Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IMITA L-FIDI TAGĦHOM | ĠUŻEPPI

“Kif nista’ jien nagħmel dan il-ħażen hekk kbir?”

“Kif nista’ jien nagħmel dan il-ħażen hekk kbir?”

ĠUŻEPPI bata biex ħa n-​nifs f’dik l-​arja sħuna hekk kif innota r-​riħa taż-​żahar tal-​ġilju u pjanti oħra tal-​ilma. Kien qed jittieħed minn negozjanti f’karavana, li issa kienu qed jaqsmu l-​art baxxa tal-​bokka tax-​Xmara Nil. Immaġina rġiel mexjin f’linja u jmexxu lill-​iġmla tagħhom tul xmara lejn jerġaʼ raħal Eġizzjan ieħor, kultant jaħsdu xi russett jew xi agrett miexi fl-​ilma, li jitgerrex ’l hemm. Għal darb’oħra Ġużeppi ħaseb f’daru fl-​artijiet għoljin taʼ Ħebron esposti għar-​riħ, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod; iżda issa kien qiegħed f’dinja differenti.

Immaġina x-​xadini jiċċaċċraw u jwerżqu mill-​qċaċet tas-​siġar tat-​tamal u tat-​tin. Dan l-​iċċaċċrar tax-​xadini kien bla tifsir għal Ġużeppi, l-​istess bħalma kien bla tifsir id-​diskors tan-​nies li għadda minn ħdejhom Ġużeppi. Għandu mnejn ipprova jaqbad xi kelma jew frażi ’l hemm u ’l hawn. Forsi kien jaqbillu jitgħallimha l-​lingwa. Sa fejn setaʼ jara hu, qatt ma kien se jerġaʼ jara art twelidu.

Ġużeppi kien ġuvni taʼ xi 17 jew 18-​il sena, madankollu diġà kien ħabbat wiċċu maʼ sfidi li jaqtgħu qalb irġiel ikbar. Ħutu stess, mikulin bl-​għira minħabba li Ġużeppi kien il-​favorit taʼ missierhom, kienu għoddhom qatluh. Minflok, kienu bigħuh lil dawn in-​negozjanti. (Ġenesi 37:2, 5, 18-​28) Issa, wara li vvjaġġaw għal ġimgħat sħaħ, in-​negozjanti aktarx li kienu qed isiru inqas ansjużi hekk kif qorbu lejn il-​belt kbira fejn kienu biħsiebhom idawru lira mill-​bejgħ taʼ Ġużeppi kif ukoll mill-​merkanzija prezzjuża tagħhom. Ġużeppi kif żamm milli jiddispra u jaqtaʼ qalbu għalkollox? U kif nistgħu nżommu l-​isfidi u d-​diżappunti milli jeqirdulna l-​fidi llum? Għandna ħafna x’nitgħallmu minn Ġużeppi.

“ĠEĦOVA KIEN MAʼ ĠUŻEPPI”

“Lil Ġużeppi niżżluh lejn l-​Eġittu, u Eġizzjan jismu Potifar, uffiċjal tal-​palazz tal-​Fargħun, il-​kap tal-​gwardja persunali tiegħu, xtrah minn idejn l-​Ismagħelin li kienu niżżluh hemmhekk.” (Ġenesi 39:1) B’dak il-​ftit kliem, ir-​rakkont Bibliku jgħinna nimmaġinaw l-​umiljazzjoni taʼ raġel żagħżugħ hekk kif inbiegħ għal darb’oħra. Hu kien sempliċement proprjetà! Nistgħu nimmaġinaw lil Ġużeppi għaddej minn toroq iffollati tal-​belt miżgħudin bis-​swieq wara s-​sid il-​ġdid tiegħu, uffiċjal tal-​palazz Eġizzjan, huma u sejrin lejn id-​dar il-​ġdida taʼ Ġużeppi.

Id-​dar! Din xejn ma kellha x’taqsam maʼ dik li Ġużeppi kien isejħilha dar. Hu kien trabba f’familja nomada li kienu jgħixu fit-​tined u li spiss iċċaqalqu minn post għal ieħor u ħadu ħsieb l-​imrieħel tan-​nagħaġ tagħhom. Hawn, Eġizzjani għonja bħal Potifar kienu jgħixu fi djar eleganti, miżbugħin b’kuluri jgħajtu. L-​arkeoloġi jgħidu li l-​Eġizzjani tal-​qedem kienu dilettanti taʼ ġonna mħaddrin u mdawrin b’ħitan. Kien fihom siġar biex jagħmlu d-​dell u għadajjar biex ikabbru l-​papiru, il-​ġilji, u pjanti oħra tal-​ilma. Xi djar kienu maqtugħin għalihom ġol-​ġonna, b’verandi biex titgawda ż-​żiffa, twieqi għoljin għall-​ventilazzjoni, u ħafna kmamar, inkluż kamra tal-​ikel kbira u kmamar għall-​qaddejja.

