Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għala għandek tkun onest?

Għala għandek tkun onest?

 Għala xi nies huma diżonesti

Fid-dinja tal-lum, donnu ma jaqbillekx li tkun onest. Wara kollox, xi wħud forsi jirraġunaw:

  • ‘Jekk ma nigdbilhomx lill-ġenituri tiegħi, nispiċċa naqlaʼ xi kastig.’

  • ‘Jekk ma niċċijtjax fl-eżami, jaf ma ngħaddix minnu.’

  • ‘Jekk ma nisraqhiex dil-ħaġa, ikolli noqgħod infaddal għaliha.’

‘Fuq kollox, x’hemm ħażin b’daqshekk?’ għandhom mnejn jistaqsu xi wħud. ‘Mhux kulħadd hu diżonest?’

It-tweġiba għal din il-mistoqsija hi le. Ħafna nies—inkluż għadd kbir taʼ żgħażagħ—jemmnu li jaqbillek li tkun onest, u għandhom raġuni tajba għala jemmnu hekk. Il-Bibbja tgħid: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Fi kliem ieħor, dak li nagħmlu dejjem se jkollu konsegwenzi—jew tajbin jew ħżiena.

Pereżempju, aħseb dwar xi konsegwenzi ħżiena li ħasdu xi wħud għax gidbu.

“Gdibt lil ommi dwar ġuvni. Hi kellha evidenza ċara li ma kontx qed ngħid il-verità. Mat-tielet darba li gdibt, ommi kienet veru diżappuntata. Għamilt ħmistax ma stajtx noħroġ u xahar ma stajtx nuża l-mowbajl jew nara t-televixin. Qatt ma rġajt gdibt lill-ġenituri tiegħi!”​—Anita.

Aħseb dwar dan: Għala jistaʼ jkun li jrid jgħaddi xi żmien biex omm Anita tkun tistaʼ terġaʼ tafdaha?

Il-Bibbja tgħid: “Issa li warrabtu l-gideb, għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu.”—Efesin 4:25.

“Jien gdibt lill-ġenituri tiegħi u ħsibt li kont għaddejtha lixxa sakemm iktar tard qaluli biex nerġaʼ ngħidilhom dak li kien ġara. Tant kemm kont ivvintajt xorti li ma stajtx niftakar dak li kont għedtilhom. Meta tgħid il-verità, ma jkollokx din il-problema!”—Anthony.

Aħseb dwar dan: Anthony kif setaʼ evita din is-sitwazzjoni imbarazzanti?

Il-Bibbja tgħid: “Xofftejn foloz [jew, li jigdbu] huma xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova, imma dawk li jaġixxu bil-fedeltà jieħu pjaċir bihom.”—Proverbji 12:22.

“Għandi ħabiba li tħobb iżżejjen l-istejjer tagħha. Hi tesaġera u ma tgħidx l-affarijiet kif ikunu. Jien inħobbha u nipprova ma tantx nieħu bis-serjetà dak li tkun qed tgħid. Imma nsibha diffiċli ħafna biex nemminha jew nafdaha.”​—Yvonne.

Aħseb dwar dan: L-esaġerazzjonijiet u li ma tgħidx il-fatti eżatt kif ikunu, kif jistgħu jeffettwaw ir-reputazzjoni tal-ħabiba taʼ Yvonne?

Il-Bibbja tgħid: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

Pedament imxaqqaq jistaʼ jdgħajjef bini sħiħ; bl-istess mod, id-diżonestà tistaʼ tħassar ir-reputazzjoni tajba tiegħek

 Għala jaqbillek li tkun onest?

Issa aħseb dwar xi konsegwenzi tajbin li tistaʼ taħsad jekk tkun onest.

“Mara li kienet miexja qabli waqgħulha xi flus. Għajjatilha u tajthomlha. Tgħidx kemm kienet grata. Hi qalet: ‘Dan kien veru ġest sabiħ. Ma tantx hawn nies onesti li lesti jagħmlu hekk.’ Ħassejtni ferħana li ġejt innotata għax għamilt dak li hu sewwa!”​—Vivian.

Aħseb dwar dan: Il-mara għala forsi ma stennithiex li tiltaqaʼ maʼ xi ħadd onest? Vivian kif ibbenefikat għax kienet onesta?

Il-Bibbja tgħid: “Henjin dawk li . . . jagħmlu s-sewwa l-ħin kollu.”—Salm 106:3.

“Bħala familja, aħna naħdmu fin-negozju taʼ tindif u manutenzjoni, u kultant waqt li nkunu qed innaddfu xi uffiċċju, insibu xi ħaġa żgħira tal-flus mal-art. Meta jiġri hekk, nitfgħu l-flus fuq l-eqreb desk. Impjegata minnhom kważi dejqitha l-onestà tagħna​—‘Dik ċuċata!’ qalet hi. Imma taf xiex? Dejjem kellna l-fiduċja tagħha.”​—Julia.

Aħseb dwar dan: Ir-reputazzjoni taʼ Julia bħala persuna onesta, kif tistaʼ tgħinha meta hi jkollha bżonn referenza għal xogħol ieħor?

Il-Bibbja tgħid: “Agħmel l-almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi.”—2 Timotju 2:15.

“Jien qbadt il-paga u minflok tħallast taʼ 64 siegħa tħallas taʼ 80 siegħa. Għalkemm malajr kont insib x’nagħmel bihom, ma tanix li nżommhom. Jien għedt dwar dan lil dik li toħroġ il-pagi, u hi kienet grata ħafna. Il-kumpanija sejra tajjeb, imma dawn kienu jkunu bħal flus misruqin u jien ma stajtx inżommhom.”​—Bethany.

Aħseb dwar dan: Li tisraq minn kumpanija huwa inqas gravi milli tisraq mingħand xi ħadd?

Il-Bibbja tgħid: “Il-qarrieq huwa mistkerrah minn Ġeħova, imma Hu għandu relazzjoni intima mar-retti.”—Proverbji 3:32.