Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | TISTAʼ TKUN QRIB TAʼ ALLA

Tagħmel int dak li jitlob Alla minnek?

Tagħmel int dak li jitlob Alla minnek?

“Kulma trid, għidli u naqdik mill-aħjar li nistaʼ.” Aktarx kont taħsibha darbtejn biex tgħid xi ħaġa bħal din lil xi ħadd barrani jew lil xi ħadd li bilkemm tafu. Madankollu, aktarx ma jkollokx problema tgħid kliem bħal dan lil xi ħabib għażiż. Il-ħbieb tal-qalb ovvjament ikunu inklinati li jagħmlu dak li wieħed jitlob mill-ieħor.

Il-Bibbja turi li Ġeħova regolarment jagħmel dak li jaf li se jagħti gost lill-aduraturi tiegħu. Pereżempju, is-Sultan David, li kellu relazzjoni mill-qrib m’Alla, qal: “Int għamilt ħafna affarijiet, iva, għemejjel taʼ l-għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna. . . . Kienu jkunu ferm iżjed milli nistaʼ nsemmi.” (Salm 40:5) Iżjed minn hekk, Ġeħova saħansitra jagħmel dak li jogħġob lil dawk li għadhom ma jafuhx, u ‘jimlielhom qlubhom għalkollox bl-ikel u bil-ferħ.’—Atti 14:17.

Minn qalbna nagħmlu affarijiet għal dawk li nħobbu u nirrispettaw

Ladarba Ġeħova jieħu gost jagħmel dak li jagħti pjaċir lil ħaddieħor, huwa raġunevoli li tistenna li dawk li jridu jkunu l-ħbieb taʼ Alla se jagħmlu affarijiet li ‘jferrħulu qalbu.’ (Proverbji 27:11) Imma x’tistaʼ tagħmel speċifikament biex togħġob lil Alla? Il-Bibbja twieġeb: “Tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu m’oħrajn, għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.” (Ebrej 13:16) Ifisser dan li kulma hu meħtieġ biex togħġob lil Ġeħova hu li tagħmel il-ġid u li taqsam m’oħrajn?

“Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew” lil Alla, tgħid il-Bibbja. (Ebrej 11:6) Kien wara li “Abraham poġġa l-fidi f’Ġeħova” li “beda jissejjaħ ‘il-ħabib taʼ Ġeħova.’” (Ġakbu 2:23) Ġesù Kristu wkoll enfasizza l-bżonn li ‘neżerċitaw il-fidi f’Alla’ biex ingawdu l-barka Tiegħu. (Ġwanni 14:1) Mela kif jistaʼ jkollok il-fidi li Alla jfittex f’dawk li jiġbed qrib lejh? Tistaʼ tibda billi jkollok studju regolari tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Jekk tagħmel dan, se jkollok “għarfien eżatt dwar ir-rieda tiegħu” u b’hekk titgħallem kif ‘togħġbu għalkollox.’ Imbagħad, hekk kif tiżdied b’għarfien eżatt dwar Ġeħova u tapplika dak li titgħallem dwar il-ħtiġijiet ġusti tiegħu, il-fidi tiegħek fih se tikber u hu se jersaq dejjem eqreb lejk.—Kolossin 1:9, 10.