Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għandi nissellef flus?

Għandi nissellef flus?

“Li tissellef hu bħal tieġ; li trodd lura hu bħal vistu.”—Proverbju bis-Swaħili.

DAN il-proverbju hu magħruf sew fost in-nies mill-Afrika tal-Lvant, u bla dubju jirrifletti s-sentimenti taʼ ħafna nies madwar id-dinja. Int hekk tħossok dwar li tissellef il-flus mingħand ħabib jew xi sorsi oħra? Għalkemm kultant dan jistaʼ jkun xieraq, huwa idea tajba? X’inhuma l-perikli u n-nases taʼ li tissellef?

Qawl ieħor bis-Swaħili jispjega x’tistaʼ tkun il-problema prinċipali meta wieħed jissellef. Jgħid: “Is-self iħassar ħbiberija.” Tabilħaqq, id-dejn jistaʼ jipperikola l-ħbiberiji u r-relazzjonijiet. Anke bl-aħjar pjanijiet u bl-iktar intenzjonijiet sinċieri, l-affarijiet mhux dejjem joħorġu kif mistennijin. Pereżempju, jekk jgħaddi ż-żmien bla ma jitħallsu l-pagamenti dovuti, dak li silef għandu mnejn jirrita ruħu. Tistaʼ tibda tinbet l-istmerrija, u r-relazzjoni bejn dak li silef u dak li ssellef—u saħansitra bejn il-familji tagħhom—tistaʼ tbati. Ladarba jistaʼ jkun hemm nuqqas taʼ qbil minħabba s-self, għandna mnejn inqisuh bħala l-aħħar ħaġa li jkollna nagħmlu minflok ma jkun soluzzjoni ħafifa għall-problemi finanzjarji.

Is-self tal-flus jistaʼ wkoll jipperikola r-relazzjoni taʼ persuna m’Alla. Kif? L-ewwel nett, il-Bibbja tgħid li huwa bniedem mill-agħar li għal t’apposta u b’intenzjoni jirrifjuta li jħallas lura d-dejn li jkollu. (Salm 37:21) Ukoll, tagħmilha ċara li “min jissellef hu l-qaddej taʼ min isellfu.” (Proverbji 22:7) Dak li jissellef għandu jirrealizza li sakemm il-flus jitħallsu lura, hu jkun f’obbligu lejn min silfu. Qawl ieħor Afrikan huwa minnu wkoll: “Jekk tissellef saqajn taʼ raġel, int se tmur fejn jidderiġik hu.” L-idea hi li wieħed li jkun mgħaddas fid-dejn ma jkunx iktar ħieles li jagħmel dak li jkun irid.

B’hekk, li jitħallas lura dak li nsilef għandu jingħata prijorità kbira. Inkella, x’aktarx li jqumu d-diffikultajiet. Djun li jakkumulaw jistgħu jirriżultaw f’ħafna niket, kif ukoll fi ljieli bla rqad, iżjed xogħol, tilwim bejn ir-raġel u l-mara, u tkissir taʼ familji wkoll, biex ma nsemmux il-possibbiltà taʼ każi fil-qrati jew priġunerija. Il-kliem misjub f’Rumani 13:8 fih l-għerf: “Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin.”

 HUWA NEĊESSARJU?

Meta tqis dan kollu, jaqbel li toqgħod attent meta tiġi biex tissellef il-flus. Ikun għaqli li tistaqsi: Hemm veru bżonn li nissellef? Hija kwistjoni taʼ li nuża dak li għandi biex ngħajjex lill-familja tiegħi? Jew hemm xi ftit regħba involuta, forsi xewqa biex ngħix b’iżjed flus milli naqlaʼ? Fil-biċċa l-kbira tal-każi, ikun aħjar li tkun kuntent b’inqas affarijiet milli tobbliga lilek innifsek bis-self.

M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun hemm eċċezzjonijiet, bħal meta tinqalaʼ emerġenza u jkun jidher li m’hemmx għażla oħra. Xorta waħda, jekk wieħed jiddeċiedi li jissellef, hu għandu juri li hu bniedem bi prinċipji tajbin. Dan kif jistaʼ jagħmlu?

