“Kont ili naf lil Mike snin sħaħ. Hu wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma r-reliġjon tiegħu dejjem ħawditni. Min hu Ġeħova? Ix-Xhieda għala ma jiċċelebrawx il-festi? Mike kien imdaħħal f’xi kult?”—Becky, Kalifornja, l-Istati Uniti tal-Amerika.

“Meta l-ġirien tiegħi bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, għedt bejni u bejn ruħi: ‘Dak l-isem, Xhieda taʼ Ġeħova, xi jfisser? X’isem stramb għal reliġjon!’”—Zenon, Ontario, il-Kanada.

“Jien u l-mara ħsibna li x-Xhieda taʼ Ġeħova ġew iżuruna biex jieħdu vantaġġ mis-sentimenti taʼ ħtija li kellna minħabba li ma morniex il-quddies. U ħsibna li jekk ir-reliġjonijiet ewlenin ma kellhomx dak li konna qed infittxu aħna, setta stramba bħax-Xhieda taʼ Ġeħova ma kienx se jkollha lanqas.”—Kent, Washington, l-Istati Uniti tal-Amerika.

“Onestament ma kontx naf min kienu u x’kienu jemmnu.”—Cecilie, Esbjerg, id-Danimarka.

Aktarx rajthom jippritkaw minn dar għal dar jew f’xi post pubbliku, iqassmu letteratura bbażata fuq il-Bibbja, u joffru studji tal-Bibbja b’xejn. Għandu mnejn wieħed minnhom tak din ir-rivista. Xorta waħda, forsi tistaqsi min huma verament ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun li l-ħsieb tiegħek hu bħal xi wieħed ikkwotat hawn fuq.

Jekk għandek mistoqsijiet bħal dawn jew tkun imħasseb, minn fejn tistaʼ ssib it-tweġibiet? Kif tistaʼ titgħallem x’jemmnu verament ix-Xhieda taʼ Ġeħova, ix-xogħol u l-postijiet taʼ qima tagħhom kif inhuma ffinanzjati, u għala jżuruk id-dar u javviċinawk f’postijiet pubbliċi?

“Qrajt ħafna dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova fuq l-Internet,” tgħid Cecilie, li ġiet ikkwotata qabel. “Kont smajt xi għajdut u tajt widen għal ħafna diskors preġudikat. B’hekk, kelli ħarsa negattiva ħafna lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova.” Madankollu, iżjed tard, tkellmet direttament max-Xhieda taʼ Ġeħova u sabet tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tagħha.

Tixtieq li jkollok tweġibiet veri għall-mistoqsijiet li għandek dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova? Inħeġġuk tmur għand min għandu l-aħjar fehma dwar is-suġġett—ix-Xhieda taʼ Ġeħova stess, li jippubblikaw din ir-rivista. (Proverbji 14:15) Nittamaw li l-artikli li ġejjin se jgħinuk tara min aħna u x’nemmnu kif ukoll se jgħinuk tifhem ix-xogħol li nagħmlu.