Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Id-dehen ta’ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu”

“Id-dehen ta’ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu”

Kowċ tal-baskitbol fi skola sekondarja jitkeċċa għax ma jikkontrollax ir-rabja tiegħu.

Tifel jarma jwerżaq u jgħajjat għax m’għaddietx tiegħu.

Omm u binha jargumentaw minħabba t-taqlib fil-kamra tiegħu.

ILKOLL kemm aħna rajna nies jirrabjaw, u bla dubju aħna stess inkorlajna f’xi ħin jew ieħor. Filwaqt li aħna forsi nqisu r-rabja bħala emozzjoni negattiva li għandha titrażżan, spiss inħossu li għandna raġuni valida biex nitbaqbqu, speċjalment meta xi ħadd jidher li jkun mar kontra s-sens taʼ ġustizzja tagħna. Artiklu mill-American Psychological Association saħansitra jgħid li “r-rabja hija emozzjoni umana kompletament normali, ġeneralment taʼ benefiċċju.”

Ħarsa bħal din għandha mnejn titwemmen meta nqisu x’kiteb l-appostlu Kristjan Pawlu b’ispirazzjoni divina. Waqt li jammetti li jistaʼ jkun hemm drabi meta n-nies jirrabjaw, hu qal: “Jekk tinkorlaw, tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.” (Efesin 4:26) B’dan f’moħħna, għandna ninfexxu nirrabjaw jew għandna nagħmlu kulma nistgħu biex nikkontrollaw ir-rabja?

GĦANDEK TIRRABJA?

Meta Pawlu ta dak il-parir dwar ir-rabja, milli jidher f’moħħu kellu l-kliem tas-salmista li kiteb: “Jekk tibdew tħossukom aġitati, tidinbux.” (Salm 4:4) Iżda, x’kienet l-intenzjoni tat-twissija ispirata taʼ Pawlu? Hu kompla jispjega: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen.” (Efesin 4:31) Pawlu fil-fatt kien qed jinkuraġġixxi lill-Kristjani biex jevitaw li jagħtu wisaʼ għar-rabja. Taʼ interess, l-artiklu tal-American Psychological Association ikompli jgħid: “Ir-riċerka sabet li l-isfog tar-rabja attwalment iwassal għal iktar rabja u aggressjoni u ma jgħinek xejn . . . biex tirranġa s-sitwazzjoni.”

Mela, kif nistgħu ‘nwarrbu’ r-rabja u l-effetti ħżiena kollha tagħha? Is-sultan għaqli Salamun taʼ Iżrael tal-qedem kiteb: “Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.” (Proverbji 19:11) “Id-dehen taʼ bniedem” kif jistaʼ jgħin meta r-rabja tinġemaʼ ġewwa fih?

KIF ID-DEHEN ITAFFI R-RABJA

Id-dehen huwa l-abbiltà li tiżen sitwazzjoni sew. Li jkollok id-dehen ifisser li ma tarax dak li  jidher fil-wiċċ biss. Dan kif jistaʼ jgħinna meta niġu offiżi jew provokati?

Meta naraw xi inġustizzja, forsi nagħdbu. Madankollu, jekk nimxu fuq l-emozzjonijiet tagħna u naġixxu bir-rabja, nistgħu nispiċċaw inweġġgħu lilna nfusna jew lil xi ħadd ieħor. Bħalma nar mhux kontrollat jistaʼ jeqred dar, hekk ukoll tfaqqigħa taʼ rabja tistaʼ teqred ir-reputazzjoni tagħna u r-relazzjonijiet tagħna maʼ ħaddieħor, saħansitra m’Alla. Allura meta nħossu r-rabja tinġemaʼ ġewwa fina, ikun il-waqt li neżaminaw aħjar is-sitwazzjoni. Li naraw l-istampa kollha taʼ dak li jkun qed jiġri żgur se jgħinna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna.

