Dak li tistaʼ tagħmel

Ikkunsidra: Fl-aħħar mill-aħħar, tagħti l-imġiba tiegħek raġuni biex ommok u missierek ma jafdawkx?

Pereżempju, l-appostlu Pawlu kiteb: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Staqsi lilek innifsek: ‘Kemm nuri li jien onest meta ngħid lill-ġenituri tiegħi fejn immur u x’nagħmel?’

Agħżel isem minn dawn t’hawn taħt biex tara storja vera.

 Lori  Beverly

 Lori

Bil-moħbi, kont nikkuntattja bl-e-mails ġuvni li kien jogħġobni. Il-ġenituri tiegħi saru jafu b’dan u qaluli biex nieqaf. Jien wegħedthom li se nieqaf, iżda komplejt. Dan kollu dam sejjer sena sħiħa. Kont nibgħat l-e-mails lil dan il-ġuvni, imbagħad il-ġenituri tiegħi kienu jsiru jafu, u kull darba kont nitlobhom skuża u nwegħedhom li se nieqaf, imma wara kont nerġaʼ nibda. Wasalt sal-punt li l-ġenituri tiegħi ma setgħu jafdawni f’xejn!

Għala taħseb li l-ġenituri taʼ Lori ma fdawhiex?

Kieku kont omm jew missier Lori x’kont tagħmel, u għala?

Lori kif setgħet iġġib ruħha b’mod iktar responsabbli wara l-ewwel darba li kienu kellmuha l-ġenituri tagħha dwar il-problema?

 Beverly

Il-ġenituri tiegħi ma kinux jafdawni fejn jidħlu l-ġuvintur, iżda issa nistaʼ nifhem għala. Kont noqgħod nitkessaħ maʼ żewġ ġuvintur li kienu sentejn ikbar minni. Kont ukoll inqattaʼ sigħat twal fuq it-telefown magħhom, u fil-laqgħat soċjali kważi magħhom biss kont noqgħod nitkellem u maʼ ħadd iktar. Il-ġenituri tiegħi kienu ħaduli l-mowbajl għal xahar sħiħ u ma kinux iħalluni mmur postijiet fejn kienu jkunu dawn il-ġuvintur.

Kieku kont omm jew missier Beverly x’kont tagħmel, u għala?

Taħseb li r-restrizzjonijiet li l-ġenituri taʼ Beverly imponew fuqha ma kinux raġunevoli? Jekk iva, għala?

X’setgħet tagħmel Beverly biex terġaʼ tikseb il-fiduċja tal-ġenituri tagħha?

Terġaʼ Tinkiseb il-Fiduċja

Dak li tistaʼ tagħmel

Il-bidla biex issir adult taʼ min jafdak hi bħal taraġ li titilgħu tarġa tarġa matul l-adoloxxenza

L-ewwel, identifika f’liema aspett tlift il-fiduċja tal-ġenituri.

  • Inżomm mal-ħin li nistaʼ ndum barra
  • Inżomm kelmti
  • Inkun puntwali
  • Nuża l-flus bil-għaqal
  • Illesti x-xogħol tad-dar
  • Inqum mis-sodda mingħajr tnikkir
  • Inżomm kamarti nadifa
  • Ngħid il-verità
  • Nuża l-mowbajl jew il-kompjuter bil-moderazzjoni
  • Nammetti l-iżbalji tiegħi u nitlob skuża
  • Xi ħaġ’oħra

It-tieni, agħmel riżoluzzjoni. Agħmilha mira li tagħti prova li int taʼ min jafdak fil-punti li mmarkajt. Agħti widen għat-twissija tal-Bibbja: ‘Inżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel.’ (Efesin 4:22) Maż-żmien, l-avanz tiegħek se jkun evidenti għal kulħadd, inkluż il-ġenituri tiegħek.—1 Timotju 4:15.

It-tielet, tkellem bil-miftuħ mal-ġenituri tiegħek dwar ir-riżoluzzjoni li għamilt. Minflok ma tgerger li huma għandhom jafdawk iktar, b’rispett staqsihom x’jaħsbu li għandek tagħmel int biex tirbaħ il-fiduċja tagħhom.

Twissija: Tistenniex li l-ġenituri tiegħek se jbiddlulek ir-restrizzjonijiet minnufih. Bla dubju, huma jkunu jridu jagħmlu ċert li int se żżomm kelmtek. Uża din l-opportunità biex tagħti prova li int taʼ min jafdak. Maż-żmien, il-ġenituri tiegħek ikunu jistgħu jafdawk iżjed u jagħtuk iktar libertà. Hekk ġara fil-każ taʼ Beverly, li ġiet kwotata iktar kmieni. Hi tgħid: “Huwa ħafna iktar diffiċli tiksibha l-fiduċja milli titlifha. Bħalissa qed nikseb il-fiduċja tal-ġenituri tiegħi u nħossni tajba!”

Il-konklużjoni: Iktar ma tkun taʼ min jafdak, iktar se jafdawk.