Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kif Nistaʼ Ningwalaha mal-Għalliem Tiegħi?

Kif Nistaʼ Ningwalaha mal-Għalliem Tiegħi?

Ieqaf u aħseb!

Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Rachel. Rachel dejjem kienet iġġib marki għoljin fl-iskola. Imbagħad meta telgħet Form 1, l-affarijiet inbidlu. Rachel tgħid: “L-għalliem tiegħi kien jagħmel minn kollox biex ma jgħaddinix mis-suġġett tiegħu.” X’kienet il-problema? L-għalliem għamilha ovvja, kemm lil Rachel u kemm lil ommha, li ma kinitx togħġbu r-reliġjon tagħhom.

L-għalliema jistgħu jiġu mqabblin maʼ ġebel fi xmara li jistaʼ jgħinek biex mill-injoranza tasal għall-għarfien, iżda trid tkun int li taqbeż minn ġebla għall-oħra

X’ġara? Rachel tgħid: “Kull darba li kien ikun jidher ovvju li l-għalliem qed iħalli l-preġudizzju tiegħu jeffettwa l-mod kif jagħtini l-marki fix-xogħol tiegħi, ommi kienet tiġi miegħi biex niddiskutu l-kwistjoni mal-għalliem. Maż-żmien ma baqax jagħmilli l-bsaten fir-roti.

Jekk tesperjenza sfida simili, rabbi l-kuraġġ biex titkellem mal-ġenituri tiegħek dwarha. Bla dubju, huma se jkunu interessati li jitkellmu mal-għalliem u forsi mal-membri tal-amministrazzjoni tal-iskola biex flimkien isibu soluzzjoni.

Irridu nammettu li xi wħud mill-problemi ma jiġux solvuti kif ġieb u laħaq. Xi kultant, ikollok tissaporti. (Rumani 12:17, 18) Tanya tgħid: “Wieħed mill-għalliema tiegħi kellu attitudni negattiva lejn l-istudenti tiegħu. Hu spiss kien jinsultana u jgħajjarna stupidi. Għall-ewwel kien ibikkini, imma mbagħad tgħallimt ma niħux għalih. Kont niffoka fuq ix-xogħol tiegħi u kont inżomm ruħi okkupata waqt il-lezzjoni tiegħu. Bħala riżultat, ma baqax idejjaqni daqshekk, u jien kont waħda mill-ftit studenti li kienu jġibu marki tajbin. Sentejn wara, dan l-għalliem ġie mkeċċi mill-iskola.

Il-konklużjoni: Jekk titgħallem tkampa maʼ xi għalliem li jkollu karattru diffiċli, int se tikseb abbiltà taʼ valur fil-ħajja—abbiltà li se ssibha utli meta jkollok mgħallem diffiċli biex tingwalaha miegħu. (1 Pietru 2:18) Se titgħallem ukoll kif tapprezza l-għalliema tajbin li jistaʼ jkollok.