Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | TISTAʼ TKUN QRIB TAʼ ALLA

Tħossok qrib ta’ Alla?

Tħossok qrib ta’ Alla?

“Meta jkollok relazzjoni mill-qrib m’Alla tħossok fis-sigurtà, komplet, u stabbli. Qisu Alla l-ħin kollu jkun qed ifittex l-interessi tiegħek.”—CHRISTOPHER, RAĠEL ŻAGĦŻUGĦ FIL-GHANA.

“Alla jarak meta tkun qalbek maqtugħa għalkollox, u jagħtik iżjed imħabba u attenzjoni milli qatt tistaʼ titlob.”—HANNAH, 13-IL SENA, L-ALASKA, L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA.

“Li tkun taf li għandek relazzjoni mill-qrib m’Alla hu l-iktar sentiment prezzjuż u li jikkalmak!”—GINA, MARA ĠAMAJKANA LI GĦANDHA XI 45 SENA.

Christopher, Hannah, u Gina mhumiex waħedhom. Ħafna nies minn madwar id-dinja huma konvinti li Alla jqishom bħala l-ħbieb tiegħu. X’taħseb int? Tħossok qrib taʼ Alla? Jew forsi tixtieq li tkun qrib jew eqreb tiegħu? Forsi taħseb: ‘Huwa verament possibbli għal sempliċi bniedem li jkollu relazzjoni m’Alla li Jistaʼ Kollox? U jekk inhu hekk, kif?’

HUWA POSSIBBLI LI TKUN QRIB TAʼ ALLA

Skont il-Bibbja, huwa possibbli li jkollok relazzjoni mill-qrib u personali m’Alla. Il-Bibbja tgħid li Alla sejjaħ lill-patrijarka Ebrew Abraham “il-ħabib tiegħi.” (Isaija 41:8) Innota wkoll l-istedina kordjali misjuba f’Ġakbu 4:8: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” B’hekk jidher ċar li relazzjoni mill-qrib—ħbiberija—m’Alla hi possibbli. Imma ladarba Alla hu inviżibbli, kif tistaʼ ‘tersaq qrib lejh’ u tgawdi relazzjoni tajba miegħu?

Biex twieġeb dik il-mistoqsija qis x’jiġri meta tiżviluppa ħbiberija bejn il-bnedmin. Ġeneralment tibda bi tnejn min-nies li jsiru jafu isem xulxin. Imbagħad, waqt li jibdew jikkomunikaw bejniethom regolarment, jaqsmu ħsibijiet u sentimenti, il-ħbiberija bejniethom tikber. U meta jipprovaw jagħmlu affarijiet għal xulxin, ir-rabta tal-ħbiberija tagħhom tissaħħaħ. Tiġri xi ħaġa simili meta tiżviluppa relazzjoni mill-qrib m’Alla. Ejja naraw kif dan hu minnu.