Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Tagħmel differenza liema mużika nagħżel li nismaʼ?

Tagħmel differenza liema mużika nagħżel li nismaʼ?

“Meta nkun qed inlesti, nixgħel id-​diski. Meta nidħol fil-​karozza, nixgħel id-​diski. Meta nkun id-​dar qed nirrilassa, innaddaf, u saħansitra naqra—dejjem bil-​mużika għaddejja. Jien il-​ħin kollu nismaʼ d-​diski.”​—Carla.

Tħobb int il-​mużika bħalma tħobbha Carla? Jekk inhu hekk, dan l-​artiklu se jgħinek tgawdi l-​benefiċċji, tevita l-​perikli, u tagħżel il-​mużika tiegħek bil-​għaqal.

 Il-​benefiċċji

Li tismaʼ l-​mużika jistaʼ jitqabbel mal-​ikel. Jekk tiekol ikel tajjeb u tieħu kemm hu xieraq jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalik. L-​istess bil-​mużika. Ikkunsidra:

  • Il-​mużika tistaʼ tgħinek biex ikollok burdata aħjar.

    “Meta jkolli ġurnata ħażina, nitfaʼ d-​diski li jogħġbuni u kważi mill-​ewwel inħossni aħjar.”​—Mark.

  • Il-​mużika tistaʼ tieħdok lura fiż-​żmien.

    “Spiss, diska partikulari tfakkarni f’memorja sabiħa, allura nieħu pjaċir biha kull darba li nismagħha.”​—Sheila.

  • Il-​mużika tistaʼ toħloq atmosfera li tgħaqqad.

    “Jien kont f’konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u hekk kif dawk kollha preżenti kantaw l-​aħħar għanja, qabiżli d-​dmugħ. Nitkellmu b’lingwi differenti, imma l-​mużika għaqqditna.”​—Tammy.

  • Il-​mużika tistaʼ tgħinek tiżviluppa kwalitajiet importanti.

    “Li titgħallem iddoqq strument mużikali jgħinek biex tiżviluppa d-​dixxiplina u l-​paċenzja. Mhix xi ħaġa li titgħallimha kif ġieb u laħaq. L-​unika mod biex iddoqq aħjar hu permezz tal-​prattika.”​—Anna.

Kont taf? L-​itwal ktieb tal-​Bibbja—is-​Salmi—fih 150 għanja.

Kun selettiv meta tagħżel x’mużika se tismaʼ bħalma tagħmel bl-ikel

 Il-​perikli

Xi mużika, bħal ikel ħażin, tistaʼ tkun velenuża. Ara għala.

  • Ħafna kliem tad-​diski hu espliċitu dwar is-​sess.

    “Donnu d-​diski popolari kollha huma dwar is-​sess. Lanqas biss għadhom jipprovaw jagħmlu l-​affarijiet bil-​moħbi.”​—Hannah.

    Il-​Bibbja tgħid: “Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-​żína u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-​regħba.” (Efesin 5:3) Staqsi lilek innifsek, ‘Il-​mużika li nismaʼ żżommni lura milli nobdi din it-​twissija?’

  • Xi mużika tistaʼ tqabbdek id-​dwejjaq.

    “Xi kultant inkun imqajma billejl u nismaʼ mużika li ġġegħelni naħseb dwar affarijiet li jġibuli dwejjaq u niket. Mużika taʼ dwejjaq tistaʼ ġġiblek ħafna ħsibijiet koroh.”​—Tammy.

    Il-​Bibbja tgħid: “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek.” (Proverbji 4:23) Staqsi lilek innifsek, ‘Il-​mużika li nismaʼ ġġegħelni naħseb dwar affarijiet negattivi?’

● Xi mużika tistaʼ tqanqal rabja.

“Mużika li tqanqal ir-​rabja, il-​mibegħda, u li ġġiegħlek tobgħod lilek innifsek hi periklu sottili għalija. Innotajt li tagħmel differenza fil-​burdata tiegħi meta nismaʼ din it-​tip taʼ mużika. Anki l-​familja tiegħi nnotatu dan.”​—John.

Il-​Bibbja tgħid: ‘Warrbuhom kollha, il-​korla, ir-​rabja, il-​ħażen, it-​tgħajjir, u l-​kliem oxxen minn fommkom.’ (Kolossin 3:8) Staqsi lilek innifsek, ‘Il-​mużika li nismaʼ tagħmilni aggressiv, jew saħansitra li lanqas biss jimpurtani mis-​sentimenti t’oħrajn?’

Il-​konklużjoni? Kun selettiv. Żagħżugħa jisimha Julie hekk tipprova tagħmel. “Jien spiss nara x’diski għandi u nħassar kull waħda li ninduna li mhix xierqa,” tgħid hi. “Mhux dejjem faċli, imma naf li hekk għandi nagħmel.”

Żagħżugħa jisimha Tara qed titgħallem xi ħaġa simili. Hi tgħid: “Kultant waqt li nkun qed nismaʼ r-​radju tiġi diska b’daqqa tajba, imma mbagħad nismaʼ l-​kliem u ninduna li għandi nbiddel l-​istazzjon. Dan inqabblu maʼ pasta vera tajba li wara li nieħu l-​ewwel gidma ma nkunx nistaʼ nkompli nikolha. Imma jekk jien determinata li ma nismax diska dwar is-​sess, x’aktarx li se nkun determinata biex ma nagħmilx is-​sess qabel iż-​żwieġ. Ma rridx nieħu ħafif ħafif l-​effett li l-​mużika tistaʼ tħalli fuqi.”