In-nies kienu qed jiġu maħqurin. Ripetutament talbu lil Alla jeħlishom, imma l-ħelsien ma ġiex—għall-inqas mhux mill-ewwel. In-nies kienu l-Iżraelin, il-poplu t’Alla fi żmien il-qedem. In-nazzjon b’saħħtu li kien qed jaħqarhom kien l-Eġittu. (Eżodu 1:13, 14) Għal snin sħaħ, l-Iżraelin stennew biex Alla jġib fi tmiem it-tirannija Eġizzjana. Eventwalment, wasal iż-żmien imwaqqat t’Alla biex jieħu azzjoni. (Eżodu 3:7-10) Il-Bibbja tgħid li Alla ggwerra kontra l-Eġizzjani personalment. Hu laqat lill-Eġittu b’serje taʼ kastigi devastanti, u mbagħad qered lis-sultan tal-Eġittu u l-armata tiegħu fil-Baħar l-Aħmar. (Salm 136:15) Alla Ġeħova ta prova li kien “persuna tal-gwerra” potenti għal nom il-poplu tiegħu.—Eżodu 15:3, 4.

Il-fatt li Alla nnifsu ggwerra kontra l-Eġizzjani juri li mhuwiex kontra l-gwerer kollha. F’okkażjonijiet oħra, hu awtorizza lill-poplu tiegħu Iżrael biex jiggwerra. Pereżempju, ikkmandahom jiggwerraw kontra l-Kangħanin, li kienu veru mill-agħar. (Dewteronomju 9:5; 20:17, 18) Hu dderieġa lil David, is-sultan t’Iżrael, biex jiggwerra kontra l-Filistin kattivi. Alla saħansitra ta lil David strateġija għall-gwerra li żgurat rebħa.—2 Samwel 5:17-25.

Dawn ir-rakkonti Bibliċi juru li meta ċerti forom taʼ ħażen u moħqrija heddew lill-Iżraelin, Alla awtorizza gwerra għall-protezzjoni tal-poplu tiegħu u biex il-qima pura tibqaʼ ppreservata. Imma nnota dawn it-tliet punti importanti dwar gwerer ikkmandati minn Alla.

  1. ALLA BISS IDDETERMINA MIN KELLU JIEĦU SEHEM FIL-GWERER. F’okkażjoni waħda, Alla qal lill-Iżraelin: “Ma jkollkomx għalfejn tiġġieldu din id-darba.” Ir-raġuni? Alla nnifsu kien se jiggwerra għalihom. (2 Kronaki 20:17; 32:7, 8) Dan għamlu ħafna drabi, bħal pereżempju fl-okkażjoni msemmija fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Drabi oħra, Alla kkmanda lill-poplu tiegħu fl-Iżrael tal-qedem biex jiġġieldu fi gwerer li hu approva, jiġifieri, dawk li involvew is-sigurtà u d-difiża tal-Art Imwiegħda tagħhom.—Dewteronomju 7:1, 2; Ġożwè 10:40.

  2. ALLA BISS IDDETERMINA META GWERER BĦAL DAWN KELLHOM JIĠU MIĠĠIELDA. Il-qaddejja t’Alla kellhom jistennew bil-paċenzja għaż-żmien  maħtur t’Alla biex jiggwerraw kontra l-moħqrija u l-ħażen li kienu mdawrin bihom. Sa dak iż-żmien, ma kellhomx jiddeċiedu huma jiggwerrawx jew le. Meta għamlu dan, tilfu l-approvazzjoni t’Alla. Infatti, il-Bibbja turi li meta l-Iżraelin ażżardaw jiggwerraw meta ma kienx qalilhom Alla, ir-riżultati spiss kienu diżastrużi. *

  3. Għalkemm Alla ggwerra kontra l-Kangħanin, hu salva lil xi wħud, bħal Raħab u l-familja tagħha

    ALLA MA JIĦUX PJAĊIR BIL-MEWT TAL-BNEDMIN, INKLUŻ TAʼ DAWK MILL-AGĦAR. Alla Ġeħova hu s-Sors tal-ħajja u l-Ħallieq tal-bnedmin. (Salm 36:9) Għalhekk ma jixtieqx jara lin-nies imutu. Madankollu, b’dispjaċir hemm nies li jippjanaw b’malizzja li jaħqru u anki joqtlu lil oħrajn. (Salm 37:12, 14) Biex iwaqqaf ħażen bħal dan, Alla kultant awtorizza gwerra kontra l-ħżiena. U madankollu, tul is-snin kollha li kien iqabbad lill-Iżraelin jieħdu sehem fi gwerer bħal dawn, hu xorta waħda kien “ħanin” u ‘bil-mod biex jirrabja’ maʼ dawk li kienu jaħqru lil Iżrael. (Salm 86:15) Pereżempju, hu kkmanda li qabel ma l-Iżraelin iggwerraw kontra belt, kellhom ‘iħabbrulha kundizzjonijiet taʼ sliem,’ sabiex jagħtu lill-abitanti l-opportunità jbiddlu triqathom u jevitaw il-gwerra. (Dewteronomju 20:10-13) B’dan il-mod, Alla wera li ma ‘jitgħaxxaqx bil-mewt tal-ħażin imma b’li xi ħadd ħażin idur lura minn triqtu u jibqaʼ jgħix.’—Eżekjel 33:11, 14-16. *

Minn dan li għedna naraw li fil-qedem, Alla kien iqis il-gwerer bħala mod leġittimu taʼ kif iwaqqaf diversi forom taʼ moħqrija u ħażen. Imma kien Alla—u mhux il-bniedem—li kellu d-dritt jiddetermina meta gwerer bħal dawn kellhom jiġu miġġielda u min kellu jkun involut. U kien Alla ħerqan biex jiggwerra, għatxan għad-demm? Għall-kuntrarju! Fil-fatt, jobgħod il-vjolenza. (Salm 11:5) Inbidlet il-ħarsa t’Alla lejn il-gwerer meta Ibnu, Ġesù Kristu, beda l-ministeru tiegħu fl-ewwel seklu?

^ par. 7 Pereżempju, darba minnhom, l-Iżraelin intgħelbu meta ggwerraw kontra l-Għamalekin u l-Kangħanin wara li Alla kien ikkmandahom ma jagħmlux dan. (Numri 14:41-45) Ħafna snin wara, is-sultan leali Ġosija daħal fi gwerra mingħajr l-approvazzjoni t’Alla u din l-azzjoni bla ħsieb swietlu ħajtu.—2 Kronaki 35:20-24.

^ par. 8 L-Iżraelin ma ħabbrux kundizzjonijiet taʼ sliem qabel ma ggwerraw kontra l-Kangħanin. Għala le? Għax il-Kangħanin kienu ngħataw 400 sena biex jikkoreġu l-mogħdijiet ħżiena tagħhom. Sakemm l-Iżraelin ġew biex jiggwerraw kontrihom, il-Kangħanin, bħala grupp, kienu mill-agħar għall-aħħar. (Ġenesi 15:13-16) B’hekk, kellhom jiġu meqrudin għalkollox. Madankollu, Kangħanin individwali li biddlu mogħdijiethom ġew salvati.—Ġożwè 6:25; 9:3-27.