Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Jekk ġenitur ikun marid

Jekk ġenitur ikun marid

Ħafna żgħażagħ ma joqogħdux jaħsbu fuq li xi darba jridu jieħdu ħsieb lill-​ġenituri tagħhom. Wara kollox, jaf jgħaddu s-​snin qabel ma l-​ġenituri tagħhom jibda jkollhom problemi taʼ saħħa.

Imma xi ngħidu jekk ommok jew missierek jimrad waqt li tkun għadek qed tikber? Ikkunsidra minn liema sitwazzjoni kellhom jgħaddu żewġ żgħażagħ.

 L-​istorja taʼ Emmaline

Ommi għandha l-​Ehlers-​Danlos syndrome (EDS), marda kronika u taʼ wġigħ li teffettwa l-​arterji u l-​vini, il-​ġogi, u l-​ġilda.

M’hemmx kura għal din il-​marda, u f’dawn l-​aħħar għaxar snin il-​kundizzjoni taʼ ommi marret lura. Fil-​fatt, kien hemm drabi li tant kellha l-​livell tad-​demm baxx li kienet tkun fil-​periklu tal-​mewt, jew ġieli l-​uġigħ tant kien ikun qawwi li ma kinitx tkun trid tgħix iktar.

Jien u l-​familja tiegħi Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​aħwa fil-​kongregazzjoni vera huma taʼ faraġ għalina! Pereżempju, m’ilux tfajla tampari bagħtitilna kard biex tgħidilna li tħobbna u biex tassigurana li hi kienet dejjem se tkun hemm għalina. Kemm hi ħaġa sabiħa li jkollok ħabiba bħal din!

Il-​Bibbja kienet t’għajnuna kbira għalija. Pereżempju, waħda mill-​iskritturi favoriti tiegħi hi Salm 34:18, li tgħid: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma.” Oħra qiegħda f’​Ebrej 13:6, li tgħid, “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”

L-​iskrittura t’Ebrej tfisser ħafna għalija. L-​ikbar biżaʼ li għandi hi li nitlef lil ommi fil-​mewt. Inħobbha ħafna, u jien grata taʼ kull ġurnata li nqattaʼ magħha. Dan il-​vers tal-​Bibbja jgħinni nirrealizza li jien nistaʼ niffaċċja l-​futur b’kuraġġ, jiġri x’jiġri.

Imma għandi biżaʼ oħra. Xi ħaġa dwar l-​EDS hi li din hija ereditarja. Ommi ħaditha mingħand ommha, u jien ħadtha mingħand ommi. Hekk hu​—jien ukoll għandi l-​EDS. Imma Ebrej 13:6 jassigurani li anke f’din il-​ħaġa “Ġeħova hu dak li jgħinni.”

Sadanittant, nipprova napprezza dak li għandi issa u ma ngħixx fil-​passat—jew noqgħod ninkwieta fuq il-​futur. Jekk noqgħod inqabbel x’kienet tistaʼ tagħmel ommi qabel maʼ dak li tistaʼ tagħmel issa, jaqbduni dwejjaq kbar. Il-​Bibbja tgħid li l-​provi li niffaċċjaw huma ‘mumentanji u ħfief’ meta nqabbluhom mat-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem mingħajr mard.​—2 Korintin 4:17; Rivelazzjoni 21:1-​4.

Aħseb dwar dan: X’jgħin lil Emmaline iżżomm attitudni pożittiva? Kif tistaʼ int tibqaʼ pożittiv meta tiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli?

 L-​istorja taʼ Emily

Meta kont fis-​sekondarja, missieri beda jbati għall-​ewwel darba mid-​dipressjoni. Kien qisu sar persuna oħra. Minn dakinhar, missieri beda jkollu mumenti taʼ dwejjaq kbar, biżaʼ kbira, u attakki taʼ ansjetà. Issa, ilu 15-​il sena jbati minn dan. Nistaʼ nimmaġina kemm hi diffiċli għalih li filli jkun sew u filli jħoss dwejjaq kbar, avolja hu jaf li m’hemm l-​ebda raġuni valida għala għandu jħossu hekk!

Aħna Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​aħwa fil-​kongregazzjoni tagħna huma taʼ sapport kbir għalina. Sħabna fit-​twemmin juruna qalb tajba u jifhmuna, u lil missieri ħadd qatt ma ġiegħlu jħossu li ma jiswa għal xejn fil-​kongregazzjoni. Meta nara kif missieri qed jiġġieled din il-​prova, iġegħelni nħobbu ħafna iktar.

Nimmissja kemm kien kuntent missieri qabel, li ma kienx jinħakem mill-​ansjetà u jbati minn dan kollu. Vera jiddispjaċini li hu jkollu jiġġieled kuljum maʼ dan l-​għadu li hemm biss f’moħħu.

Minkejja dan, missieri jagħmel sforz kbir biex iżomm ħarsa pożittiva. M’ilux, waqt li kien għaddej minn perijodu ikrah tad-​dipressjoni, hu għamel mira li jaqra parti mill-​Bibbja kuljum, anke jekk kienu ftit versi biss. Dan saħħu bil-​kbir. Għalkemm tidher li kienet xi ħaġa żgħira li għamel, l-​effett li ħalliet fuq ħajtu kien tal-​għaġeb. Qatt ma ħassejtni kburija b’missieri daqs kemm kont matul dak iż-​żmien diffiċli.

Togħġobni ħafna l-​iskrittura taʼ Neħemija 8:10, li tgħid: “Il-​ferħ taʼ Ġeħova hu l-​fortizza tagħkom.” Dan hu tassew minnu. Il-​ferħ li nħoss meta nkun mal-​kongregazzjoni, meta nipparteċipa u nieħu sehem sħiħ, jgħinni meta nkun imdejqa u jimlieli l-​vojt li nkun qed inħoss. Dan itini s-​saħħa li jkolli bżonn fil-​ġurnata. L-​eżempju taʼ missieri għallimni li kull ħaġa li niffaċċja, Ġeħova se jkun dejjem hemm lest biex jgħinni.

Aħseb dwar dan: Emily kif kienet taʼ sapport għal missierha matul il-​marda tiegħu? Int kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd li qed ibati mid-​dipressjoni?