Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Għajnejn Jairo—Il-mod tiegħu ta’ kif jaqdi u jqim lil Alla

Għajnejn Jairo—Il-mod tiegħu ta’ kif jaqdi u jqim lil Alla

Tistaʼ timmaġinak mingħajr kontroll taʼ ebda parti minn ġismek ħlief taʼ għajnejk? Ħija Jairo jinsab f’din id-dilemma. Madankollu, hu jgawdi ħajja bi skop. Qabel ma nispjega għaliex sab li ħajtu xorta hi taʼ min jgħixha, ħalli ngħidlek l-istorja tiegħu.

Jairo twieled b’tip taʼ paralisi ċerebrali msejħa kwadripleġja spastika. * B’hekk, m’għandux kontroll fuq il-biċċa l-kbira taʼ ġismu. Moħħu ma jistax jibgħat sinjali ċari lejn il-muskoli, allura riġlejh jitgħawġu, jew jinbarmu, bla kontroll. Kultant, iċ-ċaqliq bl-iskossi għal għarrieda taʼ Jairo saħansitra jġegħluh iweġġaʼ lilu nnifsu. Nies li jkunu ħdejh jistgħu jweġġgħu wkoll jekk ma jkunux attenti. B’sogħba, spiss idejh u saqajh ikollhom jintrabtu mas-siġġu tar-roti tiegħu biex aċċidenti bħal dawn jiġu evitati.

UĠIGĦ HU U JIKBER

L-iżvilupp fiżiku taʼ Jairo kien taʼ wġigħ kbir. Meta kellu tliet xhur, beda jkollu l-attakki tal-epilessija li ħallewh mitluf minn sensih. Ħafna drabi, ommi kienet iżżommu ssikkat magħha u tieħdu tiġri l-isptar, konvinta li kien mejjet.

Minħabba l-ħafna ġbid u ebusija li kien ikollu, maż-żmien l-għadam taʼ Jairo sfigura ruħu. Meta kellu 16-il sena, l-għadma tal-koxxa nqalgħet minn postha u kellu bżonn operazzjoni serja fil-koxxa, f’ġenbu, u fil-pelvi. Għadni niftakar lil Jairo jibki bl-uġigħ kull lejl sakemm dam biex fieq.

Id-diżabilità gravi taʼ Jairo tagħmlu jiddependi għalkollox fuq oħrajn sabiex jagħmel il-bżonnijiet taʼ kuljum, bħal li jiekol, jilbes, u jidħol fis-sodda. Ommi u missieri ġeneralment jagħmlu dawn l-affarijiet għalih. Għalkemm Jairo jeħtieġ l-għajnuna l-ħin kollu, il-ġenituri tagħna dejjem ifakkruh li ħajtu ma tiddependix biss fuq il-bnedmin iżda fuq Alla wkoll.

JINSTAB MEZZ TAʼ KOMUNIKAZZJONI

Il-ġenituri tagħna huma Xhieda taʼ Ġeħova u ilhom jaqraw stejjer mill-Bibbja lil Jairo mindu kien tarbija. Minn dejjem kienu jafu li l-ħajja fiha iżjed skop meta wieħed ikollu relazzjoni m’Alla. Jairo kien maqbud f’ġisem dgħajjef li kien il-ħin kollu jitgħawweġ bla mistenni, imma setaʼ jkollu tama sabiħa u vera għall-futur. Madankollu, spiss kienu jitħassbu jekk Jairo setax jifhem l-għarfien tal-Bibbja.

Darba waħda, meta Jairo kien għadu tifel, missieri staqsieh, “Jairo, tistaʼ jekk jogħġbok tkellimni?” Imbagħad żied jgħid, “Jekk veru tħobbni, tkellimni!” Hekk kif missieri talbu bil-ħniena biex għall-inqas jgħid kelma waħda, għajnejn Jairo imtlew bid-dmugħ. Għalkemm ipprova jesprimi dak li kien qed iħoss bil-kliem, hu setaʼ biss ilissen  ħsejjes ħerġin mill-gerżuma. Missieri ddispjaċieh li bekka lil Jairo. Imma dik ir-reazzjoni wriet li Jairo fehem dak li missieri kien qal. Il-problema kienet li hu ma setax jitkellem.

