Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’Għandi Nagħmel Jekk Qed Niffaċċja Fastidju Sesswali?

X’Għandi Nagħmel Jekk Qed Niffaċċja Fastidju Sesswali?

 X’inhu l-fastidju sesswali?

Il-fastidju sesswali jinkludi kwalunkwe mġiba sesswali mhix mixtieqa​—⁠inkluż it-tmesmis jew anke kummenti fuq affarijiet sesswali. Imma xi kultant jistaʼ jkun diffiċli li tara d-differenza bejn li tinki, tifflertja, u li tagħti fastidju sesswali.

Tafha d-differenza bejniethom? Agħmel il- kwizz dwar il-fastidju sesswali u sir af!

Sfortunatament, il-fastidju sesswali mhux dejjem jieqaf meta tispiċċa mill-iskola. Imma jekk tiżviluppa l-kunfidenza u l-abbiltajiet li teħtieġ biex tkampa meta tiffaċċja l-fastidju sesswali issa, se tkun imħejji biex tiffaċċjah meta tibda taħdem. U għandek mnejn saħansitra twaqqaf lil xi ħadd milli jagħti fastidju sesswali lil nies oħra!

 Xi ngħidu jekk qed niffaċċja fastidju sesswali?

Hemm iktar ċans li twaqqaf fastidju sesswali jekk tkun taf x’inhu u kif għandek tirreaġixxi għalih! Ikkunsidra tliet sitwazzjonijiet u kif tistaʼ taġixxi f’kull waħda minnhom.

SITWAZZJONI:

“Fuq ix-xogħol, xi rġiel li kienu ħafna akbar minni baqgħu jgħiduli kemm jiena ħelwa u li xtaqu li kienu 30 sena iżgħar. Wieħed minnhom saħansitra ġie minn warajja u xammli xagħri!”​—⁠Tabitha, 20 sena.

Tabitha setgħet irraġunat: ‘Jekk ninjorah jew nissaporti, forsi jieqaf.’

Għala dan probabbilment ma jgħinx: L-esperti jgħidu li meta l-vittmi jinjoraw il-fastidju sesswali, dan spiss ikompli u jiggrava.

Minflok, ipprova dan: Iżżommx lura u għid lil dak li jkun qed idejqek​—⁠b’mod kalm imma ċar​—⁠li m’intix se toqgħod għaliha li jkellmek jew jaġixxi hekk. Taryn, li għandha 22 sena, tgħid: “Jekk xi ħadd imissni b’mod mhux xieraq jien indur fuqu u ngħidlu, ‘Ara ma jfettillekx tmissni darb’oħra.’ Is-soltu dan iġibu dahru mal-ħajt.” Jekk dak li jkun qed idejqek jibqaʼ sejjer biha, kun sod u taqtax qalbek. Meta tiġi biex iżżomm livelli morali għoljin, il-parir tal-Bibbja hu: “Kun sod, matur, u kunfidenti.”​—⁠Kolossin 4:​12, The New Testament in Contemporary Language.

Xi ngħidu jekk dak li jkun qed jagħtik fastidju jhedded li jweġġgħek? F’dak il-każ, tħaqqaqhiex miegħu. Aħrab mis-sitwazzjoni malajr kemm jistaʼ jkun, u fittex l-għajnuna taʼ adult li tafda.

SITWAZZJONI:

“Meta kont Form 1, żewġ tfajliet qabduni fil-kuritur tal-iskola. Waħda minnhom kienet lesbjana u riditni noħroġ magħha. Għalkemm irrifjutajt, baqgħu jagħtuni fastidju sesswali kuljum bejn il-lezzjonijiet. Darba minnhom anke imbottawni mal-ħajt!”​—⁠Victoria, 18-il sena.

Victoria setgħet irraġunat: ‘Jekk ngħid lil xi ħadd dwar dan se jaħsbuni beżżiegħa, u forsi ħadd ma jemminni.’

Għala raġunar bħal dan probabbilment ma kienx se jgħin: Jekk iżżomm lura milli tgħid lil xi ħadd, dak li jkun qed jagħtik fastidju għandu mnejn ikompli u anke jagħti fastidju lil oħrajn.​—⁠Ekkleżjasti 8:11.

