Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

Tliet mistoqsijiet biddluli ħajti

Tliet mistoqsijiet biddluli ħajti
  • SENA TAT-TWELID: 1949

  • POST TAT-​TWELID: L-ISTATI UNITI

  • PASSAT FITTXET: GĦAT-TIFSIR TAL-ĦAJJA

IL-PASSAT TIEGĦI:

Jien trabbejt f’Ancram, villaġġ żgħir fin-​naħa taʼ fuq taʼ New York, l-​Istati Uniti. Fil-​villaġġ, l-​iktar li kien hemm kienu rziezet tal-​baqar. Fil-​fatt, il-​villaġġ kellu iżjed baqar milli nies.

Il-​familja tiegħi kienet tmur l-​unika knisja tal-​villaġġ. Il-​Ħadd filgħodu, in-​nannu kien jibblakkali ż-​żarbun, imbagħad kont nerħilha għal-​lezzjoni tad-​duttrina u miegħi kont nieħu l-​Bibbja bajda żgħira li nannti kienet tatni. Jien u ħuti iżgħar minni konna mgħallmin biex naħdmu iebes, nirrispettaw u ngħinu lill-​ġirien tagħna, u nkunu grati għall-​barkiet tagħna.

Meta kbirt, mort ngħix għal rasi u sirt għalliema. Kelli ħafna mistoqsijiet dwar Alla u l-​ħajja. Ftit mill-​istudenti tiegħi kienu intelliġenti mhux ħażin. Oħrajn ma kinux daqstant intelliġenti, imma kienu jaħdmu tassew iebes. Uħud kellhom diżabilitajiet fiżiċi, filwaqt li oħrajn kienu bravi fl-​isports. Ħassejt li s-​sitwazzjoni ma kinitx ġusta. Kultant, il-​ġenituri tal-​istudenti tiegħi li kienu inqas ixxurtjati kienu jgħidu affarijiet bħal, “Hekk ried Alla għal ibni.” Kont nitħasseb għala Alla kien jippermetti li xi trabi jitwieldu b’diżabilitajiet. Wara kollox, it-​tarbija ma tkun għamlet xejn ħażin.

Kont naħseb ukoll, ‘Xi skop tajjeb għandu jkolli f’ħajti?’ Ħassejt li ż-​żmien kien għaddej ġmielu minn fuqi. Trabbejt f’familja onesta, mort skejjel tajbin, u issa kelli impjieg għal qalbi. Imma kelli l-​vojt fil-​bqija taʼ ħajti. L-​iktar l-​iktar, stajt nittama li niżżewweġ, ikolli dar sabiħa u tfal, inkompli naħdem sakemm nirtira, u maż-​żmien nidħol f’xi dar tal-​anzjani. Ħsibt jekk il-​ħajja kinitx toffri iktar minn hekk.

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Darba fis-​sajf dort l-​Ewropa maʼ xi għalliema sħabi. Żorna Westminster Abbey, Notre-​Dame de Paris, u l-​Vatikan, kif ukoll ħafna knejjes iżgħar. Kull fejn mort staqsejt il-​mistoqsijiet li kelli. Meta mort lura Sloatsburg, New York, żort diversi knejjes oħra. Iżda ħadd ma setaʼ jagħtini tweġibiet sodisfaċenti.

 Darba waħda, studenta taʼ 12-​il sena resqet fuqi u staqsietni tliet mistoqsijiet. L-​ewwel, staqsietni jekk kontx naf li hi kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għedtilha iva. It-​tieni, staqsiet jekk ridtx inkun naf iżjed dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għal darb’oħra għedtilha iva. It-​tielet, staqsiet fejn kont noqgħod. Meta għedtilha l-​indirizz tiegħi ndunajna li kont noqgħod kantuniera bogħod mid-​dar tagħha. Qatt ma bsart li dawk it-​tliet mistoqsijiet mingħand tifla kienu se jbiddluli ħajti għal dejjem.

Ftit wara, ġiet s’għandi bir-​rota u bdiet studju tal-​Bibbja miegħi. Staqsejtha l-​mistoqsijiet li kont staqsejt lil ħafna mexxejja reliġjużi. Għall-​kuntrarju tagħhom, urietni tweġibiet ċari u sodisfaċenti mill-​Bibbja tiegħi stess—tweġibiet li qatt qabel ma kont rajt!

