Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Nikbru fl-età b’dinjità

Nikbru fl-età b’dinjità

KIF tħossok meta f’moħħok jidħol il-ħsieb tax-xjuħija? Ħsieb bħal dan jinkwieta lil ħafna, jagħmilhom ansjużi, u saħansitra jbeżżagħhom. Jiġri hekk għax ġeneralment ix-xjuħija tfakkarna f’affarijiet negattivi, bħal li nidhru inqas sbieħ, ġisimna jiddgħajjef, nibdew ninsew, u nimirdu b’mard kroniku.

Madankollu, il-fatt hu li n-nies ivarjaw ħafna fil-mod kif jixjieħu. Sa ċertu punt, xi wħud igawdu saħħa tajba, fiżikament u mentalment, fis-snin tax-xjuħija. L-avvanzi fil-mediċina għenu lil oħrajn jikkuraw jew jikkontrollaw mard kroniku. Minħabba f’hekk, f’xi pajjiżi iżjed u iżjed nies qed jgħixu iktar u jkunu iktar f’saħħithom.

Minkejja dan, kemm jekk jiġu ffaċċjati bi problemi taʼ xjuħija jew le, il-biċċa l-kbira tan-nies jixtiequ li jkunu jistgħu jikbru fl-età b’dinjità. Kif jistaʼ jsir dan? Minn banda, li nagħmlu dan jiddependi mill-attitudni u r-rieda u l-abbiltà tagħna biex nadattaw ruħna għal din il-fażi ġdida fil-ħajja. Bħala għajnuna f’dan ir-rigward, ejja nikkunsidraw xi prinċipji Bibliċi sempliċi u prattiċi.

KUN MODEST: “L-għerf hu mal-modesti.” (Proverbji 11:2) F’dan il-kuntest, it-terminu “l-modesti” jistaʼ jirreferi għal uħud imdaħħlin fiż-żmien li jagħrfu u jaċċettaw il-limitazzjonijiet tal-età tagħhom, mingħajr ma jipprovaw jiċħduhom jew jinjorawhom. Charles, li għandu 93 sena u jgħix il-Brażil, hu realistiku meta jgħid: “Jekk tgħix ħafna jkollok tixjieħ. M’hemmx mod kif treġġaʼ l-arloġġ lura.”

Li tkun modest, madankollu, bl-ebda mod ma jfisser li għandek tadotta l-attitudni negattiva taʼ li “Xjaħt u kollox spiċċa għalija.” Attitudni bħal din tistaʼ tixroblok l-entużjażmu. “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-hemm? Ma tantx se jkollok qawwa,” jgħid Proverbji 24:10. Minflok, xi ħadd modest juri l-għerf u jagħmel l-aħjar li jistaʼ fis-sitwazzjoni.

Corrado, li għandu 77 sena u jgħix l-Italja, b’għaqal jgħid: “Meta tkun tielaʼ xi telgħa bil-karozza, int sempliċement tibdel il-gerijiet u tevita li tintfielek il-magna.” Iva, meta wieħed jikber fl-età jkollu bżonn jagħmel aġġustamenti. Corrado u martu beda jkollhom ħarsa bilanċjata lejn ix-xogħol tad-dar u jimxu skont skeda pjuttost komda, u b’hekk jevitaw li jħossuhom bla saħħa filgħaxija. Marian għandha 81 sena  u tgħix il-Brażil. Hi wkoll għandha ħarsa realistika lejn ix-xjuħija u tgħid: “Tgħallimt nieħu l-ħin tiegħi. Meta jkun hemm bżonn, nieqaf għal ftit ħin. Noqgħod bilqiegħda jew nimtedd biex naqra jew nismaʼ l-mużika. Tgħallimt nagħraf u nirrispetta l-limitazzjonijiet tiegħi.”