L-ewwel, qatt m’għandek tieħu vantaġġ minn xi ħadd sempliċement għaliex jidher li għandu iżjed flus jew affarijiet minn ħaddieħor. M’għandniex nirraġunaw li meta bniedem jidher li hu sinjur, dan għandu jgħinna finanzjarjament. Lanqas m’għandna naħsbu li aħna ħelsin minn xi obbligu morali li naġixxu bl-onestà maʼ bniedem bħal dan. Tgħirx għal dawk li jidhru li qed igawdu sigurtà finanzjarja.—Proverbji 28:22.

Imbagħad, kun ċert li tħallas lura dak li tkun issellift, u agħmel hekk mill-ewwel. Jekk dak li silfek ma jagħtikx żmien speċifiku biex trodd il-flus lura, kun int li tagħmel dan, u għandek tħallas id-dejn saż-żmien stipulat. Huwa rikkmandat li l-ftehim tagħkom tagħmluh bil-miktub sabiex tevitaw li tkunu fhimtu ħażin lil xulxin. (Ġeremija 32:9, 10) Jekk hu possibbli, personalment agħti lura s-self lil min silfek biex tkun tistaʼ tirringrazzjah int stess. Li tkun kuxjenzjuż biex tagħti lura dak li tissellef iwassal għal relazzjonijiet tajbin. Fil-Prietka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Il-kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-Le, Le.” (Mattew 5:37) Iżjed minn hekk, dejjem żomm f’moħħok ir-Regola tad-Deheb: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—Mattew 7:12.

PRINĊIPJI BIBLIĊI T’GĦAJNUNA

Il-Bibbja toffri rimedju sempliċi għax-xewqa qawwija biex tissellef il-flus. Tgħid: “Tabilħaqq, hi mezz taʼ qligħ kbir din id-devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li wieħed ikun kuntent b’dak li għandu.” (1 Timotju 6:6) Fi kliem ieħor, li tkun kuntent b’dak li għandek hu l-aħjar mod biex tiskansa l-konsegwenzi taʼ niket li jġib is-self. Madankollu, irridu nammettu li mhux faċli tkun kuntent f’dinja fejn wieħed irid kollox mal-ħaġra t-tajn. Hawn hu fejn tidħol “id-devozzjoni lejn Alla.” Kif?

Ejja nieħdu, bħala eżempju, lil koppja Kristjana fl-Asja. Meta kienu iżgħar, kienu jammiraw lil dawk li setgħu jkollhom id-dar tagħhom stess. Għalhekk iddeċidew li jixtru waħda bil-flus imġemmgħin u bil-flus mislufin minn bank u mill-qraba. Iżda, malajr bdew iħossu l-piż tal-pagamenti għoljin taʼ kull xahar. Huma ħadmu iktar, sa tard billejl, u dan ħallielhom ftit ħin għal uliedhom. Il-missier qal: “L-istress, l-uġigħ, u n-nuqqas taʼ rqad ħassejthom bħal blata tqila fuq rasi. Ħassejtni qed nifga.”

“Li tħares lejn l-affarijiet materjali mil-lat spiritwali huwa protezzjoni”

Maż-żmien, huma ftakru fil-kliem tal-1 Timotju 6:6 u ddeċidew li l-unika soluzzjoni kienet li jbigħu d-dar. Damu sentejn biex fl-aħħar ħelsu mill-piż li kellhom. X’tgħallmu dawn mill-esperjenza tagħhom? Huma kkonkludew: “Li tħares lejn l-affarijiet materjali mil-lat spiritwali huwa protezzjoni.”

Il-proverbju bis-Swaħili msemmi fil-bidu hu magħruf ħafna. Imma ma waqqafx lin-nies milli jissellfu. Meta nqisu l-prinċipji Bibliċi li kkunsidrajna hawn fuq, ma jkunx għaqli li naħsbu bis-serjetà dwar il-mistoqsija, Għandi nissellef flus?