Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-QARREJJA TAGĦNA JISTAQSU . . .

X’inhuma l-fatti dwar il-Milied?

X’inhuma l-fatti dwar il-Milied?

Madwar id-dinja, miljuni taʼ nies jiċċelebraw il-Milied għal diversi raġunijiet. Xi wħud jieħdu pjaċir igawdu żminijiet taʼ festa mal-ħbieb u l-familja. Oħrajn jaħsbu dwar Alla jew jiddedikaw ħin biex jgħinu lill-fqar jew lil dawk fil-bżonn. Bla dubju, fihom infushom dawn l-affarijiet huma taʼ min ifaħħarhom. Madankollu, huma mtappnin bl-aspetti negattivi taʼ din il-festa.

L-ewwel, ħafna ċelebranti jemmnu li l-Milied huwa ċelebrazzjoni għal Ġesù f’jum twelidu. Iżda, l-istorjografi jaqblu kompletament bejniethom li d-data tat-twelid tiegħu mhix magħrufa. Il-ktieb The Christian Book of Why jgħid li “l-Kristjani tal-bidu rrifjutaw li jwarrbu data li timmarka t-twelid taʼ Ġesù” għaliex riedu “jisseparaw ruħhom mill-prattiki pagani kollha.” Taʼ interess, il-Bibbja ma tagħti ebda indikazzjoni li xi darba Ġesù ċċelebra jum it-twelid tiegħu stess jew taʼ xi ħadd ieħor. B’kuntrast, hu kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jikkommemoraw il-mewt tiegħu.—Luqa 22:19.

It-tieni, ħafna studjużi jaqblu li l-biċċa l-kbira mit-tradizzjonijiet tal-Milied għandhom l-oriġini tagħhom fi drawwiet mhumiex Kristjani u pagani. Dawn jinkludu lil Santa Klaws, kif ukoll l-użu tal-mistletoe u s-siġra tal-Milied, għoti taʼ rigali, xemgħat jixegħlu, girlandi dekorattivi mdendlin, u kant tal-Milied. Il-ktieb The Externals of the Catholic Church qal dan rigward uħud minn dawn id-drawwiet: “Meta nagħtu jew naqilgħu rigali tal-Milied, u ndendlu girlandi ħodor fi djarna u fil-knejjes, kemm minna jafu li probabbilment inkunu qed nosservaw drawwiet pagani?”

“Meta nagħtu jew naqilgħu rigali tal-Milied, u ndendlu girlandi ħodor fi djarna u fil-knejjes, kemm minna jafu li probabbilment inkunu qed nosservaw drawwiet pagani?”—The Externals of the Catholic Church

Iżda int għandek mnejn tistaqsi x’hemm ħażin f’li ssegwi dawk li qishom drawwiet innoċenti. Ikkunsidra x’jgħid it-tielet punt bħala tweġiba. Alla ma japprovax it-taħlit taʼ drawwiet pagani mal-qima pura. Permezz tal-profeta Tiegħu, Għamos, Alla Ġeħova qal lill-aduraturi stinati Tiegħu f’Iżrael tal-qedem: “Jien bgħadt il-festi tagħkom, ma lqajthomx . . . Neħħili l-konfużjoni taʼ l-għanjiet tiegħek.”—Għamos 5:21, 23.

Għala dan il-kliem qawwi? Ikkunsidra x’kienu qed jagħmlu n-nies fis-saltna taʼ Iżrael fit-Tramuntana tal-qedem. L-ewwel sultan tagħhom, Ġerobogħam, poġġa għoġiela tad-deheb fil-bliet taʼ Dan u Betel u influwenza lin-nies biex iqimu lilhom minflok ma jqimu lil Alla Ġeħova kif jixraq fit-tempju f’Ġerusalemm. Ukoll, is-sultan introduċa festi u ħatar qassisin biex jgħinu lin-nies jiċċelebrawhom.—1 Slaten 12:26-33.

Dak li għamlu l-Iżraelin deher li kien tajjeb. Wara kollox, ma kinux huma qed jagħmlu dawn l-affarijiet biex iqimu lil Alla u jogħġbuh? Il-kliem qawwi li Alla qal permezz taʼ Għamos u l-profeti l-oħra jindika ċar kif ħassu Alla dwar prattiki bħal dawn. Permezz tal-profeta Malakija, Alla qal: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx.” (Malakija 3:6) Ma jgħidilniex dan kif iħossu Alla dwar il-ħafna ċelebrazzjonijiet tal-Milied illum?

Wara li kkunsidraw il-fatti li semmejna, miljuni taʼ nies iddeċidew li ma jiċċelebrawx il-Milied. Minflok, huma jieħdu pjaċir u għandhom sodisfazzjon veru f’li jqattgħu l-ħin maʼ ħbiebhom u familthom u f’li jgħinu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn kull meta jixtiequ matul is-sena kollha.