Minflok, ipprova dan: Itlob l-għajnuna. Il-ġenituri u l-għalliema jistgħu jagħtuk l-appoġġ li teħtieġ biex tkampa maʼ dak li jkun qed jagħtik fastidju sesswali. Imma x’tistaʼ tagħmel jekk in-nies lil min tgħid ma jiħdukx bis-serjetà? Ipprova dan: Kull darba li xi ħadd jagħtik fastidju sesswali, ikteb id-dettalji. Kull darba inkludi d-data, il-ħin, u l-post, flimkien maʼ dak li jkun qal. Imbagħad agħti kopja lill-ġenituri jew l-għalliem tiegħek. Ħafna nies iktar jagħtu kas ilment bil-miktub milli lment verbali.

SITWAZZJONI:

“Veru kont nibżaʼ minn ġuvni li kien jilgħab mat-tim tar-rugby. Kien twil kważi żewġ metri, u kien jiżen xi 135 kilo! Waħħalha f’rasu li jrid ikollu x’jaqsam miegħi. Kien jaqbad miegħi kważi kuljum għal sena sħiħa. Darba konna jien u hu biss fil-klassi u beda jersaq iktar viċin tiegħi. Qomt bilwieqfa u ħrabt niġri ’l barra.”​—⁠Julieta, 18-il sena.

Julieta setgħet irraġunat: ‘Is-subien dejjem hekk jaġixxu.’

Għala dan probabbilment ma kienx se jgħin: Dak li jkun qed jagħtik fastidju sesswali ma tantx se jbiddel l-imġiba tiegħu jekk kulħadd jaħseb li mhu qed jagħmel xejn ħażin.

Minflok, ipprova dan: Irreżisti t-tentazzjoni li tieħu s-sitwazzjoni ħafif ħafif jew li tirreaġixxi bi tbissima. Minflok, kun ċert li r-reazzjoni tiegħek​—⁠inkluż l-espressjoni taʼ wiċċek​—⁠tagħmilha ċara għal dak li jkun qed idejqek x’inhuma l-limiti tiegħek.

 Kieku jien x’nagħmel?

L-1 STORJA VERA:

Jien xejn ma nieħu pjaċir inkun maledukata maʼ xi ħadd. Allura anke meta s-subien baqgħu jagħtuni fastidju, kont ngħidilhom biex jieqfu​—⁠imma ma tantx kont soda, u spiss kont nitbissem jien u ngħidilhom. Ħasbu li kont qed nifflertja.”—Tabitha.

  • Li kieku int kont Tabitha, kif kont tittrattahom lil dawk is-subien? Għala?

  • X’jistaʼ jġiegħel lil dak li jkun qed jagħtik fastidju jaħseb li qed tifflertja miegħu?

IT-2 STORJA VERA:

Kollox beda bi ftit kummenti ħamalli minn xi subien fil-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika. Għal ftit ġimgħat injorajt dak li kienu qed jgħidu, imma s-sitwazzjoni ggravat. Imbagħad is-subien bdew ipoġġu bilqiegħda ħdejja u jdawru jdejhom miegħi. Kont nimbottahom imma baqgħu jagħmluha. Ġuvni minnhom saħansitra tani karta b’messaġġ offensiv. Tajtha lill-għalliem tiegħi u l-ġuvni tkeċċa mill-iskola għal ftit żmien. Irrealizzajt li messni mort għand l-għalliem mill-ewwel!”—Sabina.

  • Għala taħseb li Sabina ddeċidiet li ma tmurx għand l-għalliem mill-ewwel? Taħseb li ħadet deċiżjoni tajba? Għala?

IT-3 STORJA VERA:

Ħija Greg kien fit-tojlits meta ġie fuqu ġuvni ieħor. Dan il-ġuvni resaq viċin ħafna taʼ Greg u qallu, ‘Busni.’ Greg qallu le, imma l-ġuvni ma telaqx minn quddiemu. Infatti, Greg kellu jimbottah ’l hemm.”—Suzanne.

  • Taħseb li Greg kien vittma taʼ fastidju sesswali? Għala?

  • Għala taħseb li xi subien jaħsbuha darbtejn biex jgħidu li tifel ieħor ikun tahom fastidju sesswali?

  • Taqbel mal-mod kif Greg irreaġixxa? Kieku int x’kont tagħmel?