Ftit wara dan, il-ġenituri tagħna ndunaw li kultant Jairo kien iġerri għajnejh bl-għaġla milli jidher bi sforz biex jgħid xi jkun qed jaħseb u jħoss. Kien iħossu mdejjaq meta mhux dejjem setaʼ jiġi mifhum minn ħaddieħor. Iżda meta l-ġenituri tgħallmu jifhmu s-sinjali li kien jagħmel b’għajnejh u jġibulu dak li kellu bżonn, wiċċ Jairo kien jixgħel bi tbissima kbira. Kien il-mod tiegħu taʼ kif jgħid grazzi.

Speċjalista li tgħin lin-nies jitkellmu ssuġġeriet li biex ikun hemm komunikazzjoni aħjar, aħna kellna ngħollu jdejna ’l fuq meta nistaqsuh xi ħaġa li r-risposta għaliha tkun iva jew le. Il-leminija tfisser iva, ix-xellugija tfisser le. B’hekk, setaʼ jesprimi dak li xtaq billi jħares fiss lejn l-id it-tajba.

ĠRAJJA IMPORTANTI FIL-ĦAJJA TAʼ JAIRO

Tliet darbiet fis-sena, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkollhom assembleat u konvenzjonijiet li fihom jiġu ppreżentati taħditiet fuq il-Bibbja lil udjenzi kbar. Jairo dejjem kien jeċċita ruħu matul it-taħdita li tingħata lil dawk li jkunu se jitgħammdu. Darba, meta Jairo kellu 16-il sena, missieri staqsieh, “Jairo, trid titgħammed?” Mill-ewwel, il-ħarsa riżoluta tiegħu lejn l-id il-leminija taʼ missieri wriet ix-xewqa tiegħu li jieħu dak il-pass. Imbagħad, missieri kompla, “Wegħedt int lil Alla fit-talb li trid taqdih għal dejjem?” Għal darb’oħra, Jairo waħħal ħarstu fuq l-id il-leminija taʼ missieri. Kien jidher ċar li Jairo kien diġà ddedika ħajtu lil Ġeħova.

Wara diversi diskussjonijiet dwar il-Bibbja, kien jidher ċar ukoll li Jairo fehem it-tifsir tal-magħmudija Kristjana. Allura, fl-2004 wieġeb l-iktar mistoqsija importanti li qatt ġie mistoqsi, “Iddedikajt int lilek innifsek lil Alla biex tagħmel ir-rieda tiegħu?” Jairo wieġeb din il-mistoqsija billi tellaʼ għajnejh ’il fuq. Kien il-mod miftiehem minn qabel taʼ kif jgħid iva. B’hekk, meta kellu 17-il sena, tgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

GĦAJNEJN IFFOKATI FUQ L-AFFARIJIET T’ALLA

Fl-2011, instab mezz ġdid biex Jairo ikun jistaʼ jikkomunika—kompjuter ikkontrollat bl-għajnejn. Dan l-apparat isegwi l-movimenti tal-ħabba t’għajnejh, biex hekk ikun jistaʼ jipponta lejn l-icons fuq l-iskrin. Meta jpetpet għajnejh jew iħares fiss lejn icon ikun bħallikieku jikklikkja l-mouse tal-kompjuter. Ġiet ivvintata  tabella bl-istampi biex tgħin lil Jairo jikkomunika. Meta jpetpet għajnejh lejn stampa minnhom, il-kompjuter ibiddel messaġġ miktub f’vuċi elettronika.

