Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Sibt xi ħaġa aħjar mill-faxxinu tal-ħajja

Sibt xi ħaġa aħjar mill-faxxinu tal-ħajja

F’lejla waħda fl-1984, inbdilt milli nkun sempliċement adoloxxenti komuni għal li nkun ċelebrità. Ġejt inkurunata bħala Miss Hong Kong. Ir-ritratt tiegħi sab ruħu fuq il-paġna taʼ quddiem tar-rivisti u l-gazzetti. Bdejt inkanta, niżfen, nagħti taħditiet, nippreżenta programmi fuq it-televixin, nilbes ħwejjeġ sbieħ, u nidher maʼ nies importanti, bħall-gvernatur taʼ Ħong Kong.

Is-sena taʼ wara, bdejt nieħu sehem fil-films, diversi drabi bħala l-attriċi prinċipali. Ir-riporters riedu l-istorja tiegħi, il-fotografi riedu r-ritratt tiegħi, u n-nies riduni nkun preżenti għall-ewwel wiri tal-films, għall-inawgurazzjoni taʼ xi bini jew negozju, u għall-ikliet. L-attenzjoni kienet dejjem fuqi.

F’film taʼ azzjoni

Iżda bil-mod il-mod skoprejt li dan kollu ma kienx attraenti daqskemm kont immaġinajt. Fil-biċċa l-kbira ħdimt films tal-azzjoni, u dan kien perikoluż. L-atturi f’Ħong Kong spiss ma kienx ikollhom persuna oħra taħdem minflokhom biex ma jissograwx li jweġġgħu, bħalma kienu jagħmlu l-atturi f’Hollywood, allura jien ħdimt il-partijiet perikolużi tiegħi stess, bħal li naqbeż karozza b’mutur. Ħafna films li ħdimt fihom kienu immorali u vjolenti. Ftit minnhom inkludew id-demoniżmu.

Fl-1995 iżżewwiġt produttur tal-films. Għalkemm deher li kelli kollox biex inkun ferħana—fama, għana, u raġel li jħobbni—kont dipressa u mdejqa. Iddeċidejt li nieqaf naħdem il-films.

NIFTAKAR IR-RELIĠJON TAʼ TFULITI

Bdejt niftakar b’għożża r-reliġjon li kelli meta kont tifla żgħira. Lura dak iż-żmien, kull nhar taʼ Sibt, jien u oħti konna mmorru għand familja li kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Il-missier, Joe McGrath, studja l-Bibbja magħna flimkien mat-tlett ibniet tiegħu. Il-familja tagħhom kienu dħulin u stajt inħoss l-imħabba li kellhom, u z-“Ziju Joe” ittratta lil martu u wliedu b’rispett. Kont nieħu pjaċir ukoll immur magħhom għal-laqgħat Kristjani. Kultant konna mmorru assembleat kbar. Kien żmien sabiħ. Kont inħossni protetta max-Xhieda.

B’kuntrast, kienu jiġru affarijiet koroh fil-familja tiegħi. Il-mod kif kien jgħix missieri inkwieta bil-bosta lil ommi u saret dipressa għall-aħħar. Meta kelli kważi 10 snin, ommi waqfet tassoċja max-Xhieda  taʼ Ġeħova. Jien komplejt b’nofs qalb u tgħammidt taʼ 17-il sena. Imma ma domtx ma involvejt ruħi f’kondotta mhix Kristjana u ma bqajtx parti mill-kongregazzjoni.

IDDEĊIDEJT LI NERĠAʼ LURA

Ftit wara li żżewwiġt, żewġ indokraturi mill-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova ġew iżuruni. Spjegawli kif stajt nerġaʼ lura lejn Alla Ġeħova, u rranġaw biex missjunarja jisimha Cindy tibda tgħinni. Sa daż-żmien, kont tlift ħafna mill-fidi tiegħi, allura tlabtha tagħtini prova li l-Bibbja hi verament il-Kelma t’Alla. Urietni eżempji taʼ profeziji Bibliċi li twettqu. Bil-mod il-mod, sirna ħbieb tal-qalb, u stidnitni nistudja t-tagħlim bażiku tal-Bibbja magħha. Jien aċċettajt. Għall-ewwel darba, sirt napprezza li Ġeħova hu Alla taʼ mħabba, li jridni nkun ferħana.

