Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ⁠-⁠ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’nistaʼ nagħmel biex il⁠-⁠ġenituri jafdawni?

X’nistaʼ nagħmel biex il⁠-⁠ġenituri jafdawni?

 Dak li għandek tkun taf

Il⁠-⁠fiduċja li ħaddieħor ikollu fik tiddependi minn kemm int taʼ min joqgħod fuqek. Li tobdi r⁠-⁠regoli tal⁠-⁠ġenituri hu bħal meta tħallas id⁠-⁠dejn. Hemm bżonn tobdi l⁠-⁠ġenituri tiegħek. Iktar kemm tkun bil⁠-⁠għaqal biex tagħmel ‘il⁠-⁠pagamenti’ aktarx iktar se jagħtuk ‘flus’ (jew libertà). Mill⁠-⁠banda l⁠-⁠oħra, jekk m’intix taʼ min jafdak, tkunx sorpriż jekk il⁠-⁠ġenituri jsellfuk inqas ‘flus.’

Jieħu ż⁠-⁠żmien biex tirbaħ il⁠-⁠fiduċja tal⁠-⁠ġenituri. Hemm bżonn li turi li int responsabbli b’mod regolari sabiex il⁠-⁠ġenituri jagħtuk iktar libertà.

STORJA VERA: “Bħala żagħżugħ, kont naf eżatt x’kienu qed jistennew minni l⁠-⁠ġenituri tiegħi, allura kont taparsi nagħmel dawk l⁠-⁠affarijiet waqt li fir⁠-⁠realtà kont nagħmel taʼ rasi bil⁠-⁠moħbi. Dan għamilha diffiċli għall⁠-⁠ġenituri biex jafdawni. Wara ftit, tgħallimt li hemm mod wieħed biss kif il⁠-⁠ġenituri jistgħu jafdawni iktar, u dan mhuwiex billi nkun diżonest. Hemm bżonn li tkun taʼ min jafdak sabiex tkun iktar fdat.”​—⁠Craig.

 Dak li tistaʼ tagħmel

Għid il⁠-⁠verità—⁠anki meta ma jaqbillekx. Kulħadd jiżbalja, imma li toqgħod tigdeb biex taħbi l⁠-⁠iżbalji (jew li tgħid nofs verità) se jwassal biex il⁠-⁠ġenituri jitilfu kwalunkwe fiduċja li għandhom fik. Mill⁠-⁠banda l⁠-⁠oħra, meta l⁠-⁠ġenituri jinnotaw li maż⁠-⁠żmien qed tkun iktar u iktar onest, dawn se jirrealizzaw li issa int matur biżżejjed biex tammetti l⁠-⁠iżbalji tiegħek stess. U b’hekk se tkun persuna li jistgħu jafdaw.

“Ħafna drabi l⁠-⁠fiduċja ma tintilifx għax tagħmel żball, imma żgur tintilef jekk tipprova taħbih.”​—⁠Anna.

Il⁠-⁠Bibbja tgħid: “Nixtiequ nġibu ruħna bl⁠-⁠onestà f’kollox.”—⁠Ebrej 13:18.

  • Aħseb dwar dan: Meta l⁠-⁠ġenituri jsaqsuk fejn int sejjer u x’se tagħmel, tgħidilhom il⁠-⁠verità kollha? Jew meta jsaqsuk fejn kont u x’għamilt, tevita li tgħidilhom id⁠-⁠dettalji li jkunu jixtiequ jisimgħu?

Kun responsabbli. Obdi r⁠-⁠regoli tal⁠-⁠familja. Agħmel il⁠-⁠faċendi mill⁠-⁠ewwel. Żomm il⁠-⁠ħin tal⁠-⁠appuntamenti. Kun responsabbli biex tagħmel il⁠-⁠homework. Ara li tidħol id⁠-⁠dar fil⁠-⁠ħin.

“Jekk il⁠-⁠ġenituri jħalluk toħroġ mal⁠-⁠ħbieb imma jitolbuk biex tkun id⁠-⁠dar fid⁠-⁠9 taʼ filgħaxija, tidħolx id⁠-⁠dar fl⁠-⁠10:30 u tistenna li jħalluk terġaʼ toħroġ mal⁠-⁠ħbieb!”​—⁠Ryan.

Il⁠-⁠Bibbja tgħid: “Kull wieħed iġorr it⁠-⁠tagħbija [jew “it⁠-⁠tagħbija taʼ responsabbiltà”] tiegħu.”—⁠Galatin 6:5.

  • Aħseb dwar dan: X’inhi r⁠-⁠reputazzjoni tiegħek dwar li tkun fil⁠-⁠ħin, tlesti l⁠-⁠faċendi, u tobdi r⁠-⁠regoli—⁠anki dawk li ma tħobbx?

Kun paċenzjuż. Jekk il⁠-⁠ġenituri jitilfu l⁠-⁠fiduċja fik, se jkollu jgħaddi ż⁠-⁠żmien biex jerġgħu jafdawk. Kun lest li tistenna.

“Kont niffrustra ruħi meta l⁠-⁠ġenituri tiegħi ma kinux jagħtuni iktar responsabbiltà meta kelli ċerta età. Kont naħseb li iktar kemm nikber iktar ikolli maturità. Tlabt il⁠-⁠ġenituri tiegħi biex jagħtuni opportunitajiet ħalli nurihom li jien taʼ min joqgħod fuqi. Għadda ftit taż⁠-⁠żmien mhux ħażin, imma rnexxieli. Tgħallimt li l⁠-⁠fiduċja tiġi b’dak li tagħmel u mhux bl⁠-⁠età.”​—⁠Rachel.

Il⁠-⁠Bibbja tgħid: “Ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.”—⁠2 Korintin 13:5.

  • Aħseb dwar dan: Biex il⁠-⁠ġenituri tiegħek ikollhom (jew jerġgħu jkollhom) fiduċja fik, x’inhuma xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex ‘tagħti prova taʼ x’int’?

SUĠĠERIMENT: Agħmel mira fuq li tkun puntwali, li tispiċċa l⁠-⁠faċendi, li tkun lura d⁠-⁠dar fil⁠-⁠ħin, jew fuq xi ħaġa oħra. Għid lill⁠-⁠ġenituri dwar dak li ddeċidejt, u saqsihom x’qed jistennew minnek biex ikollhom fiduċja fik. Imbagħad irsisti biex tobdi t⁠-⁠twissija li nsibu fil⁠-⁠Bibbja: ‘Inżaʼ l⁠-⁠personalità l⁠-⁠qadima li taqbel maʼ kif kont iġġib ruħek qabel.’ (Efesin 4:22) Maż⁠-⁠żmien, il⁠-⁠ġenituri tiegħek se jaraw il⁠-⁠progress tiegħek!