Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għala titgħallem lingwa ġdida?

Għala titgħallem lingwa ġdida?

Meta tkun qed titgħallem lingwa ġdida tibda ssir taf kemm inti ddixxiplinat miegħek innifsek u kemm int umli. Huwa dan l-​isforz worth it? Ħafna żgħażagħ iwieġbu iva! Dan l-​artiklu se jispjega għala jitgħallmu lingwa ġdida.

 Għala tagħmel dan?

Ħafna jitgħallmu lingwa ġdida għax ikun suġġett obbligatorju fl-​iskola. Oħrajn għandhom raġunijiet persunali. Pereżempju:

  • Anna, mill-​Awstralja, li għandha 25 sena, iddeċidiet li titgħallem il-​Latvjan, il-​lingwa tal-​pajjiż fejn twieldet ommha. Anna tgħid, “Bħala familja qed nippjanaw biex immorru l-​Latvja, u nixtieq li nkun nistaʼ nitkellem maʼ dawk li jiġu minni meta mmorru hemmhekk.”

  • Gina, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova mill-​Istati Uniti, li għandha 20 sena, tgħallmet il-​Lingwa tas-​Sinjali Amerikana u marret toqgħod il-​Belize biex tkun tistaʼ tagħmel iktar fix-​xogħol tal-​ippritkar. Hi tgħid, “Persuna nieqsa mis-​smigħ jistaʼ jkollha biss ftit nies li kapaċi jikkomunikaw magħha. In-​nies veru japprezzaw meta ngħidilhom li tgħallimt il-​Lingwa tas-​Sinjali Amerikana biex inkun nistaʼ ngħallimhom dwar il-​Bibbja!”

Kont taf? Il-​Bibbja qalet minn qabel li l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla se tiġi mxandra maʼ nies taʼ “kull ġens u tribù u lsien.” (Rivelazzjoni 14:6) Bħalma ħabbret din il-​profezija, ħafna żgħażagħ li huma Xhieda taʼ Ġeħova hekk qed jagħmlu. Qed jitgħallmu lingwa oħra biex ikunu jistgħu jagħmlu iktar fix-​xogħol tal-​ippritkar f’pajjiżhom stess jew f’pajjiż ieħor.

 Xi sfidi se tiffaċċja?

Mhux faċli li titgħallem lingwa ġdida. Corrina, żagħżugħa taʼ 17-​il sena, tgħid, “Jien kont naħseb li kelli sempliċiment nitgħallem kliem ġdid, imma sirt naf li ridt nitgħallem ukoll kultura ġdida u mod ġdid taʼ kif naħseb. Biex titgħallem lingwa ġdida għandek bżonn ħafna ħin.”

Għandek bżonn ukoll l-​umiltà. James, żagħżugħ taʼ 24 sena li tgħallem l-​Ispanjol, jgħid, “Trid titgħallem tidħaq bik innifsek, għax se tagħmel ħafna żbalji. Imma dan parti milli titgħallem.”

Ir-​realtà hi: Jekk tistaʼ tkampa mal-​problemi​—u xi kultant maʼ żbalji imbarazzanti​—għandek iktar ċans li jirnexxilek titgħallem lingwa ġdida.

Suġġeriment: Taqtax qalbek jekk tara lil oħrajn jitgħallmu malajr iktar minnek. Il-​Bibbja tgħid: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”​—Galatin 6:4.

 X’inhuma l-​benefiċċji?

Hemm ħafna benefiċċji f’li titgħallem lingwa ġdida. Pereżempju Olivia, żagħżugħa taʼ 18-​il sena, tgħid, “Meta titgħallem lingwa ġdida se jkollok iktar opportunitajiet u se tagħmel ħbieb ġodda.”

Mary, żagħżugħa taʼ 17-​il sena, ħasset li l-​fatt li bdiet titgħallem lingwa ġdida għenha jkollha iktar kunfidenza fiha nfisha. Hi tgħid, “Hu diffiċli għalija li nħossni kburija bl-​affarijiet li nagħmel, imma issa li qed nitgħallem lingwa, kull kelma ġdida li nitgħallem tagħmilni ferħana. Dan jgħinni nħossni aħjar dwari nnifsi.”

Gina, li ssemmiet qabel, sabet li kemm ilha tgħallem lin-​nies minn fuq il-​Bibbja bil-​lingwa tas-​sinjali, tkun iktar ferħana fil-​ministeru. Hi tgħid, “Għalija hu l-​isbaħ rigal meta nara kemm jieħdu pjaċir in-​nies meta nibda nkellimhom bil-​lingwa tagħhom stess!”

Ir-​realtà hi: Li titgħallem lingwa ġdida se jgħinek tagħmel ħbieb ġodda, itik iktar kunfidenza, u jtik iktar skop għall-​ministeru. Dan hu mod importanti kif tilħaq “kull ġens u tribù u poplu u lsien” bl-​aħbar tajba.​—Rivelazzjoni 7:9.