Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġawhra antika salvata mill-iskart

Ġawhra antika salvata mill-iskart

X’JIĠIK f’moħħok meta taħseb f’munzell skart? Dehra bħal din x’aktarx tfakkrek fiż-​żibel u riħa tinten. Allura ma tistenniex li ssib xi ħaġa taʼ valur hemmhekk, wisq inqas ġawhra taʼ valur kbir.

Madankollu, seklu ilu nstab speċi taʼ teżor proprju f’post bħal dan—fl-​iskart. It-​teżor ma kienx ġawhra letterali, iżda xi ħaġa oħra taʼ valur kbir. X’tip taʼ teżor instab? Is-​sejba tiegħu għala hi importanti għalina llum?

SEJBA MHIX MISTENNIJA

Fil-​bidu tas-​seklu 20, Bernard P. Grenfell u Arthur S. Hunt, studjużi fl-​Università taʼ Oxford, marru l-​Eġittu. Hemmhekk, qalb il-​munzelli taʼ żibel viċin il-​Wied tan-​Nil, sabu biċċiet tal-​papiru. Iktar tard, fl-​1920, waqt li ż-​żewġ kollegi kienu medhijin jikklassifikaw il-​kollezzjoni f’kategoriji, Grenfell akkwista ftit frammenti oħra li kienu nstabu fl-​Eġittu. Kien xtrahom għal The John Rylands Library f’Manchester, l-​Ingilterra. Madankollu, iż-​żewġt irġiel mietu qabel ma laħqu lestew il-​klassifikazzjoni.

Studjuż ieħor mill-​Università taʼ Oxford, Colin H. Roberts, lesta din il-​biċċa xogħol. Meta kien qed ipoġġi l-​frammenti fi gruppi, hu lemaħ biċċa papiru li kienet daqs disa’ ċentimetri b’sitta. Tgħidx kemm stagħġeb meta fil-​kitba Griega kien hemm xi kliem li kien familjari għalih. Fuq naħa waħda kien hemm kliem meħud minn Ġwanni 18:31-​33. In-​naħa l-​oħra kien fiha partijiet minn versi 37 u 38. Roberts irrealizza li kien sab ġawhra taʼ valur kbir bla mistenni.

JISTĦARRĠU L-​ANTIKITÀ TAGĦHA

Roberts issuspetta li din il-​biċċa papiru kienet antika ħafna. Imma kemm? Biex ikun jaf, hu qabbel il-​kitba taʼ fuqha maʼ manuskritti antiki oħrajn datati—studju msejjaħ paleografija. * Billi uża dan il-​metodu, hu setaʼ jgħid bejn wieħed u ieħor kemm kellha żmien. Imma ried ikun ċert. Għalhekk, ħa ritratt tal-​framment, bagħat kopji tiegħu lil tliet studjużi tal-​manuskritti antiki u talabhom jiddeterminaw l-​antikità tiegħu. Biex ħarġu dawn l-​esperti?

Billi studjaw l-​istil tal-​kitba u d-​daqqiet tal-​pinna, it-​tliet studjużi esperti qablu li l-​framment kien inkiteb madwar is-​sena 125 WK—xi għaxriet taʼ snin biss wara l-​mewt tal-​appostlu Ġwanni! Madankollu, il-​paleografija mhix xi metodu infallibbli taʼ kif jiġu ddatati l-​manuskritti, u studjuż ieħor jemmen li t-​test setaʼ nkiteb f’xi żmien fit-​tieni seklu. Iżda, din il-​biċċa papiru ċkejkna kienet—u għadha—l-​iktar framment taʼ manuskritt antik li jeżisti tal-​Iskrittura Griega Kristjana li qatt instab.

X’JIRRIVELA L-​FRAMMENT RYLANDS?

Dan il-​framment tal-​Evanġelju taʼ Ġwanni għala hu daqshekk importanti għal dawk li jħobbu l-​Bibbja llum? Mill-​inqas, għal żewġ raġunijiet. L-​ewwel nett, il-​format tal-​framment jgħinna nifhmu ftit l-​apprezzament tal-​ewwel Kristjani għall-​Iskrittura.