Missier Salamun, is-Sultan David, bi żbrixx evita li jġib ħtija tad-demm fuqu meta ttratta maʼ raġel jismu Nabal. Dan ġara għax David ġie megħjun jeżamina s-sitwazzjoni. David u l-irġiel tiegħu pproteġew in-nagħaġ taʼ Nabal fix-xagħri tal-Lhudija. Meta ġie biex iġiżż il-merħla, David talab ftit ikel lil Nabal. Bi tweġiba, Nabal qal: “Għandi jien naqbad il-ħobż tiegħi u l-ilma tiegħi u l-annimali maqtulin li qattajt biċċiet għan-nies tiegħi li jġiżżu n-nagħaġ u nagħtihom lil irġiel li lanqas biss naf minfejn huma?” X’insult! Meta David semaʼ dan il-kliem, hu, flimkien maʼ xi 400 raġel, irħielha biex jeqred lil Nabal u lill-irġiel kollha tad-dar tiegħu.—1 Samwel 25:4-13.

Mart Nabal, Abigajl, saret taf b’dak li ġara u marret tiltaqaʼ maʼ David. Hekk kif waslet ħdejn David u l-irġiel tiegħu, intefgħet f’riġlejh u qalet: “Ħa tkellmek l-ilsira tiegħek, u agħti widen għall-kliem taʼ l-ilsira tiegħek.” Imbagħad spjegat lil David kemm Nabal kien jaġixxi bla sens u rrimarkat li David kien se jiddispjaċih jekk ipattihielu u jxerred id-demm.—1 Samwel 25:24-31.

Liema dehen kiseb David minn kliem Abigajl li għenu jberred dik is-sitwazzjoni taħraq? L-ewwel, hu ra kemm min-natura tiegħu Nabal kien jaġixxi bla sens, u t-tieni, David ra li setaʼ jġib il-ħtija tad-demm fuqu jekk jivvendika ruħu minnu. Bħal David, int għandek mnejn tinkorla għal xi ħaġa. X’għandek tagħmel? “Ħu ftit ħin biex tieħu nifs fil-fond u għodd sal-10,” jissuġġerixxi artiklu tal-Mayo Clinic dwar il-kontroll tar-rabja. Iva, ieqaf u aħseb x’inhu l-kaġun tal-problema u x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi taʼ dak li tkun biħsiebek tagħmel. Ħalli d-dehen iberridlek ir-rabja tiegħek—saħansitra jġibha fix-xejn.—1 Samwel 25:32-35.

B’mod simili, ħafna llum ġew megħjunin jikkontrollaw ir-rabja tagħhom. Sebastian spjega kif meta kellu 23 sena u kien priġunier f’ħabs Pollakk, hu tgħallem jikkontrolla t-temperament u l-emozzjonijiet b’saħħithom tiegħu permezz taʼ studju tal-Bibbja. “L-ewwel, naħseb dwar il-problema,” hu qal. “Imbagħad, nipprova napplika l-parir tal-Bibbja. Sibt li l-Bibbja hija l-aqwa ktieb biex jiggwidak.”

Li tapplika l-pariri tal-Bibbja jistaʼ jgħinek tikkontrolla emozzjonijiet b’saħħithom

Bażikament, Setsuo segwa l-istess tattika. Hu qal: “Kont ngħajjat m’oħrajn fuq ix-xogħol meta kienu jdejquni. Issa li studjajt il-Bibbja minflok ma ngħajjat nistaqsi lili nnifsi: ‘Wara kollox, taʼ min hu t-tort? Mhux jien qed noħloq il-problema?’” Ir-rabja taffietlu meta qagħad jaħseb fuq dawn il-mistoqsijiet u kien kapaċi jikkontrolla l-emozzjonijiet qawwijin li nġemgħu f’qalbu.

L-emozzjoni tar-rabja tistaʼ tkun b’saħħitha ħafna, imma l-pariri mill-Kelma t’Alla huma jerġaʼ iktar b’saħħithom. Billi tapplika l-pariri għaqlin tal-Bibbja u titlob għall-għajnuna t’Alla, int ukoll tistaʼ tħalli d-dehen tiegħek inaqqas jew jikkontrolla r-rabja tiegħek.