Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kont taf?

Kont taf?

Iċ-ċittadinanza Rumana kif kienet taʼ vantaġġ għall-appostlu Pawlu?

Pawlu ddikjara: “Nappella għal quddiem Ċesari!”

Iċ-ċittadinanza Rumana intitolat lil individwu għal ċerti drittijiet u privileġġi kull fejn mar fl-imperu. Ċittadin Ruman kien suġġett għal-liġi Rumana, mhux għal-liġijiet tal-bliet provinċjali. Meta kien jiġi akkużat, hu setaʼ jaqbel li jgħaddi ġuri skont il-liġi lokali, però xorta kellu d-dritt li jinstemaʼ minn tribunal Ruman. Fil-każ li s-sentenza involviet il-kastig tal-mewt, hu kellu d-dritt li jappella għal quddiem l-imperatur.

Fuq il-bażi taʼ drittijiet bħal dawn, Ċiċerun, politiku Ruman tal-ewwel seklu QK, qal: “Ikun kontra l-liġi li torbot ċittadin Ruman; li tifflaġellah ikun ħażin; li toqtlu jkun kważi parriċidju,” jiġifieri, bħallikieku toqtol lil ġenitur jew lil qarib.

L-appostlu Pawlu pprietka f’ħafna postijiet fl-Imperu Ruman. Hu uża d-drittijiet tiegħu bħala ċittadin Ruman fi tliet okkażjonijiet dokumentati: (1) Hu informa lill-maġistrati Filippin li huma kienu kisru d-drittijiet tiegħu meta fflaġellawh. (2) Kixef l-istatus tiegħu biex jevita li jiġi flaġellat f’Ġerusalemm. (3) Appella l-każ tiegħu għal quddiem Ċesari, l-imperatur f’Ruma, sabiex jinstemaʼ direttament minnu.—Atti 16:37-39; 22:25-28; 25:10-12.

Kif kienu jitħallsu r-ragħajja fiż-żminijiet Bibliċi?

Kuntratt kunejformi għax-xiri tan-nagħaġ u l-mogħoż, madwar is-sena 2050 QK

Il-patrijarka Ġakobb ragħa l-imrieħel taʼ zijuh Laban għal 20 sena. Ġakobb ħadem l-ewwel 14-il sena biex jiżżewweġ liż-żewġt ibniet taʼ Laban, u għas-sitt snin li kien fadal, hu tħallas bin-nagħaġ. (Ġenesi 30:25-33) “Il-ftehim mar-ragħajja bħal dak taʼ bejn Laban u Ġakobb,” tgħid ir-rivista Biblical Archaeology Review, “kien familjari mal-kittieba tal-qedem u l-qarrejja tal-kitba Biblika.”

Kuntratti antiki li nstabu mirdumin f’Nuzi, Larsa, u siti oħrajn fl-Iraq modern juru ftehim bħal dan. Kuntratt tipiku kien validu għal sena minn meta jsir il-ġeżż tan-nagħaġ. Ir-ragħajja kienu jaċċettaw ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb numru speċifiku taʼ annimali mniżżlin skont l-età u s-sess. Sena wara, is-sid irċieva ammont minimu miftiehem minn qabel taʼ suf, prodotti tal-ħalib, ħrief, u affarijiet oħra. Kwalunkwe ħaġa li kien jifdal kien jiħodha r-ragħaj.

Iż-żieda fid-daqs tal-merħla kienet tiddependi min-numru taʼ nagħaġ nisa fdati lil ragħaj. Ġeneralment kien ikun mistenni li 100 nagħġa jipproduċu 80 ħaruf ħaj. Ir-ragħaj kellu jagħmel tajjeb jekk kien ikun hemm inqas ħrief jew nagħaġ. B’hekk, kellu għal xiex jieħu ħsieb tajjeb l-annimali fdati lilu.