Dak li tgħallimt mill-​Bibbja mlieni b’ferħ u kuntentizza. Emozzjonajt ruħi meta qrajt l-​1 Ġwanni 5:19, li jgħid: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” Kien taʼ faraġ għalija li nkun naf li mhux Alla iżda Satana li jikkaġuna n-​niket kollu li naraw madwarna—u li Alla se jirranġa s-​sitwazzjoni. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Skoprejt kemm tagħmel sens il-​Bibbja meta tiġi spjegata ċar. Għalkemm ix-​Xhud li studjat miegħi kellha biss 12-​il sena, jien irraġunajt li l-​verità hi l-​verità, tiġi mingħand min tiġi.

Minkejja dan, ridt nara jekk ix-​Xhieda jipprattikawx dak li jippritkaw. Pereżempju, it-​tifla enfasizzat li l-​Kristjani veri juru kwalitajiet bħall-​paċenzja u l-​qalb tajba. (Galatin 5:22, 23) Iddeċidejt li nittestjaha biex nara jekk hi kinitx turi dawn il-​kwalitajiet. Jum fost l-​oħrajn, għal t’apposta wasalt tard għall-​istudju tiegħi. Għedt bejni u bejn ruħi: ‘Tgħid tkun tistennieni? U jekk iva, se tkun irrabjata li jien wasalt tard?’ Hekk kif ipparkjajt il-​karozza, rajtha tistenna fuq it-​tarġiet tad-​dar tiegħi. Ġriet lejn il-​karozza tiegħi u qalet: “Kont sejra d-​dar u ngħid lil ommi biex inċemplu l-​isptar u ’l-​pulizija biex naraw jekk hux kollox sew għax int qatt ma tittardja għall-​istudju. Inkwetajt għalik!”

Darb’oħra, staqsejt mistoqsija li ħsibt li se tkun diffiċli wisq għal tifla taʼ 12-​il sena biex twiġibha. Ridt nara jekk kinitx se tivvinta tweġiba dak il-​ħin stess. Meta staqsejt il-​mistoqsija, ħarset lejja kollha serja u qalet: “Din mistoqsija diffiċli. Se niktibha u nistaqsi lill-​ġenituri.” Bħalma kienet qalet, id-​darba li kien imiss għall-​istudju tagħna, hi ġabet ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa li kien fiha t-​tweġiba għall-​mistoqsija tiegħi. Dan kien li ġibidni lejn ix-​Xhieda—il-​pubblikazzjonijiet tagħhom kien fihom tweġibiet ibbażati fuq il-​Bibbja għall-​mistoqsijiet kollha tiegħi. Komplejt nistudja maʼ dik it-​tifla u sena wara tgħammidt bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. *

KIF IBBENEFIKAJT:

Meta fl-​aħħar kelli tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet tiegħi, ridt naqsamhom maʼ kulħadd. (Mattew 12:35) Għall-​ewwel, tal-​familja opponew it-​twemmin ġdid tiegħi. Madankollu, maż-​żmien, l-​attitudni tagħhom irtabet. Xi żmien qabel mietet, ommi bdiet tistudja l-​Bibbja. Għalkemm ma laħqitx tgħammdet, jien ċerta li kienet iddeċidiet li taqdi lil Ġeħova.

Fl-​1978 iżżewwiġt Xhud jismu Elias Kazan. Fl-​1981, jien u Elias ġejna mistidnin biex insiru membri tal-​familja taʼ Betel fl-​Istati Uniti. * B’sogħba, wara li qdejna hemm għal erbaʼ snin biss, Elias ħalliena. Għalkemm sibt ruħi armla, jien bqajt fl-​inkarigu tiegħi fil-​Betel u dan tani xi ħaġa fuqiex niffoka u ġabli l-​faraġ.

Fl-​2006 żżewwiġt lil Richard Eldred, membru tal-​familja taʼ Betel. Jien u Richard qed inkomplu ngawdu l-​privileġġ taʼ li naqdu f’Betel. Peress li sirt naf il-​verità dwar Alla, verament inħossni li sibt mhux biss it-​tweġibiet li kont qed infittex imma wkoll skop veru fil-​ħajja—u dan kollu beda minn tliet mistoqsijiet mingħand tifla.

^ par. 16 Biex inkunu għedna kollox, it-​tifla u ħutha ikbar minnha għenu lil ħamsa mill-​għalliema tagħhom jistudjaw il-​Bibbja u jibdew iqimu lil Ġeħova.

^ par. 18 “Betel,” li tfisser “id-​dar t’Alla,” hi l-​kelma li jużaw ix-​Xhieda taʼ Ġeħova biex jiddeskrivu l-​faċilitajiet tal-​fergħat tagħhom madwar id-​dinja. (Ġenesi 28:17, 19, nota taʼ taħt) Membri tal-​familja taʼ Betel jieħdu ħsieb diversi inkarigi li jappoġġaw ix-​xogħol edukattiv tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.