L-ESPLORATUR qalbieni ma setax jemmen lil għajnejh. Hemmhekk, b’parti minnha mirduma fir-ramel tad-deżert tal-Alġerija, kien hemm wieqfa arkata trijonfali Rumana! Meta l-Iskoċċiż James Bruce skoprieha fl-1765, ma rrealizzax li kien qiegħed bilwieqfa fuq il-fdalijiet tal-ikbar belt Rumana li nbniet fl-Afrika taʼ Fuq—il-belt antika taʼ Thamugadi, issa msejħa Timgad.

’Il fuq minn seklu wara, fl-1881, xi arkeoloġi Franċiżi bdew jikxfu l-fdalijiet preservati sew taʼ Timgad. Huma kkonkludew li minkejja l-art vojta u niexfa tal-madwar, l-abitanti tagħha gawdew stil taʼ ħajja komda u lussuża ħafna. Imma x’ġegħelhom lir-Rumani jibnu kolonja prospera f’post bħal dan? U x’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn din il-belt tal-qedem u l-abitanti tagħha?

SKOP POLITIKU MISTUR

Meta r-Rumani estendew il-ħakma tagħhom fl-Afrika taʼ Fuq fl-ewwel seklu QK, iltaqgħu maʼ oppożizzjoni ħarxa minn xi tribujiet nomadi. Ir-Rumani kif setgħu jagħmlu paċi man-nies tal-post? Għall-ewwel, is-suldati mit-Tielet Leġjun Agostinjan bnew ħafna kampijiet fortifikati u postijiet tal-għassa fir-reġjun vast muntanjuż taʼ dik li llum hi n-naħa taʼ fuq tal-Alġerija. Iktar tard, bnew il-belt taʼ Timgad, imma għal skop differenti ħafna.

Uffiċjalment, ir-Rumani bnew lil Timgad għal veterani rtirati mix-xogħol, imma fil-verità huma bnew il-belt bil-ħsieb li jdgħajfu r-reżistenza tat-tribujiet lokali. Il-pjan tagħhom irnexxa. L-istil taʼ ħajja komda f’Timgad malajr saret tingħoġob min-nies lokali li marru l-belt biex ibigħu l-prodotti tagħhom. Ħafna nies imweldin fil-pajjiż, bit-tama li jkunu aċċettati f’Timgad, fejn ċittadini Rumani biss tħallew jgħixu, minn jeddhom ingħaqdu mal-Leġjun Ruman għal perijodu taʼ 25 sena biex ikunu jistgħu jkollhom ċittadinanza Rumana għalihom u għal uliedhom subien.

Maż-żmien, xi Afrikani li ma kkuntentawx biss b’li jkollhom ċittadinanza Rumana, saħansitra akkwistaw pożizzjonijiet prominenti f’Timgad jew fi bliet kolonjali oħra. L-iskema sottili tar-Rumani biex jintegraw lin-nies tal-lokal tant irnexxiet li wara nofs seklu biss minn meta Timgad ġiet stabbilita, fil-biċċa l-kbira n-nies li kienu joqogħdu f’din il-belt kienu mill-Afrika taʼ Fuq.

KIF RUMA REBĦET IL-QLUB

Suq b’kolonni eleganti

Ir-Rumani kif irnexxielhom jirbħu l-qlub tan-nies indiġeni daqshekk malajr? Raġuni waħda hi  li huma kienu favur l-ugwaljanza fost iċ-ċittadini—prinċipju mgħallem mill-politiku Ruman Ċiċerun. L-art tqassmet ugwalment bejn il-veterani Rumani u ċ-ċittadini taʼ oriġini Afrikana. Il-belt kienet mibnija b’reqqa, bi blokkijiet taʼ djar t’20 metru kwadru li kienu separati b’toroq dojoq. Arranġament bħal dan organizzat tajjeb u ndaqs għal kulħadd żgur li ħajjar ħafna lill-abitanti.

Bħal f’ħafna bliet Rumani, l-abitanti setgħu jiltaqgħu fil-forum fi ġranet meta s-suq kien ikun iffollat biex jisimgħu l-aħħar aħbarijiet jew biex jilagħbu għall-flus. Bla dubju, nies li kienu min-naħa tal-muntanji nexfin fil-qrib setgħu jimmaġinaw lilhom infushom mexjin għad-dell tal-loġoġ f’ġurnata sħuna u xotta jew jirrilassaw f’wieħed mill-ħafna banjijiet pubbliċi bla ħlas, waqt li jisimgħu l-ħoss tal-ilma nieżel bil-mod. Probabbilment, setgħu jaraw lilhom infushom bilqiegħda madwar funtani taʼ ilma frisk, ipaċpċu mal-ħbieb. Żgur li dan kollu setaʼ deher bħal ħolma għalihom.

Lapida li fin-naħa taʼ fuq fiha trinità taʼ allat

It-teatru bla saqaf ukoll kien fattur importanti f’li jirbaħ qlub in-nies. Kien jesaʼ iktar minn 3,500 ruħ u kien jilqaʼ fih il-folol storbjużi minn Timgad u l-irħula fil-viċin. Minn fuq il-palk, l-atturi introduċew divertiment skandaluż lill-udjenza, xi ħaġa li kienet tinżel tajjeb mar-Rumani. Dan kien isir permezz taʼ reċti li spiss kien ikun fihom l-immoralità jew il-vjolenza.

