Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-QARREJJA TAGĦNA JISTAQSU . . .

Huwa l-Għid verament ċelebrazzjoni Kristjana?

Huwa l-Għid verament ċelebrazzjoni Kristjana?

Fl-Encyclopædia Britannica, l-Għid hu deskritt bħala l-“festa prinċipali tal-knisja Kristjana li tiċċelebra l-Irxoxt taʼ Ġesù Kristu.” Madankollu, huwa ċelebrazzjoni Kristjana?

Biex l-awtentiċità taʼ artifatt tiġi stabbilita, l-attenzjoni għad-dettalji hi kruċjali. B’mod simili, biex naraw jekk l-Għid hux ċelebrazzjoni Kristjana jew le, hu essenzjali li nagħtu kas id-dettalji li għandhom x’jaqsmu mal-Għid.

L-ewwel ħaġa, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu biex jikkommemoraw il-mewt tiegħu u mhux l-irxoxt tiegħu. L-appostlu Pawlu sejjaħ din l-okkażjoni “l-ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej.”—1 Korintin 11:20; Luqa 22:19, 20.

Iżjed minn hekk, ħafna mit-tradizzjonijiet tal-Għid “ftit li xejn għandhom x’jaqsmu” mal-irxoxt taʼ Ġesù, tistqarr il-Britannica, “imma jiġu minn drawwiet folkloristiċi.” Pereżempju, rigward is-simboli popolari tal-Għid, il-bajda u l-fenek, The Encyclopedia of Religion tgħid: “Il-bajda tissimbolizza ħajja ġdida li tgħaddi minn dik li tidher qisha l-mewt (l-ebusija) tal-qoxra tal-bajda.” Hi żżid: “Il-fenek kien magħruf bħala ħlejqa straordinarjament fertili, u b’hekk issimbolizza l-miġja tar-rebbiegħa.”

Philippe Walter, professur tal-letteratura tal-medju evu, jispjega kif tradizzjonijiet bħal dawn saru parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid. Hu kiteb li “waqt il-proċess taʼ li r-reliġjonijiet pagani saru Kristjani,” kien faċli li l-festa pagana li tiċċelebra “l-bidla mill-mewt tax-xitwa għall-ħajja tar-rebbiegħa” tiġi assoċjata mal-irxoxt taʼ Ġesù. Walter żied li kien pass prinċipali f’li jiġu introdotti “kommemorazzjonijiet Kristjani” fil-kalendarju pagan, u dan iffaċilita l-konverżjoni tal-massa.

Dan il-proċess taʼ li “r-reliġjonijiet pagani saru Kristjani” ma sarx waqt li l-appostli kienu għadhom ħajjin, għax huma aġixxew biex “iżommu lura” l-paganiżmu. (2 Tessalonikin 2:7) L-appostlu Pawlu wissa li wara ‘t-tluq tiegħu,’ kienu se “jqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) U lejn tmiem l-ewwel seklu, l-appostlu Ġwanni kiteb li xi rġiel diġà kienu qed jiżvijaw lil xi Kristjani. (1 Ġwanni 2:18, 26) It-triq kienet miftuħa biex in-nies eventwalment jadottaw drawwiet pagani.

“Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.”—2 Korintin 6:14

Madankollu, xi wħud iħossu li ma kienx ħażin li ftit mid-drawwiet tal-Għid ikunu permessi—li dan ta lill-“pagani” fehma aħjar tat-tifsir tal-irxoxt taʼ Ġesù. Iżda, Pawlu qatt ma kien se jaqbel maʼ dan. Għalkemm kien espost għal ħafna drawwiet pagani waqt li kien jivvjaġġa fl-Imperu Ruman, hu qatt m’adotta xi waħda minnhom biex jagħti lin-nies fehma aħjar taʼ Ġesù. Għall-kuntrarju, hu wissa lill-Kristjani: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux. Għax xi sħubija hemm bejn il-ġustizzja u l-ksur tal-liġi? Jew x’għandu x’jaqsam id-dawl mad-dlam? ‘Għalhekk, oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.’”—2 Korintin 6:14, 17.

X’inhu r-riżultat tal-istħarriġ qasir tagħna tad-dettalji? Juri biċ-ċar li l-Għid mhuwiex ċelebrazzjoni Kristjana.