Għala nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla?

Is-​Saltna t’Alla hi gvern fis-​sema. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu jitolbu biex din tiġi għax se tirrestawra s-​sewwa u l-​paċi fuq l-​art. Ebda gvern uman ma jistaʼ jelimina għalkollox il-​vjolenza, l-​inġustizzja, jew il-​mard, imma s-​Saltna t’Alla tistaʼ u se tagħmlu dan. Alla għażel lil Ibnu, Ġesù, biex ikun is-​Sultan tas-​Saltna. Ġeħova għażel ukoll grupp taʼ segwaċi taʼ Ġesù biex ikunu mexxejja bi sħab maʼ Ġesù fis-​Saltna.—Aqra Luqa 11:2; 22:28-​30.

Dalwaqt, is-​Saltna t’Alla se tneħħi lil dawk kollha li jopponu t-​tmexxija t’Alla. Mela t-​talba biex tiġi s-​Saltna t’Alla hi waħda biex il-​gvern t’Alla jieħu post il-​gvernijiet umani kollha.—Aqra Danjel 7:13, 14; Rivelazzjoni 11:15, 18.

Is-​Saltna t’Alla għala se tkun taʼ ġid għall-​bnedmin?

Ġesù hu Sultan ideali għax jagħder. Bħala Iben Alla, għandu wkoll il-​qawwa biex jipprovdi l-​għajnuna għal dawk kollha li jitolbu bil-​qalb biex Alla jgħinhom.—Aqra Salm 72:8, 12-​14.

Is-​Saltna t’Alla se tkun taʼ ġid għal dawk kollha li b’sinċerità jitolbu biex tiġi u lil dawk li jġibu ħajjithom fi qbil mar-​rieda t’Alla. Qatt mhu se jiddispjaċik li titgħallem x’tgħid il-​Bibbja dwar is-​Saltna t’Alla.—Aqra Luqa 18:16, 17; Ġwanni 4:23.