Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | TISTAʼ TKUN QRIB TAʼ ALLA

Tikkomunika int m’Alla?

Tikkomunika int m’Alla?

Kemm jekk wiċċ imb wiċċ, bit-telefown, bl-E-mail, bil-vidjow, jew b’ittra, il-ħbieb tal-qalb jikkomunikaw bejniethom skont kemm jippermettulhom iċ-ċirkustanzi. B’hekk, biex inkunu qrib taʼ Alla, jeħtieġ li nikkomunikaw miegħu regolarment. Imma kif nistgħu nagħmluh dan?

Nistgħu nkellmu lil Ġeħova permezz tat-talb. Però, it-talb lil Alla mhux l-istess bħal diskursata każwali li jistaʼ jkollna maʼ xi ħadd tamparna. Għandna nifhmu li meta nitolbu, inkunu qed nitkellmu mal-Ħallieq tagħna, l-Iktar Għoli fl-univers. Dan għandu jqanqalna nitolbu b’sens profond taʼ rispett u riverenza. Biex talbna jintlaqaʼ minn Alla, għandna wkoll insegwu ċerti ħtiġijiet. Tlieta minnhom huma dawn li ġejjin.

L-ewwel, it-talb għandu jiġi indirizzat esklużivament lil Alla Ġeħova—mhux lil Ġesù, lil xi “qaddis,” jew lil xi xbieha. (Eżodu 20:4, 5) Il-Bibbja tgħid ċar: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Filippin 4:6) It-tieni, it-talb għandu jiġi offrut f’isem l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu. Ġesù nnifsu spjega: “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) It-tielet, talbna għandu jkun fi qbil mar-rieda t’Alla. Il-Bibbja tiddikjara: “Kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.” *1 Ġwanni 5:14.

Ħbieb tal-qalb jieħdu pjaċir jikkomunikaw bejniethom spiss kemm jistaʼ jkun

M’għandniex xi ngħidu, relazzjoni mill-qrib mhix se tkun dejjiema jekk titkellem persuna waħda biss. Bħalma żewġt iħbieb jieħdu pjaċir b’komunikazzjoni li fiha jieħdu sehem it-tnejn li huma, għandna nħallu lil Alla jkellem lilna u għandna nisimgħuh meta jagħmel dan. Int taf kif ikellimna Alla?

Illum, Alla Ġeħova “jkellimna” permezz tal-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja. (2 Timotju 3:16, 17) Għala ngħidu hekk? Biex inġibu eżempju: Nagħmlu mod tirċievi ittra mingħand ħabib tal-qalb. Wara li taqraha, forsi b’entużjażmu tgħid lil ħaddieħor, “Għadni kif smajt mingħand ħabibi!” Però, il-komunikazzjoni ma kinitx mitkellma, imma bil-miktub. B’mod simili, billi taqra l-Bibbja, int tkun qed tħalli lil Ġeħova jkellmek. B’hekk, Gina, li kkwotajna fl-ewwel artiklu, tgħid, “Jien naħseb li jekk irrid li Alla jqisni bħala ħabiba, għandi neżamina l-‘ittra’ li kitbilna—il-Bibbja.” Hi żżid, “Il-qari tal-Bibbja kuljum ressaqni eqreb lejn Alla.” Int tħalli lil Ġeħova jkellmek kull ġurnata billi taqra l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, kuljum? Li tagħmel dan se jgħinek tħossok eqreb lejn Alla.

^ par. 5 Għal iżjed informazzjoni fuq kif tersaq qrib lejn Alla permezz tat-talb, ara kapitlu 17 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.