Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

Kont ngħix ħajja egoistika

Kont ngħix ħajja egoistika
  • SENA TAT-​TWELID: 1951

  • POST TAT-​TWELID: IL-​ĠERMANJA

  • PASSAT: ATTITUDNI MKABBRA U INDIPENDENTI

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Għall-​ewwel ftit snin taʼ ħajti, il-​familja tiegħi għexet qrib Leipzig, fil-​Ġermanja tal-​Lvant, mhux ’il bogħod mill-​fruntiera Ċeka u dik Pollakka. Meta kelli sitt snin, minħabba x-​xogħol taʼ missieri konna ngħixu barra l-​pajjiż—l-​ewwel fil-​Brażil u mbagħad fl-​Ekwador.

Taʼ 14-​il sena ntbgħatt ngħix fi skola fil-​Ġermanja. Peress li l-​ġenituri kienu ’l bogħod fl-​Amerika t’Isfel, kelli nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Sirt indipendenti ħafna. Ma kontx inħabbel rasi kif l-​azzjonijiet tiegħi kienu jeffettwaw lil ħaddieħor.

Meta kelli 17-​il sena, il-​ġenituri rritornaw il-​Ġermanja. Għall-​ewwel, kont ngħix taħt is-​saqaf tagħhom. Imma l-​attitudni indipendenti tiegħi għamlithieli impossibbli li nerġaʼ nintegra ruħi fil-​familja. Meta kelli 18-​il sena tlaqt mid-​dar.

Sirt iżjed bla sabar, dejjem infittex skop fil-​ħajja. Wara li kkunsidrajt diversi stili taʼ ħajja u organizzazzjonijiet, ikkonvinċejt ruħi li l-​aħjar ħaġa li stajt nagħmel fil-​ħajja kienet li nesplora din il-​pjaneta mill-​isbaħ qabel ma tinqered mill-​bniedem.

Tlaqt mill-​Ġermanja, xtrajt mutur, u rħejtilha lejn l-​Afrika. F’qasir żmien kelli nirritorna lejn l-​Ewropa biex insewwi l-​mutur. Ftit wara sibt ruħi fuq xatt il-​baħar fil-​Portugall. Iddeċidejt li nħalli l-​mutur warajja u nibda nivvjaġġa bil-​baħar.

Ingħaqadt maʼ grupp taʼ żgħażagħ li kienu qed jippreparaw biex jaqsmu l-​Oċean Atlantiku. Fosthom iltqajt mal-​mara futura tiegħi, Laurie. L-​ewwel baħħarna lejn il-​gżejjer tal-​Karibew. Imbagħad, wara waqfa qasira fi Puerto Rico rritornajna l-​Ewropa. Konna qed nisperaw li nsibu dgħajsa tal-​qlugħ li stajna nikkonvertu f’waħda bil-​mutur u li stajna ngħixu fiha. Imma wara tfittxija qasira taʼ tliet xhur biss, il-​proġett spiċċa ħesrem. Inqbadt bil-​lieva mill-​armata Ġermaniża.

Qattajt 15-​il xahar mal-​flotta Ġermaniża. Matul dak iż-​żmien, jien u Laurie żżewwiġna u ppreparajna biex inkomplu bl-​istil taʼ ħajja tal-​ivvjaġġar. Ftit qabel spiċċajt  mil-​lieva, konna xtrajna qoxra taʼ dgħajsa tas-​salvataġġ. Waqt li kont qiegħed fil-​militar, bil-​mod il-​mod ikkonvertejna l-​qoxra f’dgħajsa tal-​qlugħ żgħira. Konna qed nippjanaw li ngħixu fiha u nibqgħu nesploraw din il-​pjaneta mill-​isbaħ. Kien f’dan il-​punt—wara s-​servizz militari tiegħi imma qabel ma lestejna d-​dgħajsa—li kkuntattjawna x-​Xhieda taʼ Ġeħova u bdejna nistudjaw il-​Bibbja.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Għall-​ewwel ma kontx nara li kelli bżonn wisq tibdil f’ħajti. Kont miżżewweġ lill-​mara li kont qed ngħix magħha, u diġà kont qtajt is-​sigaretti. (Efesin 5:5) Inkwantu għall-​pjanijiet li kellna li nduru d-​dinja, kont naħseb li l-​fatt li niddedikaw ħajjitna f’li nosservaw il-​ħolqien meraviljuż t’Alla żgur li kien sforz taʼ min jagħmlu.