Kun bilanċjat

KUN BILANĊJAT: “In-nisa jiżżejnu bi lbies adattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku.” (1 Timotju 2:9) L-espressjoni “lbies adattat” tindika bilanċ u għażliet xierqa. Barbara, li għandha 74 sena u li tgħix il-Kanada, tgħid: “Nipprova nidher pulita u nadifa. Ma rridx nidher antika b’dik l-attitudni taʼ ‘Jien issa xjaħt; ma jimpurtanix kif nidher.’” Fern għandha 91 sena, tgħix il-Brażil, u tgħid: “Jien nixtri ftit ħwejjeġ ġodda darba kultant biex intellaʼ l-moral tiegħi.” U x’nistgħu ngħidu dwar l-irġiel xjuħ? “Nagħmel mill-aħjar biex nidher tajjeb u nilbes ħwejjeġ nodfa,” jgħid Antônio, li għandu 73 sena u li jgħix il-Brażil. Dwar l-iġjene personali, hu jżid jgħid: “Ninħasel u nqaxxar il-leħja kuljum.”

Mill-banda l-oħra, hu importanti li tevita li ssir konċernat iżżejjed dwar id-dehra personali tiegħek sal-punt li tonqos li jkollok “moħħ f’loku.” Mara mill-Korea t’Isfel, Bok-im, li għandha 69 sena, hi bilanċjata fi ħwejjiġha u tgħid: “Naf tajjeb li mhux xieraq nilbes xi ħwejjeġ li kont nilbes meta kont iżgħar.”

Kun pożittiv

KUN POŻITTIV: “Il-jiem taʼ min isofri kollha huma ħżiena; imma min iħossu tajjeb f’qalbu jinsab f’festa l-ħin kollu.” (Proverbji 15:15) Int u tikber fl-età, għandu mnejn ikollok sentimenti negattivi meta tiftakar x’enerġija kellek meta kont iżgħar u l-ħafna affarijiet li darba kont kapaċi tagħmel. Dan nistgħu nifhmuh. Madankollu, agħmel sforz biex ma tingħelibx minn dawn is-sentimenti negattivi. Li tkun ħsiebek fil-passat se jġiegħlek tgħix imdejjaq u jiskuraġġik milli tagħmel dak li għadek tistaʼ tagħmel. Joseph, li għandu 79 sena u li jgħix il-Kanada, jaħseb b’mod pożittiv: “Nipprova nieħu gost nagħmel l-affarijiet li nistaʼ nagħmel u mhux nibki għax issa ma nistax nagħmel l-affarijiet li kont nagħmel qabel.”

Il-qari u t-tagħlim jistgħu wkoll jagħmluk tħossok iżjed pożittiv u jiftħulek bibien ġodda. Għalhekk, kemm jistaʼ jkun, oqgħod attent għal opportunitajiet biex taqra u titgħallem affarijiet ġodda. Ernesto, li għandu 74 sena u li jgħix il-Filippini, imur il-librerija u jissellef kotba interessanti biex jaqrahom. Hu jgħid, “Għadni ngawdi l-eċċitament tal-avventura, il-gost tal-ivvjaġġar ’il bogħod mill-erbaʼ ħitan taʼ dari permezz tal-kelma miktuba.” Lennart, raġel taʼ 75 sena fl-Iżvezja, saħansitra daħal għall-biċċa xogħol iebsa taʼ li jitgħallem lingwa ġdida.

Kun ġeneruż

KUN ĠENERUŻ: “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom.” (Luqa 6:38) Ħudha drawwa li taqsam ftit  minn ħinek u ftit minn dak li għandek m’oħrajn. Dan se jagħtik sens taʼ sodisfazzjon u kuntentizza. Hosa, mara taʼ 85 sena fil-Brażil, tagħmel sforz biex tgħin lil oħrajn minkejja l-limitazzjonijiet fiżiċi tagħha. Hi tgħid: “Inċempel lill-ħbieb morda jew skuraġġiti u niktbilhom l-ittri. Kultant, nibagħtilhom rigali żgħar. Inħobb ukoll insajjar xi ikla jew nagħmel xi ħaġa tal-ħelu għall-morda.”

