Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TITTRATTA MAL-ANSJETÀ

Ansjetà dwar il-periklu

Ansjetà dwar il-periklu

“Meta nismaʼ s-sirena, qalbi tibda tħabbat sitta sitta u naħrab niġri għal ġox-xelter,” tgħid Alona. “Imma anki hemm inħossni ansjuża. Inkun agħar meta nkun barra u ma jkunx hemm fejn tistaħba. Darba, waqt li kont miexja fit-triq, bdejt nibki u ma stajtx nieħu n-nifs. Domt sigħat sħaħ biex nikkalma. Imbagħad reġgħet bdiet iddoqq is-sirena.”

Alona

Il-gwerra hi biss waħda minn ħafna sorsi taʼ periklu. Pereżempju, meta tiskopri li int jew xi ħadd li tħobb għandu marda li theddidlu ħajtu, tistaʼ tħossok bħallikieku ntlaqatt b’bomba. U għal oħrajn, il-biżaʼ mill-futur jistaʼ joħloq l-ansjetà. Huma jitħassbu, ‘Tgħid uliedna jew uliedhom se jkollhom jgħixu f’dinja bil-gwerer, kriminalità, tinġis, bdil fil-klima, u epidemiji?’ Kif nistgħu nittrattaw m’ansjetajiet bħal dawn?

Li jkun jaf li jiġru affarijiet ħżiena, ‘min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.’ (Proverbji 27:12) U eżatt bħalma nistgħu nipprovaw nipproteġu l-benesseri fiżiku tagħna, nistgħu nieħdu passi biex nipproteġu s-saħħa mentali u emozzjonali tagħna. Divertiment vjolenti u anki rapporti tal-aħbarijiet mimlijin xeni li jkexkxu jżidu mal-ansjetà tagħna u maʼ dik taʼ wliedna. Biex tevita li tkun espost bla bżonn għal dawn l-affarijiet ma jfissirx li nkunu qed ninjoraw ir-realtà. Alla ma ddisinjax moħħna  biex naħsbu fuq il-ħażen. Pjuttost, għandna nimlew moħħna b’“kulma hu veru, . . . ġust, . . . safi, . . . iqanqal l-imħabba.” Jekk nagħmlu dan, “l-Alla tal-paċi” se jagħtina l-paċi tal-moħħ u tal-qalb.—Filippin 4:8, 9.

L-IMPORTANZA TAT-TALB

Il-fidi vera tgħinna nittrattaw mal-ansjetà. Il-Bibbja tħeġġiġna biex ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb.’ (1 Pietru 4:7) Nistgħu nitolbu lil Alla għall-għajnuna u għall-għerf u l-kuraġġ biex nagħmlu mill-aħjar fis-sitwazzjoni li nkunu fiha, fiduċjużi li “jismagħna f’kulma qed nitolbuh.”—1 Ġwanni 5:15.

Maʼ żewġha, Avi

Il-Bibbja tispjega li Satana, u mhux Alla, hu “l-ħakkiem taʼ din id-dinja” u li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (Ġwanni 12:31; 1 Ġwanni 5:19) Għalhekk, Ġesù ma użax sempliċement lingwa figurattiva meta għallimna nitolbu: “Eħlisna mill-Ħażin.” (Mattew 6:13) “Kull meta tibda ddoqq is-sirena, nitlob lil Ġeħova jgħinni nikkontrolla s-sentimenti tiegħi,” tgħid Alona. “Ukoll, il-maħbub żewġi jċempilli u jitlob miegħi. It-talb veru jgħin.” Hu kif tgħid il-Bibbja: “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu, dawk kollha li jsejħulu bil-verità.”—Salm 145:18.

IT-TAMA TAGĦNA GĦALL-FUTUR

Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek.” (Mattew 6:10) Is-Saltna t’Alla se teqred għal dejjem l-ansjetà kollha li tagħmel il-ħsara. Permezz taʼ Ġesù, il-“Prinċep tal-Paċi,” Alla se “jwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.” (Isaija 9:6; Salm 46:9) “Hu [Alla] jagħmel il-ħaqq fost ħafna popli . . . Ma jerfgħux is-sejf, ġens kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra. . . . Ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.” (Mikea 4:3, 4) Familji ferħanin “se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu frotthom.” (Isaija 65:21) “U ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24.

Illum, minkejja l-prekawzjonijiet kollha, mhux dejjem possibbli li tipprevieni “ġrajjiet mhux mistennijin” jew li tevita li tkun fil-post il-ħażin fil-ħin il-ħażin. (Ekkleżjasti 9:11) Il-gwerer, il-vjolenza, u l-mard ikomplu joqtlu lil nies tajbin, kif ilhom jagħmlu għal sekli sħaħ. X’tama għandhom dawk il-vittmi innoċenti?

Miljuni bla għadd, li n-numru tagħhom magħruf biss minn Alla, se jerġgħu jgħixu. Għalissa, huma reqdin, fis-sigurtà tal-memorja perfetta t’Alla, sal-jum li “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira [se] . . . joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Meta titkellem dwar l-irxoxt, il-Bibbja tassigurana: “Din it-tama li għandna hi bħal ankra għal ruħna, żgura u soda.” (Ebrej 6:19) U Alla “ta garanzija lill-bnedmin kollha billi rxoxtah [lil Ġesù] mill-imwiet.”—Atti 17:31.

Għalissa, anki dawk li qed jipprovaw jogħġbu lil Alla se jiffaċċjaw l-ansjetajiet. Billi Paul, Janet, u Alona ħadu passi prattiċi, resqu eqreb lejn Alla permezz tat-talb, u bnew il-fidi fit-tama tal-Bibbja għall-futur, huma kollha qed jirnexxilhom jittrattaw mal-ansjetà b’suċċess. Bħalma għamel fil-każ tagħhom, jalla “l-Alla li jagħti t-tama jimliekom b’kull ferħ u paċi talli temmnu.”—Rumani 15:13.