lil xi ħadd li ma jistax joħroġ mid-dar

  • Ixtri rigal għal xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli

Suġġeriment: Ipprova aħseb f’xi ideat oħra. Imbagħad agħmilha l-mira tiegħek li tgħin lil xi ħadd din il-ġimgħa. Għandek mnejn tibqaʼ sorpriż kemm tħossok tajjeb!

“Meta tgħin lil oħrajn, tħossok ferħan. Tħoss li veru tkun wettaqt xi ħaġa, u tara li oħrajn japprezzawha. Forsi tkun ħadt pjaċir tagħmilha—għalkemm għall-ewwel tkun ħsibt li se tiddejjaq. Dak li tkun għamilt forsi lanqas tqisu bħala sagrifiċċju, għax fl-aħħar mill-aħħar tkun ibbenefikajt int stess.”​—Alana.