Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Min hu l-antikrist?

Min hu l-antikrist?

Film reċenti tal-biżaʼ kien intitolat Antichrist.

Grupp popolari tal-mużika semma wieħed mill-albums tiegħu Antichrist Superstar.

Friedrich Nietzsche, filosfu tas-seklu 19, semma wieħed mix-xogħlijiet tiegħu The Antichrist.

Rejiet u imperaturi fil-Medju Evu spiss sejħu l-opponenti tagħhom antikristijiet.

Martin Luteru, mexxej tar-Riforma Ġermaniża, iddeskriva papiet Kattoliċi Rumani bħala antikristijiet.

LADARBA t-terminu “antikrist” ilu jintuża bħala tikketta għal kollox minn monarki sa films, hu naturali li tistaqsi: Min hu l-antikrist? Għandu x’jaqsam magħna dan it-terminu llum? Bla dubju, jagħmel sens li t-tfittxija għall-identità tal-antikrist trid tibda mill-Bibbja, fejn it-terminu jidher ħames darbiet.

L-IDENTITÀ TAL-ANTIKRIST MIKXUFA

L-appostlu Ġwanni hu l-uniku kittieb tal-Bibbja li uża l-kelma “antikrist.” Kif iddeskrivieh lill-antikrist? Agħti kas dan il-kliem fl-ewwel ittra li ġġib ismu: “Ulied żgħar, din hi l-aħħar siegħa, u, bħalma smajtu li ġej l-antikrist, saħansitra issa hawn ħafna antikristijiet; u minn dan il-fatt sirna nafu li hi l-aħħar siegħa. Huma ħarġu minn fostna, imma ma kinux it-tip tagħna . . . Min hu l-giddieb jekk mhux dak li jiċħad li Ġesù hu l-Kristu? Dan hu l-antikrist, dak li jiċħad lill-Missier u lill-Iben.”—1 Ġwanni 2:18, 19, 22.

L-appostlu Ġwanni fehem li l-antikrist hu dawk kollha li jxerrdu qerq reliġjuż apposta dwar Ġesù Kristu u t-tagħlim taʼ Ġesù

X’nitgħallmu minn dan il-kliem? Ġwanni semma “ħafna antikristijiet,” u dan jindika li l-antikrist hu grupp taʼ nies, u mhux individwu. Nies jew organizzazzjonijiet li jifformaw l-antikrist ixerrdu l-gideb, jiċħdu li Ġesù hu l-Kristu, jew il-Messija, u jipprovaw jgħawġu r-relazzjoni bejn Alla u Ibnu, Ġesù Kristu. Dawk li jifformaw l-antikrist jgħidu li huma Kristu jew ir-rappreżentanti tiegħu, imma ladarba “ħarġu minn fostna,” huma żvijaw mit-tagħlim veru tal-Bibbja. Iżjed minn hekk, dan il-grupp kien preżenti fiż-żmien meta Ġwanni kiteb l-ittra tiegħu, fl-“aħħar siegħa,” x’aktarx fi tmiem iż-żmien tal-appostli.

Ġwanni x’kiteb iżjed dwar l-antikrist? Meta kien qed jitkellem dwar profeti foloz, hu wissa: “Kull espressjoni mnebbħa li tistqarr li Ġesù Kristu ġie bħala bniedem toriġina minn Alla, imma kull espressjoni mnebbħa li ma tistqarrx lil Ġesù ma toriġinax minn Alla. Iktar minn hekk, din hi l-espressjoni mnebbħa taʼ l-antikrist, li intom smajtu li kienet ġejja u li issa diġà qiegħda fid-dinja.” (1 Ġwanni 4:2, 3) Imbagħad, fit-tieni ittra tiegħu, Ġwanni reġaʼ semma dan il-punt: “Fid-dinja dehru ħafna qarriqin, nies li ma jistqarrux li Ġesù Kristu ġie bħala bniedem. Dak hu l-qarrieq u l-antikrist.” (2 Ġwanni 7) Jidher ċar li Ġwanni fehem li l-antikrist hu dawk kollha li jxerrdu qerq reliġjuż apposta dwar Ġesù Kristu u t-tagħlim taʼ Ġesù.

