Kultant tkun barka li koppja tinfired. Ħu l-esperjenza taʼ Jill. “Għall-ewwel,” tgħid hi, “kont nieħu gost li l-għarus kien dejjem jinkwieta dwar fejn kont, x’kont qed nagħmel, u maʼ min kont qiegħda. Imma wasalt sal-punt fejn ma stajt inqattaʼ l-ħin maʼ ħadd ħliefu. Kien anke jgħir meta kont inqattaʼ l-ħin mal-familja—speċjalment maʼ missieri. Meta ħassart minn mal-għarus, ħassejtni bħallikieku neħħejt għoqla minn fuq l-istonku!”

Sarah kellha esperjenza simili. Hi bdiet tinnota li John, iż-żagħżugħ li kienet qed toħroġ miegħu, kien sarkastiku, maledukat, u ma tikkuntentah b’xejn. “Darba,” tiftakar Sarah, “hu ġie tliet sigħat tard! Meta ommi fetħitlu injoraha, u mbagħad qal, ‘Ejja ħa mmorru għax qegħdin tard.’ Mhux ‘Qiegħed tard,’ imma ‘Qegħdin tard.’ Kien imissu skuża ruħu jew spjega għala kien tard. Fuq kollox, kien imissu wera rispett lejn ommi!”

M’għandniex xi ngħidu, ma jfissirx li għandek ittemm relazzjoni jekk xi darba tkun iddiżappuntat jew jekk ikun hemm karatteristika li ma togħġbokx. (Salm 130:3) Imma meta Sarah rrealizzat li l-imġiba maledukata taʼ John ma kinitx xi ħaġa taʼ darba, hi ddeċidiet li ttemm ir-relazzjoni tagħha miegħu.

Xi ngħidu jekk, bħal Jill u Sarah, int tasal għall-konklużjoni li l-persuna li qed toħroġ magħha ma tkunx xierqa għaż-żwieġ? F’dan il-każ, tinjorax is-sentimenti tiegħek! Ikun kemm ikun diffiċli għalik, forsi jkun aħjar li ttemm ir-relazzjoni. Proverbji 22:3 jgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.”

Veru, jistaʼ ma jkunx faċli li tħassar. Imma ż-żwieġ huwa rabta permanenti. Aħjar tgħix b’uġigħ għal ftit żmien issa milli iktar tard jiddispjaċik għal għomrok!