Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TITTRATTA MAL-ANSJETÀ

Ansjetà dwar il-familja

Ansjetà dwar il-familja

“Ftit wara li miet missieri, ir-raġel qalli li kellu mara oħra,” tgħid Janet. “Ftit wara, mingħajr ma reġaʼ semma xejn u bla ma qal li se jitlaq, battal il-gwardarobba tiegħu u telaq lili u liż-żewġt itfal tagħna.” Janet sabet impjieg, imma l-paga ma kinitx biżżejjed biex iżżomm id-dar li kellhom. U kellha tħabbat wiċċha maʼ iktar minn sempliċi problemi finanzjarji. “Il-piż tal-ansjetà tar-responsabbiltajiet ġodda kollha li issa kelli nerfaʼ waħdi kien iktar milli stajt niflaħ,” tiftakar hi. “Ħassejtni ħatja li ma stajtx nipprovdi għal uliedi daqskemm jagħmlu ġenituri oħra. U anki issa ninkwieta dwar kif ħaddieħor iqis lili u lit-tfal tiegħi. Jaħsbu huma jekk għamiltx kulma stajt biex insalva ż-żwieġ tiegħi?”

Janet

It-talb jgħin lil Janet tikkontrolla s-sentimenti tagħha u żżomm relazzjoni tajba m’Alla. “Il-lejl hu l-iktar ħin diffiċli, meta f’dik il-ħemda ma nkunx nistaʼ nieqaf ninkwieta. It-talb u l-qari tal-Bibbja jgħinuni norqod. Silta favorita tiegħi hi Filippin 4:6, 7: ‘Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.’ Qattajt ħafna ljieli nitlob u ħassejt il-paċi taʼ Ġeħova tfarraġni.”

Il-kliem rassiguranti taʼ Ġesù dwar it-talb fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja jgħodd għal kull tip t’ansjetà: “Missierkom jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh.” (Mattew 6:8) U hekk għandna nagħmlu. It-talb hu l-mezz primarju biex ‘nersqu qrib lejn Alla.’ X’inhu r-riżultat taʼ li tagħmel dan? ‘Hu jersaq qrib lejk.’—Ġakbu 4:8.

Iva, it-talb jagħmel iżjed milli sempliċement jgħinna nħossuna aħjar għax inkunu esprimejna l-ansjetà tagħna. Ġeħova, “Semmiegħ it-talb,” jaġixxi wkoll għal dawk kollha li jfittxuh bil-fidi. (Salm  65:2) Hu għalhekk li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex “jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom.” (Luqa 18:1) Għandna nibqgħu nitolbu lil Alla għall-gwida u l-għajnuna tiegħu, u nkunu fiduċjużi li hu se jippremja l-fidi tagħna. Qatt m’għandna niddubitaw ix-xewqa jew l-abbiltà tiegħu li jaġixxi. Li ‘nitolbu bla waqfien’ b’dan il-mod juri li għandna fidi ġenwina.—1 Tessalonikin 5:17.

XI JFISSER VERAMENT LI JKOLLOK IL-FIDI

Imma x’inhi fir-realtà l-fidi? Il-fidi tinvolvi li ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla bħala persuna. (Ġwanni 17:3) Nagħmlu dan billi l-ewwel nassorbu l-ħsieb t’Alla mill-Bibbja. Nitgħallmu li hu jara lil kull wieħed minna u li jrid jgħinna. Però, il-fidi vera tinvolvi iżjed milli nkunu nafu xi ħaġa dwar Alla. Tfisser ukoll li jkollna għaqda taʼ ħbiberija bir-rispett miegħu. Kif inhu minnu f’każ taʼ ħabib uman, ma jistax ikollna għaqda bħal din mil-lum għall-għada. Il-fidi tagħna tkompli “tikber” maż-żmien hekk kif nitgħallmu iżjed dwaru, waqt li ‘nagħmlu dak li jogħġob lilu,’ u nesperjenzaw l-għajnuna attiva tiegħu. (2 Korintin 10:15; Ġwanni 8:29) Din hi t-tip taʼ fidi li tgħin lil Janet tittratta mal-ansjetajiet.

“Dak li vera bnieli l-fidi hu li nara id Ġeħova f’kull pass li nieħu,” tgħid Janet. “Ħafna drabi ffaċċjajna inġustizzji li kienu jidhru impossibbli tittratta magħhom. B’ħafna talb, Ġeħova dejjem sabilna t-triq li altrimenti qatt ma stajt insib waħdi. Meta nirringrazzjah niftakar f’kemm għamel għalija. Dejjem għenna eżatt meta kellna bżonnu, spiss eżatt fil-ħin. U tani ħbieb veri li huma rġiel u nisa ġenwini. Dejjem lesti jgħinuni u huma eżempji tajbin għal uliedi.” *

“Jien naf għala f’Malakija 2:16 Ġeħova jgħid: ‘Nobgħod id-divorzju.’ Għal sieħeb innoċenti, dan hu l-agħar tradiment. Għaddew is-snin mindu telaq żewġi, imma kultant għadni nħossni vojta minn ġewwa. Meta jiġrili hekk, nipprova nagħmel xi ħaġa biex ngħin lil ħaddieħor, u dan dejjem jgħinni wkoll.” B’hekk, billi tapplika l-prinċipju Bibliku li tevita li tiżola ruħha, Janet tnaqqas l-ansjetà tagħha. *Proverbji 18:1.

Alla hu “missier għat-tifel bla missier u mħallef għall-armla.”—Salm 68:5

“L-ikbar faraġ li għandi,” tgħid Janet, “jiġi milli nkun naf li Alla hu ‘missier għat-tifel bla missier u mħallef għall-armla.’ Qatt mhu se jabbandunana kif għamel żewġi.” (Salm 68:5) Janet taf li Alla ma jgħaddiniex minn prova “b’affarijiet ħżiena.” Għall-kuntrarju, hu jagħti l-għerf “b’mod ġeneruż” lil kulħadd u jagħti “qawwa iktar min-normal” biex jgħinna nittrattaw mal-ansjetajiet tagħna.—Ġakbu 1:5, 13; 2 Korintin 4:7.

Imma xi ngħidu jekk aħna ansjużi għax ħajjitna tkun fil-periklu?

^ par. 10 Għal iżjed modi prattiċi biex tittratta mal-ansjetà, ara s-suġġett tal-qoxra “Għandek kontroll fuq ħajtek?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-Awwissu 2015, disponibbli onlajn fuq www.jw.org/mt.