Hekk kif Jairo fehem iżjed il-Bibbja, żdiedet ukoll ix-xewqa tiegħu biex jgħin lil oħrajn spiritwalment. Matul l-istudju tal-Bibbja tal-familja tagħna taʼ kull ġimgħa, spiss idawwar ħarstu minn fuqi għal fuq il-kompjuter. Dan hu l-mod tiegħu taʼ kif ifakkarni li għandi nikteb il-kummenti li hu jistaʼ jagħmel fil-laqgħat tal-kongregazzjoni Kristjana tagħna meta jkollna l-mistoqsijiet u t-tweġibiet.

Fil-laqgħa, bil-paċenzja juża l-mezz tiegħu biex jikklikkja fuq l-icon it-tajba, u mbagħad il-vuċi elettronika tiegħu tinstemaʼ minn kulħadd. Hu jitbissem bil-ferħ kull darba li jinkuraġġixxi lill-membri tal-kongregazzjoni b’dan il-mod. Alex, wieħed mill-ħbieb żgħar taʼ Jairo, jgħid, “Jairo dejjem jimpressjonani meta nisimgħu jikkummenta dwar xi suġġett tal-Bibbja.”

Jairo juża kompjuter li jikkontrolla b’għajnejh u vuċi elettronika biex jikkummenta fil-laqgħat u jaqsam it-twemmin tiegħu m’oħrajn

Jairo juża għajnejh ukoll biex jgħid lil oħrajn dwar it-twemmin tiegħu. Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi jikklikkja fuq stampa li turi ġnien fejn annimali u bnedmin taʼ kull razza jgħixu f’kundizzjonijiet paċifiċi. Meta jagħmel dan, vuċi fuq il-kompjuter tgħid, “It-tama tal-Bibbja hi li l-art se tkun ġenna fejn ma jkunx hemm iżjed mard u mewt, Rivelazzjoni 21:4.” Jekk is-semmiegħ juri interess, jerġaʼ jikklikkja u l-kompjuter jgħid, “Tixtieq tistudja l-Bibbja miegħi?” B’sorpriża, in-nannu tagħna aċċetta din l-istedina. Huwa taʼ ferħ kbir li tara lil Jairo, megħjun minn Xhud sieħbu, jgħallem il-Bibbja lin-nannu bil-mod il-mod! B’ferħ, in-nannu tgħammed fil-konvenzjoni reġjonali f’Madrid f’Awwissu 2014.

L-imħabba li Jairo għandu għal Alla hija nnotata mill-għalliema tal-iskola tiegħu. Rosario, waħda mill-ispeċjalisti tiegħu, darba stqarret: “Jekk qatt xi darba naħseb dwar li ningħaqad maʼ xi reliġjon, kieku nsir waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Rajt kif il-fidi taʼ Jairo tatu skop veru fil-ħajja, minkejja s-sitwazzjoni diffiċli tiegħu.”

Għajnejn Jairo dejjem jixegħlu meta naqralu l-wegħda tal-Bibbja: “Iz-zopp se jixxabbat bħaċ-ċerv, u lsien il-mutu se jgħajjat bil-ferħ.” (Isaija 35:6) Huwa minnu li għalkemm kultant jiskuraġġixxi ruħu, ġeneralment ikun ferħan. Dan hu possibbli biss għaliex ħajtu tiffoka fuq Alla u l-ħbieb Kristjani tiegħu. L-attitudni pożittiva u l-fidi soda tiegħu huma xhieda illi li jaqdi lil Ġeħova jagħmel ħajja mimlija sfidi waħda taʼ min jgħixha.

^ par. 5 Il-paralisi ċerebrali (cerebral palsy, CP) hija terminu ġenerali li jintuża biex jiddeskrivi ħsara fil-moħħ li teffettwa ċ-ċaqliq. Tistaʼ twassal ukoll għal attakki tal-epilessija, diżordnijiet fl-ikel, u diskors mhux ċar. Il-kwadripleġja spastika hija l-iktar tip serju tas-CP; tistaʼ tirriżulta f’ebusija tad-dirgħajn u r-riġlejn u ras mitluqa.