“IL-PROFETI FOLOZ” U “L-BNIEDEM BLA LIĠI”

Ġesù wissa li profeti foloz kellhom jiġu bħal ‘ilpup imġewħin lebsin taʼ nagħaġ’

Ħafna qabel Ġwanni kiteb dwar qarriqin reliġjużi bħal dawn, Ġesù Kristu wissa lis-segwaċi tiegħu: “Ħarsu ruħkom mill-profeti foloz li jiġu  għandkom lebsin taʼ nagħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħin.” (Mattew 7:15) L-appostlu Pawlu wkoll wissa lill-Kristjani f’Tessalonika: “Tħallu lil ħadd iqarraq bikom b’xi mod, għax [jum Ġeħova] ma jiġix jekk l-ewwel ma tiġix l-apostasija u jiġi rivelat il-bniedem bla liġi, bin il-qerda.”—2 Tessalonikin 2:3.

B’hekk, fl-ewwel seklu, profeti foloz u apostati kienu diġà qed jagħmlu x-xogħol tagħhom f’li jagħmlu ħilithom biex idgħajfu l-kongregazzjoni Kristjana. Dawk kollha involuti f’li jxerrdu gideb u qerq reliġjuż dwar Ġesù Kristu u t-tagħlim tiegħu kienu inklużi fit-terminu “l-antikrist” li uża Ġwanni. Il-ħarsa taʼ Ġeħova dwarhom kienet rivelata meta Pawlu ddeskriviehom bħala “bin il-qerda.”

OQGĦOD ATTENT MILL-ATTIVITAJIET TAL-ANTIKRIST ILLUM

Xi ngħidu għal-lum? Nies u organizzazzjonijiet li jifformaw l-antikrist għadhom jopponu lil Kristu u t-tagħlim tiegħu. Huma jxerrdu gideb u qerq apposta bl-iskop li jħawdu l-identità tal-Missier, Alla Ġeħova, u taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Bir-raġun, aħna noqogħdu attenti minn qerq reliġjuż bħal dan. Ħa naraw żewġ eżempji.

Għal sekli sħaħ, il-knejjes xerrdu d-duttrina tat-Trinità, billi jgħidu li l-Missier u l-Iben huma parti mill-istess entità. B’hekk, l-antikrist iħawwad u jaħbi l-identità t’Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. Dan il-misteru jżomm lura lil nies sinċieri milli jersqu lejn Alla, bħalma tinkuraġġihom jagħmlu l-Bibbja.—1 Korintin 11:1; Ġakbu 4:8.

Il-knejjes iżidu mal-konfużjoni billi jippromwovu l-użu taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja li ma jkunx fihom l-isem personali t’Alla, Ġeħova, fit-test. Huma jagħmlu hekk minkejja l-fatt li l-isem Ġeħova jidher xi 7,000 darba fit-test oriġinali tal-Bibbja. B’liema riżultat? L-identità tal-Alla l-veru ssir iżjed misterjuża.

Mill-banda l-oħra, il-fatt li ħafna jafu l-isem t’Alla, Ġeħova, għen lil ħafna aduraturi taʼ qalb onesta jersqu eqreb lejn Alla. Din kienet l-esperjenza taʼ Richard, li jiftakar konversazzjoni maʼ tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova. “Huma wrewni mill-Bibbja li l-isem tal-Alla l-veru hu Ġeħova,” jispjega Richard. “Immeraviljajt ruħi meta sirt naf li Alla għandu isem personali, xi ħaġa li qatt ma smajt qabel.” Minn dakinhar ’il quddiem, għamel bidliet f’ħajtu biex jaqbel mal-livelli tal-Bibbja u biex jogħġob lil Ġeħova. “Il-fatt li tgħallimt l-isem t’Alla għenni niżviluppa relazzjoni mill-qrib miegħu.”

Għal sekli sħaħ, l-antikrist żamm lil miljuni taʼ nies fi dlam spiritwali. Imma billi nistudjaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, nistgħu nitgħallmu l-identità vera tal-antikrist u niġu meħlusin minn qerq u gideb reliġjuż.—Ġwanni 17:17.