Però, fir-​realtà, kelli bżonn nagħmel tibdil—speċjalment fil-​personalità tiegħi. Peress li kont estremament kburi u indipendenti ħafna, kont medhi għalkollox fl-​abbiltajiet tiegħi stess u f’dak li rnexxieli nagħmel. Kont ngħix ħajja egoistika.

Darba qrajt il-​famuża Prietka taʼ fuq il-​Muntanja taʼ Ġesù. (Mattew, kapitli 5-​7) Għall-​ewwel, ma stajtx nifhem x’kien qed jgħid Ġesù dwar li tkun ferħan. Pereżempju, qal li dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx ikollhom il-​ferħ. (Mattew 5:6) Kont ngħid, “Persuna kif tistaʼ tkun ferħana jekk tkun fil-​bżonn?” Hekk kif komplejt nistudja rrealizzajt li lkoll għandna bżonn spiritwali, imma bl-​umiltà għandna bżonn napprezzaw dak il-​bżonn qabel ma jkun jistaʼ jimtela. Huwa bħalma qal Ġesù: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.

Wara li bdejna l-​istudju tal-​Bibbja fil-​Ġermanja, jien u Laurie morna noqogħdu Franza, u iżjed tard, l-​Italja. Kull fejn morna sibna lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Bqajt impressjonat bil-​kbir bl-​imħabba sinċiera għal xulxin u bl-​unità li għandhom. Rajt li x-​Xhieda verament huma fratellanza globali. (Ġwanni 13:34, 35) Maż-​żmien jien u Laurie tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova.

Wara l-​magħmudija, komplejt nagħmel tibdil fil-​personalità tiegħi. Jien u Laurie ddeċidejna nbaħħru lejn il-​kosta Afrikana u mbagħad qsamna l-​Oċean Atlantiku għall-​Istati Uniti. Kien hemm barra fl-​oċean—it-​tnejn li aħna fuq naqra taʼ dgħajsa mdawrin b’eluf taʼ kilometri t’ilma—li rrealizzajt kemm m’jien xejn meta mqabbel mal-​Ħallieq grandjuż tagħna. Peress li kelli ħafna ħin liberu (ma tantx issib x’tagħmel f’nofs oċean), tajtha għall-​qari tal-​Bibbja. Bqajt impressjonat speċjalment bir-​rakkonti tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art. Kien raġel perfett b’abbiltajiet li kienu bil-​wisq aħjar minn kulma stajt nimmaġina, madankollu qatt ma ġibed l-​attenzjoni lejh innifsu. Ħajtu kienet dwar Missieru tas-​sema u mhux dwaru stess.

Rajt il-​bżonn li npoġġi s-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajti

Hekk kif immeditajt fuq l-​eżempju taʼ Ġesù, rajt il-​bżonn li npoġġi s-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajti iktar milli ndaħħalha fejn stajt madwar id-​diversi affarijiet l-​oħra li ridt nagħmel. (Mattew 6:33) Meta jien u Laurie fl-​aħħar wasalna l-​Istati Uniti, iddeċidejna nissetiljaw hemm u niffokaw fuq il-​qima tagħna.

KIF IBBENEFIKAJT:

L-​istil taʼ ħajja egoistika li kelli qabel kienet iġġib magħha inċertezza kbira. Madankollu, issa sibt sors taʼ għerf biex jiggwidani li ma jiżbaljax. (Isaija 48:17, 18) Ksibt ukoll skop fil-​ħajja li qatt ma kelli qabel—li nqim lil Alla u ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwaru.

Li napplikaw prinċipji Bibliċi għen lili u lil Laurie nsaħħu iżjed iż-​żwieġ tagħna. Ġejna mberkin ukoll b’tifla mill-​isbaħ, li saret taf u tħobb lil Ġeħova.

Dan ma jfissirx li ħajjitna dejjem kienet ward u żahar. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, aħna determinati li qatt ma naqtgħu qalbna jew nieqfu nafdaw fih.—Proverbji 3:5, 6.