Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’għandi nkun naf dwar l-attakki sesswali?—L-1 parti: Prekawzjonijiet

X’għandi nkun naf dwar l-attakki sesswali?—L-1 parti: Prekawzjonijiet

 X’inhu attakk sesswali?

Għalkemm it-​tifsir legali jvarja minn post għal ieħor, il-​frażi “attakk sesswali” tistaʼ tirreferi għal kuntatt sesswali mhux mixtieq, u xi kultant dan jinvolvi l-​forza fiżika. Jistaʼ jinvolvi abbuż sesswali fuq it-​tfal jew adoloxxenti, inċest, stupru, u sfruttament jew esplojtazzjoni sesswali minn xi ħadd li suppost tistaʼ tafdah—forsi minn tabib, għalliem, jew membru tal-​kleru. Xi vittmi, kemm jekk jiġu attakkati verbalment u kemm jekk fiżikament, jiġu mhedda li se jiddispjaċihom jekk jirrapportaw dak li jkun ġara.

Skont stħarriġ, kull sena fl-​Istati Uniti biss, kważi kwart taʼ miljun persuna jirrapportaw li ġew attakkati sesswalment. Kważi nofshom għandhom bejn 12 u 18-​il sena.

 Dak li għandek tkun taf

  • Il-​Bibbja tikkundanna l-​attakki sesswali. Il-​Bibbja titkellem dwar grupp taʼ nies li kien moħħhom fis-​sess u li pprovaw jistupraw lil żewġt irġiel li kienu qed iżuru l-​belt taʼ Sodoma madwar 4,000 sena ilu—ġrajja li tenfasizza għala Ġeħova qered dik il-​belt. (Ġenesi 19:4-​13) Barra minn hekk, il-​Liġi li ngħatat lil Mosè madwar 3,500 sena ilu kienet tipprojbixxi l-​inċest u l-​attakki sesswali fuq membru tal-​familja.—Levitiku 18:6.

  • Il-​biċċa l-​kbira tal-​attakki jsiru minn xi ħadd li l-​persuna tkun taf. Il-​ktieb Talking Sex With Your Kids jgħid li żewġ vittmi taʼ stupru minn tlieta jkunu jafu lil dak li attakkahom. Dan ma jkunx xi ħadd li qatt ma jkunu raw b’għajnejhom.

  • L-​attakki sesswali jsiru fuq l-​irġiel u n-​nisa kif ukoll fuq it-​tfal. Fl-​Istati Uniti, madwar 10 fil-​mija tal-​vittmi huma tas-​sess maskil. Skont l-​organizzazzjoni Rape, Abuse & Incest National Network (RAINN), il-​vittmi tas-​sess maskil “forsi jibdew jibżgħu li minħabba l-​attakk se jsiru omosesswali” jew li “m’għadx għandhom dinjità.”

  • Il-​fatt li l-​attakki sesswali huma tant spissi ma jissorprendiniex. Il-​Bibbja bassret li “fl-​aħħar jiem” ħafna nies kienu se jkunu “mingħajr imħabba naturali,” “feroċi,” u “mingħajr rażna.” (2 Timotju 3:1-​3) Dawn il-​karatteristiki jidhru b’mod ċar f’nies li jipprovaw jipprofittaw ruħhom minn oħrajn sesswalment.

  • L-​attakki sesswali mhumiex tort tal-​vittmi. Ebda bniedem ma jistħoqqlu li ħaddieħor jieħu vantaġġ minnu sesswalment. Min jagħmel l-​attakk biss hu responsabbli għall-​azzjonijiet tiegħu jew tagħha. Minkejja dan, tistaʼ tieħu xi passi biex tnaqqas il-​probabbiltà li tisfa vittma taʼ attakk sesswali.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  • Kun preparat. Kun af minn qabel x’se tagħmel jekk xi ħadd—anki jekk ikun xi ħadd li qed toħroġ miegħu jew qarib—jipprova jagħmillek pressjoni biex ikun hemm kuntatt sesswali. Żagħżugħa jisimha Erin tissuġġerixxi li biex tipprepara għal kull tip taʼ pressjoni, tistaʼ timmaġina sitwazzjonijiet li forsi ssib ruħek fihom u tipprepara kif kieku tirreaġixxi. “Forsi tħossok taċ-​ċajt li tagħmel hekk,” tgħid hi, “imma jekk imbagħad tesperjenza xi ħaġa bħal din, se jkollok inqas ċans li tisfa vittma.”

    Il-​Bibbja tgħid: “Oqogħdu attenti bis-​sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, . . . għax il-​jiem huma ħżiena.”—Efesin 5:15, 16.

    Staqsi lilek innifsek: ‘X’nagħmel kieku xi ħadd imissni b’mod li jġegħelni nħossni skomda?’

  • Ħejji pjan biex toħroġ mis-​sitwazzjoni. L-​organizzazzjoni RAINN tissuġġerixxi li “jkollok kelma li jkunu jafuha sħabek jew tal-​familja ħalli jekk ma tħossokx komda tkun tistaʼ ċċemplilhom u tgħidilhom din il-​kelma, u b’hekk tkun qed turihom kif qed tħossok bla ma tinduna l-​persuna li qiegħda ħdejk. Imbagħad ħbiebek jew tal-​familja jkunu jistgħu jiġu għalik jew iġibulek skuża biex tkun tistaʼ titlaq.” Tistaʼ teħles minn ħafna inkwiet jekk mill-​ewwel tevita sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu perikolużi.

    Il-​Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.”—Proverbji 22:3.

    Staqsi lilek innifsek: ‘Liema pjan għandi biex inkun nistaʼ noħroġ mis-​sitwazzjoni?’

    Dejjem għandu jkollok pjan kif toħroġ minn sitwazzjoni

  • Agħmel limiti—u żomm magħhom. Pereżempju, jekk qed toħroġ maʼ xi ħadd, ftiehmu bejnietkom liema mġiba hi xierqa u liema mhijiex. Jekk il-​persuna li qed toħroġ magħha taħseb li jkun bluha li tagħmel limiti, allura jkun aħjar li ssib lil xi ħadd ieħor—xi ħadd li jirrispetta l-​valuri tiegħek.

    Il-​Bibbja tgħid: “L-​imħabba . . . ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha.”—1 Korintin 13:4, 5.

    Staqsi lilek innifsek: ‘X’inhuma l-​valuri tiegħi? Liema mġiba mhijiex xierqa?’