Meta rġajt bdejt immur il-laqgħat Kristjani, sibt li kont nieħu pjaċir bil-kumpanija tax-Xhieda iżjed minn dik tan-nies fl-industrija tal-films. Imma l-esperjenzi taʼ tfuliti ħallewni nħossni li ma stajt nafda lil ħadd, u ma kontx inħobb lili nnifsi. Membru tal-kongregazzjoni għenitni meta wrietni mill-Bibbja kif nittratta maʼ dawn il-problemi emozzjonali, u wkoll tgħallimt kif nagħmel ħbieb ġenwini.

XI ĦAĠA AĦJAR MILL-FAXXINU TAL-ĦAJJA

Fl-1997, jien u żewġi morna noqogħdu Hollywood, f’Kalifornja, l-Istati Uniti tal-Amerika. Hemmhekk sirt iżjed involuta f’li ngħin lin-nies jibbenefikaw mill-għerf tal-Kelma t’Alla. Li ngħallem il-Bibbja tani iżjed sodisfazzjon mill-popolarità li ksibt taʼ li naħdem u nidher fil-films. Pereżempju, fl-2002, iltqajt maʼ Cheri, mara li kont naf minn Ħong Kong. L-esperjenzi tagħna fil-ħajja kienu jixxiebhu b’ħafna modi. Hi kienet Miss Hong Kong is-sena taʼ qabli. Fil-fatt, meta rbaħt it-titlu, hi kienet il-waħda li inkurunatni. Hi wkoll bdiet taħdem fil-films u iktar tard bdiet tipproduċihom, u taħdem maʼ diretturi famużi. Hi wkoll marret toqgħod Hollywood.

Qalbi ngħafset għal Cheri meta sirt naf li l-għarus tagħha miet ħabta u sabta b’attakk tal-qalb. Ma setgħet issib l-ebda konsolazzjoni mir-reliġjon Buddista tagħha. Bħali, kienet waslet biex ikollha ħajja taʼ prestiġju li hija l-għira taʼ oħrajn, madankollu kienet imdejqa u ma setgħet tafda lil ħadd. Bdejt naqsam magħha dak li kont tgħallimt mill-Bibbja, imma t-tagħlim Buddist li kellha għamilhielha diffiċli tapprezzah.

Il-ħabiba tiegħi Cheri waqt ġbid taʼ film

Darba minnhom fl-2003, Cheri ċemplitli minn Vancouver, il-Kanada, fejn kienet qed taħdem film. B’eċċitament, qaltli li kienet qed issuq u tammira l-kampanja meta f’daqqa waħda bdiet titlob tgħajjat: “Għidli, Min hu l-Alla l-veru? X’jismek?” Dak il-ħin, għaddiet minn quddiem Sala tas-Saltna u rat l-isem Ġeħova. Din, hi ħasset, kienet tweġiba mingħand Alla, u riedet tiltaqaʼ max-Xhieda taʼ Ġeħova malajr kemm jistaʼ jkun. Għamilt l-arranġamenti, u fi ftit ġranet, attendiet laqgħa taʼ kongregazzjoni tal-lingwa Ċiniża fʼVancouver.

