Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | ĠESÙ JSALVANA—MINN XIEX?

Għala għandna bżonn niġu salvati

Għala għandna bżonn niġu salvati

“Il-bniedem, imwieled minn mara, għomru qasir u mimli taħbit. Bħall-inwar joħroġ u jinqataʼ, u jaħrab bħad-dell u ma jibqax jeżisti.”—Ġob 14:1, 2.

Minn żminijiet il-qedem, in-nies ħolmu dwar kemm ikun sabiħ li kieku kellhom jibqgħu żgħażagħ u f’saħħithom għal dejjem. Madankollu, b’dispjaċir ir-realtà qarsa hi din: Aħna mmutu. Il-kliem taʼ Ġob imsemmi hawn fuq, imlissen iżjed minn tlett elef sena ilu, għadu jgħodd sal-lum.

Ix-xewqa li ngħixu ħajja bla tmiem hi qawwija, u hi universali. Il-Bibbja tgħidilna li Alla poġġa f’qalbna x-xewqa tal-eternità kif ukoll ix-xenqa li nifhmuha. (Ekkleżjasti 3:11) Ladarba dan hu l-każ, ma jidhirlekx li ma jkunx raġunevoli li Alla jpoġġi fina xewqa għal xi ħaġa li tkun impossibbli li naqtgħuha? Jekk it-tweġiba tiegħek hi le, għandek raġun. Il-Kelma t’Alla titkellem dwar il-mewt bħala għadu u twiegħed li “se tinġieb fix-xejn.”—1 Korintin 15:26.

M’hemm ebda dubju li l-mewt hi għadu. L-ebda bniedem moħħu f’loku ma jixtieqha. Meta jersaq il-periklu, inwarrbulu, nistaħbewlu, jew naħarbulu. Meta nimirdu, infittxu modi biex infiqu. Nagħmlu kulma nistgħu biex nevitaw affarijiet li jistgħu jikkaġunawlna l-mewt.

Hemm x’jagħti x’nifhmu li dan l-għadu li ilu jeżisti minn żmien żemżem se jinġieb fix-xejn? Iva, hemm. Alla Ġeħova, il-Ħallieq, ma ħalaqx lill-bnedmin biex sempliċement jgħixu għal ftit snin u mbagħad imutu. Il-mewt tal-bnedmin ma kinitx parti mill-għan oriġinali tiegħu. Hu ried li l-bnedmin jgħixu għal dejjem fuq l-art, u r-rieda tiegħu jwettaqha.—Isaija 55:11.

Mela l-mewt kif se tinġieb fix-xejn? Tul l-istorja, il-bnedmin issieltu biex isolvu l-problema tal-mewt imma ma rnexxilhomx. Fiż-żminijiet moderni, it-tfittxija għas-soluzzjoni għadha sejra. Ix-xjentisti żviluppaw tilqim u mediċini li rażżnu ċertu mard. Huma studjaw bir-reqqa l-istruttura ġenetika tal-affarijiet ħajjin. F’ħafna postijiet, in-nies illum jgħixu iżjed milli kienu seklu ilu. Madankollu, il-mewt għadha hawn. Kif tgħid il-Bibbja, “kollha lejn it-trab jerġgħu jmorru.”—Ekkleżjasti 3:20.

L-aħbar tajba hi li m’għandniex għalfejn noqogħdu fuq il-kapaċità tal-bnedmin biex isolvu din il-problema li ilha għaddejja. Alla Ġeħova diġà għamel arranġamenti biex insalvaw jew ninħelsu mill-mewt, u l-wieħed prinċipali f’dan l-arranġament hu Ġesù Kristu.