Dan il-​framment tal-​Evanġelju taʼ Ġwanni għala hu daqshekk importanti għal dawk li jħobbu l-Bibbja llum?

Fit-​tieni seklu WK, it-​test bil-​miktub kien ikun f’żewġ għamliet—l-​iskroll u l-​kodiċi. L-​iskrolli kienu biċċiet taʼ papiru jew parċmina li kienu mwaħħlin jew meħjutin flimkien biex jifformaw folja waħda twila. Din il-​folja kienet imbagħad  tkun tistaʼ titkebbeb ’il ġewwa jew ’il barra skont il-​bżonn. Fil-​biċċa l-​kbira, naħa waħda biss tal-​iskroll kienet tintuża għall-​kitba.

Madankollu, il-​framment ċkejken li sab Roberts għandu l-​kitba fuq iż-​żewġ naħat. Dan jagħti x’jifhem li kien parti minn kodiċi u mhux minn skroll. Il-​kodiċi kien magħmul minn folji tal-​parċmina jew papiru li kienu jinħietu flimkien u mitwijin f’għamla li tixbah lil ktieb.

X’vantaġġi kellu l-​kodiċi iżjed mill-​iskroll? L-​ewwel Kristjani kienu evanġelizzaturi. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Huma xerrdu l-​messaġġ tal-​Bibbja kull fejn setgħu jsibu n-​nies—fid-​djar, fis-​swieq, u fit-​toroq. (Atti 5:42; 17:17; 20:20) Għalhekk, il-​fatt li setaʼ jkollhom l-​Iskrittura f’għamla taʼ ktieb kien ħafna iżjed prattiku għalihom.

Il-​kodiċi wkoll għamilha faċli għall-​kongregazzjonijiet u individwi biex jagħmlu l-​kopja tagħhom stess tal-​Iskrittura. B’hekk, l-​Evanġelji ġew ikkopjati darba wara l-​oħra, u bla dubju dan wassal għal żieda mgħaġġla tal-​Kristjanità.

Il-framment Rylands quddiem u wara

Raġuni oħra għala l-​framment Rylands hu importanti għalina llum hi li hu jirrivela kemm it-​test tal-​Bibbja oriġinali ġie trasmess b’mod li tistaʼ torbot fuqu. Għalkemm il-​framment fih biss ftit versi mill-​Evanġelju taʼ Ġwanni, il-​kontenut tiegħu jaqbel kważi eżatt maʼ dak li naqraw illum fil-​kopji tagħna tal-​Bibbja. Il-​framment Rylands b’hekk juri li l-​Bibbja ma tbiddlitx minkejja li ġiet ikkopjata ħafna drabi matul iż-​żmien.

M’għandniex xi ngħidu, il-​framment Rylands tal-​Evanġelju taʼ Ġwanni hu evidenza waħda fost l-​eluf taʼ frammenti u manuskritti li jikkonfermaw kemm it-​test oriġinali tal-​Bibbja wasal għandna b’mod li nistgħu norbtu fuqu. Fil-​ktieb tiegħu The Bible as History, Werner Keller ikkonkluda: “Dawn il-​[manuskritti] antiki huma l-​iktar tweġiba konvinċenti għad-​dubji kollha dwar kemm it-​test li għandna fil-​Bibbji tagħna llum hu ġenwin u taʼ min jorbot fuqu.”

Veru, il-​Kristjani ma jibbażawx il-​fidi tagħhom fuq sejbiet arkeoloġiċi. Huma jemmnu li “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Minkejja dan, kemm hu taʼ inkuraġġiment meta ġawhar taʼ valur kbir mill-​passat jikkonferma dak li l-​Bibbja kienet ilha tgħid: “Il-​kelma taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem”!—1 Pietru 1:25.

^ par. 8 Skont il-​ktieb Manuscripts of the Greek Bible, il-​paleografija “hija x-​xjenza li tistudja l-​kitba antika.” Mal-​medda taż-​żmien, l-​istil tal-​kitba jinbidel. Dawn il-​bidliet jistgħu juru l-​antikità tal-​manuskritt jekk din tistaʼ titqabbel maʼ dokumenti oħrajn li d-​data tagħhom hi taʼ min joqgħod fuqha.

© Copyright of the University of Manchester 2014