Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | ALLA KIF IQISHOM IL-GWERER?

Kif Alla jqis il-gwerer tal-ewwel seklu

Kif Alla jqis il-gwerer tal-ewwel seklu

In-nies kienu qed jiġu maħqurin. Bħall-antenati tagħhom, il-Lhud tal-ewwel seklu bla dubju talbu lil Alla bla heda għall-ħelsien, din id-darba mill-moħqrija tal-Imperu Ruman. Imbagħad semgħu b’Ġesù. Kien hu se jkun il-Messija mwiegħed? Taʼ interess, ħafna ‘kienu qed jittamaw li dan ir-raġel kien dak li kellu jeħles lil Israel’ mill-moħqrija tar-Rumani. (Luqa 24:21) Imma ma ġie l-ebda ħelsien. Minflok, fis-sena 70 WK, ġew l-armati Rumani u qerdu lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha.

X’kien ġara? Alla għala ma ggwerrax għal-Lhud bħalma kien għamel fil-passat? Jew għala m’awtorizzahomx jiggwerraw biex jinħelsu mill-oppressjoni? Kienet inbidlet il-ħarsa t’Alla lejn il-gwerra? Le. Imma nbidlet xi ħaġa drastika dwar il-Lhud. Huma kienu ċaħdu lill-Iben t’Alla, Ġesù, bħala l-Messija. (Atti 2:36) Għalhekk, bħala nazzjon, tilef ir-relazzjoni speċjali li kellu m’Alla.—Mattew 23:37, 38.

Il-poplu Lhudi u l-Art Imwiegħda tiegħu ma baqgħux igawdu protezzjoni divina, u lanqas qatt il-Lhud ma setgħu jgħidu bi dritt li kienu se jiggwerraw bl-approvazzjoni jew l-appoġġ t’Alla. Bħalma kien bassar Ġesù, il-barkiet assoċjati maʼ li jkollhom il-favur t’Alla kienu ġew trasferiti minn fuq il-poplu naturali taʼ Iżrael għal fuq poplu ġdid, poplu spiritwali, iktar tard imsemmi fil-Bibbja bħala “l-Israel t’Alla.” (Galatin 6:16; Mattew 21:43) Il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu wrew li kienu l-Iżrael spiritwali t’Alla. Biċ-ċar, fl-ewwel seklu, intqalilhom: “Issa [intom] il-poplu t’Alla.”—1 Pietru 2:9, 10.

Ladarba l-Kristjani tal-ewwel seklu issa saru “l-poplu t’Alla,” iġġieled Alla għalihom, sabiex jilliberahom mill-moħqrija Rumana? Jew awtorizzahom jiggwerraw kontra dawk li ħaqruhom? Le, m’għamilx dan. Għala le? Meta niġu għall-gwerer ikkmandati minn Alla, Alla biss jiddetermina meta dawn il-gwerer għandhom isiru, bħalma wera l-artiklu taʼ qabel dan. Alla ma ggwerrax għall-Kristjani tal-ewwel seklu u lanqas ma awtorizzahom jieħdu sehem fi gwerer tal-pajjiż. Jidher ċar li l-ewwel seklu ma kienx iż-żmien biex Alla jiggwerra kontra l-ħażen u l-moħqrija.

B’hekk, bħall-qaddejja t’Alla tal-qedem, dawk il-Kristjani tal-ewwel seklu kellhom jistennew sakemm kien il-waqt biex Alla jġib fi tmiem il-ħażen u l-moħqrija. Sadanittant, huma ma kinux ġew awtorizzati minn Alla biex jiddeċiedu għalihom infushom jiggwerrawx kontra l-għedewwa tagħhom. Ġesù Kristu għamel dan ċar fit-tagħlim tiegħu. Pereżempju, ma dderiġiex lis-segwaċi tiegħu jiggwerraw, pjuttost qalilhom: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:44) Meta bassar iż-żmien meta Ġerusalemm tal-ewwel seklu kellha tiġi attakkata mill-armati Rumani, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jaħarbu, bħalma għamlu, u mhux biex jibqgħu hemm għall-ġlied.—Luqa 21:20, 21.

Iżjed minn hekk, taħt ispirazzjoni, l-appostlu Pawlu kiteb: “Tivvendikawx ruħkom, . . . għax hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rumani 12:19) Pawlu kien qed jikkwota dak li kien qal Alla sekli qabel bħalma hu mniżżel  f’Levitiku 19:18 u f’Dewteronomju 32:35. Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel dan, mod wieħed li bih Alla vvindika l-poplu tiegħu fl-antik kien billi għenhom jiggwerraw kontra l-għedewwa tagħhom. B’hekk, il-kliem taʼ Pawlu juri li l-ħarsa t’Alla lejn il-gwerer ma kinitx inbidlet. Fl-ewwel seklu, Alla xorta qies il-gwerra bħala mod leġittimu biex jivvendika lill-qaddejja tiegħu u jġib fi tmiem id-diversi forom taʼ moħqrija u ħażen. Madankollu, bħalma kien minnu fil-passat, Alla biss iddetermina meta gwerer bħal dawn kellhom jiġu miġġielda u min kellu jkun involut.

Hu ċar li Alla m’awtorizzax lill-Kristjani fl-ewwel seklu biex jitqabdu fi gwerer. Imma xi ngħidu għal-lum? Alla awtorizza lil xi grupp taʼ nies illum biex jieħu sehem fil-gwerer? Jew wasal iż-żmien biex Alla jintervieni u jiggwerra f’isem il-qaddejja tiegħu? Alla kif iqis eżattament il-gwerra llum? L-aħħar artiklu f’din is-serje se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.