“Dawn in-nies jinteressaw ruħhom minni ġenwinament,” qaltli Cheri iktar tard. “Nistaʼ ngħidilhom kif inħossni.” Ħadt ħafna pjaċir nismaʼ  dan għax meta Cheri kienet fl-industrija tal-films, qatt m’għamlet ħbieb. Cheri kompliet tattendi l-laqgħat. Imma fl-2005, hi ffirmat kuntratt biex tipproduċi żewġ films epiċi fiċ-Ċina, u b’hekk kellha terġaʼ lura Ħong Kong. B’ferħ, fl-2006, Cheri ddedikat ħajjitha lil Ġeħova u tgħammdet f’assemblea tax-Xhieda f’Ħong Kong. Għalkemm riedet taqdi lil Ġeħova iżjed bis-sħiħ, xogħolha fl-industrija tal-films għamel l-affarijiet diffiċli għaliha, u kienet imdejqa ħafna.

IL-FERĦ LI TGĦIN LIL OĦRAJN

Fl-2009, is-sitwazzjoni kollha fil-ħajja taʼ Cheri nbidlet. Iddeċidiet li tħalli l-industrija tal-films biex taqdi lil Ġeħova bis-sħiħ. Għamlet ħafna ħbieb ġodda fil-kongregazzjoni Kristjana. Hi bdiet tipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna fuq bażi full-time u veru ħadet gost tgħin lin-nies isibu mod aħjar kif jgħixu.—Mattew 24:14.

Imbagħad Cheri ddeċidiet li titgħallem in-Nepaliż biex tappoġġa l-grupp li kien qed jikber tax-Xhieda li jitkellmu bin-Nepaliż f’Ħong Kong. Taʼ min jgħid li l-biċċa l-kbira tan-Nepaliżi f’Ħong Kong għandhom ħabta jiġu injorati jew saħansitra mibgħudin għax ma tantx jafu jitkellmu bl-Ingliż jew biċ-Ċiniż u għax id-drawwiet tagħhom huma differenti. Cheri qaltli kemm kienet tieħu gost tgħin lil dawn in-nies jifhmu l-Bibbja. Pereżempju, ġurnata minnhom meta kienet qed tipprietka minn dar għal dar, iltaqgħet maʼ Nepaliża li kienet taf xi ftit dwar Ġesù iżda xejn dwar l-Alla l-veru, Ġeħova. Cheri użat il-Bibbja biex turiha li Ġesù talab lil Missieru fis-sema. Meta l-mara rrealizzat li setgħet titlob lill-Alla l-veru, li jismu Ġeħova, fetħet qalbha biex taċċetta l-aħbar tajba. Mhux wisq wara dan, żewġha u bintha wkoll bdew jistudjaw il-Bibbja.—Salm 83:18; Luqa 22:41, 42.

Cheri llum

Meta rajt kemm Cheri kienet tieħu gost tipprietka full-time, staqsejt lili nnifsi, ‘Xi jżomm lili milli nagħmel dak li qed tagħmel hi?’ Sa daż-żmien, jien ukoll kont qed nerġaʼ ngħix Ħong Kong. Iddeċidejt nerġaʼ norganizza ħajti biex ikolli iktar ħin ngħallem il-verità tal-Bibbja. Sibt li nkun ġenwinament ferħana meta nismaʼ lin-nies u ngħinhom jifhmu l-Kelma t’Alla.

Sibt li nkun ġenwinament ferħana meta ngħin lin-nies jifhmu l-Kelma t’Alla

Pereżempju, stajt nistudja l-Bibbja maʼ mara Vjetnamiża li dejjem kienet qalbha sewda u spiss kien ikollha d-dmugħ f’għajnejha. Issa għandha ħarsa pożittiva lejn il-ħajja u tassew tieħu pjaċir tassoċja mal-kongregazzjoni.

Kemm jien kif ukoll Cheri sibna xi ħaġa aħjar mill-faxxinu tal-ħajja. Għalkemm l-industrija tal-films kienet eċċitanti u għamlitna famużi, li ngħallmu lin-nies dwar Alla Ġeħova hu iktar sodisfaċenti għax iġiblu glorja. Aħna żgur li esperjenzajna l-verità li hemm fil-kliem taʼ Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.