Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Alla kif iqishom il-gwerer?

Alla kif iqishom il-gwerer?

Kieku int kif twiġibha dik il-mistoqsija? Ħafna jaħsbu li Alla japprovahom il-gwerer. Huma jirraġunaw li hu kkmanda lil xi wħud mill-aduraturi tiegħu fil-passat biex jiggwerraw; ir- rekord tal-Bibbja jikkonferma dan. Però, oħrajn jinnotaw li l-Iben t’Alla, Ġesù, għallem lis-segwaċi tiegħu jħobbu lill-għedewwa tagħhom. (Mattew 5:43, 44) Allura huma jirraġunaw li f’xi żmien, il-ħarsa t’Alla lejn il-gwerer inbidlet u li llum ma japprovahomx il-gwerer.

Int x’taħseb? Alla japprovahom il-gwerer? Jekk inhu hekk, lil min jappoġġa fil-konflitti tal-lum? Li nsibu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jistaʼ jgħinek teżamina kif tħossok u kif taħsibha int dwar il-gwerer. Pereżempju, li kieku kont taf li Alla mhux biss japprova l-gwerer imma jappoġġa n-naħa li tappoġġa int, aktarx tħossok tajjeb dwar il-ħarsa tiegħek lejn il-kwistjoni, tkun kunfidenti li dawk li żżomm magħhom int se jirbħu. Mill-banda l-oħra, kif kont tħossok li kieku ssir taf li Alla jappoġġa lill-opponenti? Aktarx kont terġaʼ tqis il-ħarsa tiegħek fil-kwistjoni.

Hemm involuta xi ħaġa iżjed importanti. Li tkun taf kif Alla jqis il-gwerer jistaʼ jeffettwa l-ħarsa tiegħek lejn Alla. Jekk int fost il-miljuni li sfaw imweġġgħin profondament bil-gwerer tal-bniedem, bla dubju għandek bżonn tkun taf it-tweġiba għall-mistoqsija, Hu Alla favur il-gwerer, bħalma jaħsbu xi wħud, u jippermetti jew saħansitra jappoġġa t-tbatija assoċjata mal-gwerra, jew jistaʼ jkun passiv u ma jimpurtahx mill-benesseri tal-maħqurin?

Tistaʼ tibqaʼ sorpriż meta titgħallem li t-tweġiba tal-Bibbja hi differenti ferm minn dawn iż-żewġ opinjonijiet. Iżjed minn hekk, mill-passat sal-lum il-ġurnata, il-ħarsa t’Alla lejn il-gwerer baqgħet l-istess. Ejja nikkunsidraw x’tgħid il-Bibbja dwar kif Alla kien iqis il-gwerer fil-qedem u fl-ewwel seklu, meta Ġesù kien fuq l-art. Dan se jgħinna naraw kif Alla jqis il-gwerer illum u jekk il-gwerer humiex se jkunu parti mill-futur tal-bniedem.