Ir-reliġjon Rumana tat sehemha wkoll. L-art u l-ħitan taʼ fejn kien hemm il-banjijiet kienu mżejnin b’mużajk elaborat u kulurit b’xeni mill-mitoloġija pagana. Ladarba parti importanti fil-ħajja taʼ kuljum kienet li jmorru jinħaslu f’dawn il-postijiet, l-abitanti bil-mod il-mod saru familjari mal-allat taʼ Ruma u r-reliġjon tagħha. L-isforz biex l-Afrikani jintegraw ruħhom fil-kultura Rumana tant kien effettiv li l-lapidi spiss kienu jiżżejnu b’tinqix taʼ trinitajiet taʼ allat lokali kif ukoll Rumani mħalltin.

IL-BELT SABIĦA TINTESA GĦALKOLLOX

Wara li l-Imperatur Trajanu beda jibni l-belt fis-sena 100 WK, ir-Rumani inkuraġġew il-produzzjoni tal-qamħ, iż-żejt taż-żebbuġa, u l-inbid madwar l-Afrika taʼ Fuq. Ir-reġjun malajr sar maħżen għal Ruma, u pprovda dawn il-prodotti meħtieġa lill-imperu. Bħal bliet kolonjali oħrajn, Timgad iffjorixxiet taħt il-ħakma Rumana. Maż-żmien, il-popolazzjoni taʼ Timgad kibret, u l-belt estendiet bil-wisq iżjed mis-swar fortifikati tagħha.

In-nies li kienu joqogħdu fil-belt u s-sidien tal-art marru tajjeb bin-negozjar tagħhom maʼ Ruma, iżda ftit li xejn ibbenefikaw il-bdiewa lokali. Fit-tielet seklu WK, l-inġustizzja soċjali u t-taxxi bla rażan taw wisaʼ għal irvellijiet fost il-bdiewa żgħar. Uħud minnhom, li kienu ħaddnu r-reliġjon Kattolika, ingħaqdu mad-Donatisti—grupp li kienu jgħidu li huma Kristjani u li kienu ħaduha kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika.—Ara l-kaxxa “ Id-Donatisti—Ma kinux ‘knisja pura.’

Wara sekli taʼ konflitti reliġjużi, gwerer ċivili, u invażjonijiet mill-barbari, iċ-ċivilizzazzjoni  Rumana tilfet l-influwenza tagħha fl-Afrika taʼ Fuq. Sas-sitt seklu WK, Timgad ġiet meqruda b’nirien minn tribujiet Għarab lokali u maż-żmien intesiet għalkollox għal iktar minn 1,000 sena.

“DIK ĦAJJA!”

Skrizzjoni Latina fil-forum, li tgħid: “Kaċċa, għawm, logħob, daħq—dik ħajja!”

Arkeoloġi li skavaw il-fdalijiet taʼ Timgad tbissmu meta sabu skrizzjoni Latina fil-forum. Din tgħid: “Kaċċa, għawm, logħob, daħq—dik ħajja!” Kittieb tal-istorja Franċiż qal li dan “iwassal filosofija li forsi hi nieqsa mill-ambizzjoni, imma waħda li xi wħud ma jonqsux li jqisuha bħala s-sigriet tal-għerf.”

Attwalment, ir-Rumani kienu ilhom is-snin jagħtuha għal stil taʼ ħajja bħal din. L-appostlu Pawlu, Kristjan tal-ewwel seklu, semma nies li l-filosofija tagħhom għall-ħajja kienet “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” Għalkemm ir-Rumani kienu reliġjużi, huma għexu għall-pjaċir tal-mument, mingħajr ma taw kas it-tifsir veru u l-iskop tal-ħajja. Pawlu wissa lil sħabu Kristjani biex jgħassu kontra nies bħal dawn meta qal: “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:32, 33.

Għalkemm in-nies taʼ Timgad għexu xi 1,500 sena ilu, il-ħarsa lejn il-ħajja ma nbidlitx wisq. Ħafna nies illum jgħixu għall-preżent biss. Għalihom, il-ħajja kif kienu jqisuha r-Rumani tagħmel sens perfett, ikunu xi jkunu l-konsegwenzi. Madankollu, il-Bibbja tolqot il-musmar fuq rasu meta tgħid: “Ix-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel.” B’hekk tħeġġiġna biex ‘ma nużawhiex bis-sħiħ.’—1 Korintin 7:31.

Il-fdalijiet taʼ Timgad huma xhieda għall-fatt li s-sigriet għal ħajja ferħana u bi skop ma qigħedx f’li wieħed jagħti kas il-kitba li kienet ilha mirduma fir-ramel tal-Afrika taʼ Fuq. Pjuttost, qiegħed f’li nagħtu kas it-tfakkira mill-Bibbja: “Id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:17.