Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għala għandi nitlob?

Għala għandi nitlob?

Skont stħarriġ li sar, 80 fil-​mija taʼ żgħażagħ fl-​Amerika taʼ bejn 13 u 19-​il sena jitolbu, imma nofshom biss jitolbu kuljum. Bla dubju, xi wħud minnhom jaħsbu: ‘It-​talb hu biss xi ħaġa li tgħinni nħossni aħjar, jew hu xi ħaġa iktar?’

 X’inhu t-​talb?

It-​talb hu komunikazzjoni reali mal-​Ħallieq taʼ kollox. Aħseb dwar xi jfisser dan! Ġeħova hu ħafna aqwa mill-​bnedmin b’kull mod, imma hu xorta “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Fil-​fatt, il-​Bibbja fiha din l-​istedina vera sabiħa: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8.

Kif tistaʼ tersaq qrib lejn Alla, jiġifieri ssir ħabib tiegħu?

  • Mod wieħed hu permezz tat-​talb—dan hu kif titkellem m’Alla.

  • Mod ieħor hu permezz taʼ studju tal-​Bibbja—dan hu kif Alla “jkellem” lilek.

Komunikazzjoni bħal din bejnek u bejn Alla, permezz tat-​talb u studju tal-​Bibbja, se tgħinek tibni ħbiberija b’saħħitha m’Alla.

“Li titkellem maʼ Ġeħova—tikkomunika mal-​Iktar Għoli—hu wieħed mill-​ikbar privileġġi li jistaʼ jkollhom il-​bnedmin.”—Jeremy, 17-​il sena.

“Li ngħid lil Ġeħova dak li nkun qed inħoss ġewwa fija permezz tat-​talb jgħinni nħossni eqreb tiegħu.”—Miranda, 24 sena.

 Jisimgħu t-​talb Alla?

Kemm jekk temmen f’Alla—u kemm jekk titolbu—jistaʼ jkun diffiċli biex taċċetta l-​idea li hu vera qed jismaʼ. Madankollu, il-​Bibbja ssejjaħ lil Ġeħova “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2) Tistiednek ukoll biex ‘titfaʼ l-​ansjetà kollha tiegħek fuqu.’ Għala? ‘Għax hu jimpurtah minnek.’1 Pietru 5:7.

Aħseb dwar dan: Tqattaʼ ħin titkellem mal-​ħbieb tal-​qalb tiegħek b’mod regolari? Tistaʼ tagħmel l-​istess m’Alla. Tkellem miegħu regolarment fit-​talb, billi tuża ismu, Ġeħova. (Salm 86:5-7; 88:9) Fil-​fatt, il-​Bibbja tistiednek biex ‘titlob bla waqfien.’—1 Tessalonikin 5:17.

“It-​talb hu konversazzjoni bejni u bejn Missieri tas-​sema, u fih niftaħ qalbi kollha miegħu.”—Moises, 21 sena.

“Jien ngħidlu kollox lil Ġeħova, bħalma nagħmel m’ommi jew maʼ ħabiba tal-​qalb.”—Karen, 23 sena.

 Dwar xiex nistaʼ nitlob?

Il-​Bibbja tgħid: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.”—Filippin 4:6.

Ifisser dan li int tistaʼ titlob dwar il-​problemi tiegħek? Iva! Fil-​fatt il-​Bibbja tgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.”—Salm 55:22.

Ovvjament, fit-​talb tiegħek lil Alla m’għandekx titkellem biss dwar il-​problemi tiegħek. Chantelle, li għandha 23 sena, tgħid: “Ma tkunx ħbiberija daqshekk tajba jekk lil Ġeħova nkellmu biss meta nixtiequ jgħinni. Inħoss li l-​ewwel għandi nirringrazzjah, u l-​lista t’affarijiet għal xiex għandi nirringrazzjah għandha tkun waħda twila.”

Aħseb dwar dan: X’inhuma xi affarijiet f’ħajtek li inti grat għalihom? Tistaʼ taħseb fi tliet affarijiet li llum tistaʼ tirringrazzja lil Ġeħova għalihom?

“Anka xi ħaġa sempliċi bħal li tosserva fjura sabiħa, tistaʼ ġġiegħlek tgħid talba lil Ġeħova biex tirringrazzjah.”—Anita, 18-​il sena.

“Immedita fuq xi ħaġa fil-​ħolqien li timpressjonak jew fuq vers mill-​Bibbja li jmisslek qalbek, imbagħad irringrazzja lil Ġeħova għal dan.”—Brian, 20 sena.