Il-ġenerożità tittieħed. “Meta turi li tħobb lil oħrajn, iroddulek lura billi jagħtuk l-imħabba u l-affezzjoni tagħhom,” jgħid Jan mill-Iżvezja u li għandu 66 sena. Iva, xi ħadd ġeneruż joħloq atmosfera taʼ mħabba u apprezzament li oħrajn jieħdu pjaċir biha.

KUN SOĊJEVOLI: “Min jinqataʼ għalih se jfittex ix-xewqa egoistika tiegħu stess; kontra kull għaqal jiħodha.” (Proverbji 18:1) Għalkemm hemm żmien meta tkun trid toqgħod waħdek, evita li ssir iżolat u li tinqataʼ għalik waħdek. Innocent, li għandu 72 sena u li jgħix in-Niġerja, jieħu pjaċir bil-kumpanija tal-ħbieb. “Nieħu gost nassoċja maʼ nies taʼ kull età.” Börje għandu 85 sena, jgħix l-Iżvezja, u jgħid: “Nagħmel mezz biex inkun maʼ nies iżgħar minni. L-enerġija tagħhom tagħmilni nħossni żgħir mill-ġdid—għall-inqas minn ġewwa.” Ħu l-inizjattiva biex kultant tistieden xi ħbieb għandek. Han-sik, li għandu 72 sena u li jgħix il-Korea t’Isfel, jgħid: “Jien u marti nħobbu nistiednu ħbieb taʼ kull età—nies imdaħħlin fiż-żmien u żgħażagħ—għal xi get-together jew ikla.”

Kun soċjevoli

Nies dħulin jikkomunikaw. Li tkun dħuli jfisser li titkellem m’oħrajn, imma wkoll li tismagħhom. Uri interess personali f’oħrajn. Helena, li għandha 71 sena u li tgħix il-Możambik, tgħid: “Jien dħulija u nittratta lil oħrajn b’dinjità. Nismaʼ dak li għandhom x’jgħidu biex insir naf kif jaħsbuha u x’jogħġobhom.” Josè għandu 73 sena u jgħix il-Brażil. Hu jgħid: “In-nies jieħdu pjaċir ikunu mdawrin b’semmiegħa tajba—dawk li juru empatija lil oħrajn u jieħdu interess fihom, li jagħtu kelma taʼ tifħir f’waqtha, u li jafu jiċċajtaw.”

Meta tesprimi ħsibijietek, oqgħod attent biex ‘tħawwar kliemek bil-melħ.’ (Kolossin 4:6) Uri konsiderazzjoni u kun inkuraġġanti.

KUN GRAT: “Uru li intom grati.” (Kolossin 3:15) Meta tingħata l-għajnuna, uri apprezzament għall-attenzjoni. Espressjonijiet taʼ ringrazzjament jgħinu biex relazzjonijiet tajbin jikbru. “Dan l-aħħar, jien u r-raġel bdilna d-dar u morna noqogħdu f’appartament. Kellna ħafna ħbieb jgħinuna. Ma kellniex kliem biżżejjed biex nirringrazzjawhom. Bgħatnielhom kards taʼ ringrazzjament personalizzati u minn dak iż-żmien ’l hawn stidinna lil xi wħud minnhom għall-ikel,” tgħid Marie-Paule, li għandha 74 sena u li tgħix il-Kanada. Jae-won għandha 76 sena u tgħix fil-Korea t’Isfel. Hi tgħid li tapprezza meta tirkeb maʼ xi ħadd għas-Sala tas-Saltna: “Tant jien grata għal din l-għajnuna kollha li nkun żgur li noffri xi ħaġa tal-flus għall-petrol. Kultant nipprepara rigali żgħar b’noti taʼ ringrazzjament.”

Fuq kollox, kun grat għall-ħajja nfisha. “Kelb ħaj aħjar minn iljun mejjet,” fakkarna l-għaref Sultan Salamun. (Ekkleżjasti 9:4) Iva, huwa possibbli li nikbru fl-età b’dinjità jekk ikollna l-attitudni t-tajba flimkien mar-rieda li nadattaw ruħna.

Kun grat