Miljuni taʼ nies madwar id-​dinja jemmnu li s-​Saltna t’Alla hi r-​raġuni għala jistaʼ jkollhom tama għall-​futur. Huma jsegwu l-​eżempju li ħalla Ġesù, li għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.”—Mattew 6:10, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

Filwaqt li ħafna nies huma interessati ħafna fis-​Saltna t’Alla, ħafna reliġjonijiet jidher li ftit jagħtu kasha. B’konnessjoni maʼ dan, l-​istorjografu H. G. Wells qal li Ġesù ta prominenza kbira lit-​tagħlim taʼ dik li sejħilha s-​Saltna tas-​sema, madankollu Wells qal li dan it-​tagħlim għandu ftit sinifikat meta mqabbel mat-​tagħlim tal-​biċċa l-​kbira tar-​reliġjonijiet Kristjani.

Għall-​kuntrarju taʼ dawn il-​knejjes, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħtu ħafna importanza lis-​Saltna t’Alla. Ikkunsidra dan: Ir-​rivista ewlenija tagħna li qed taqra int issa hi pubblikata f’220 lingwa. Jiġu stampati kważi 46 miljun kopja taʼ kull ħarġa, u dan jagħmilha l-​iktar rivista mqassma fid-​dinja kollha. U x’inhu l-​messaġġ ewlieni taʼ din ir-​rivista? Innota t-​titlu sħiħ tagħha: It-​Torri tal-​Għassa Jħabbar is-​Saltna taʼ Ġeħova.  *

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għala jagħmlu tant sforz biex iħabbru, jew jirreklamaw, is-​Saltna t’Alla? L-​ewwel nett, nemmnu li s-​Saltna t’Alla hi l-​messaġġ prinċipali tal-​iktar ktieb importanti fid-​dinja—il-​Bibbja. Iżjed minn hekk, aħna konvinti li s-​Saltna t’Alla hi l-​unika soluzzjoni vera għall-​problemi li tħabbat wiċċha magħhom l-​umanità llum.

Meta jiġbdu l-​attenzjoni lejn is-​Saltna t’Alla, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkunu qed jagħmlu ħilithom biex isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. Waqt li kien fuq l-​art, is-​Saltna t’Alla kienet l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja taʼ Ġesù u l-​iktar tema importanti fil-​ministeru tiegħu. (Luqa 4:43) Is-​Saltna għala kienet tfisser daqshekk għal Ġesù? U x’tistaʼ tfisser għalik? Nistidnuk tikkunsidra t-​tweġibiet tal-​Bibbja kif jiġu diskussi fl-​artikli li ġejjin.

^ par. 5 Ġeħova hu l-​isem t’Alla kif muri fil-​Bibbja.