 Kien Ġużeppi impressjonat iżżejjed b’lussu bħal dan? Aktarx li dan ma kienx il-​każ. Pjuttost ħass kemm kien verament waħdu. L-​Eġizzjani kienu barranin għalih kemm fil-​lingwa, fl-​ilbies, fil-​maxta tax-​xagħar—u iżjed u iżjed fir-​reliġjon. Kienu jqimu varjetà li tħawdek taʼ allat, ipprattikaw l-​okkult u l-​arti maġika, u kienu tant jaffaxxinaw ruħhom bil-​mewt u l-​ħajja wara l-​mewt. Però ħaġa waħda żammet lil Ġużeppi milli jinfena bis-​solitudni. Ir-​rakkont Bibliku jgħidilna: “Ġeħova kien maʼ Ġużeppi.” (Ġenesi 39:2) Bla dubju Ġużeppi ferraʼ qalbu maʼ Alla tiegħu. Il-​Bibbja tgħid li “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu.” (Salm 145:18) Ġużeppi b’liema mod ieħor resaq qrib Alla tiegħu?

Ir-​raġel żagħżugħ irrifjuta li jċedi għad-​disprament, u għamel l-​aħjar li setaʼ fix-​xogħol li ngħata. B’hekk, Ġeħova kellu ħafna xi jbierek, u fi ftit żmien Ġużeppi kiseb l-​approvazzjoni tas-​sid il-​ġdid tiegħu. Potifar ra li l-​qaddej żagħżugħ tiegħu kien qed jitbierek minn Ġeħova, l-​Alla tal-​poplu taʼ Ġużeppi, u barkiet bħal dawn bla dubju ġabu prosperità lid-​dar tal-​Eġizzjan. Bil-​mod il-​mod Potifar beda jistmah iżjed u iżjed lil Ġużeppi sakemm fada kollox f’idejn dan ir-​raġel żagħżugħ kapaċi.—Ġenesi 39:3-​6.

Ġużeppi ħalla eżempju vitali għaż-​żgħażagħ li jaqdu lil Alla llum. Pereżempju, meta jkunu l-​iskola, kultant jistgħu jsibu ruħhom f’ambjent li jħossuh stramb u barrani, dinja ossessjonata bl-​okkult u ffokata fuq ħarsa negattiva u bla tama lejn il-​ħajja. Jekk int qiegħed f’dik is-​sitwazzjoni, ftakar li Ġeħova ma nbidilx. (Ġakbu 1:17) Hu għadu jagħti prova li jkun maʼ dawk kollha li jibqgħu leali lejh u li jfittxu li jaħdmu iebes biex b’hekk jogħġbu lilu. Hu jberikhom bil-​kbir, u se jagħmel l-​istess lilek.

Sadanittant, jgħidilna r-​rakkont, Ġużeppi kien qed jimmatura. Mhux talli sar raġel, imma talli dan iż-​żagħżugħ kien “sar sabiħ fis-​sura u sabiħ fid-​dehra.” Dan il-​kliem jagħti x’tifhem li l-​periklu kien fil-​qrib, għax l-​għotja tas-​sbuħija fiżika spiss iġġib attenzjoni mhux mixtieqa u mhux xierqa.

Mart Potifar innotat liż-żagħżugħ leali Ġużeppi

MA LAQAX L-​AVVANZI TAGĦHA

Ġużeppi kien japprezzaha l-​lealtà; madankollu mart Potifar ma kinitx. Naqraw: “Mart sidu xeħtet għajnejha fuq Ġużeppi u kienet tgħidlu: ‘Imtedd miegħi.’” (Ġenesi 39:7) Kien Ġużeppi ttantat li jċedi għall-​avvanzi kuraġġużi taʼ din il-​mara pagana? Il-​Bibbja ma tagħtina ebda raġuni biex nassumu li Ġużeppi ma kienx suġġett għax-​xewqat u  l-​ġibdiet komuni għal irġiel żgħażagħ, jew li din il-​mara, mara mfissda taʼ uffiċjal tal-​palazz għani u influwenti, ma kinitx taʼ min jixtieqha fiżikament. Kien Ġużeppi se jirraġuna li sidu qatt ma kien se jkun jaf? Kien se jiġi ttantat bil-​ħsieb tal-​vantaġġi materjali li relazzjoni immorali bħal din setgħet toffri?

Fir-​realtà, ma nistgħux inkunu nafu kull ma għadda minn moħħ Ġużeppi. Imma għandna indikazzjoni ċara taʼ dak li kien f’qalbu. Dan jidher sew fit-​tweġiba tiegħu: “Ara! Sidi ma jrid jaf b’xejn mingħandi dwar x’hawn fid-​dar, u kulma għandu rħieh f’idejja. M’hemmx min hu akbar minni f’din id-​dar, u ma ċaħħadni assolutament minn xejn ħlief minnek, għax int martu. Allura, kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” (Ġenesi 39:8, 9) Immaġina lil dan ir-​raġel żagħżugħ jgħid dan il-​kliem bl-​ikbar sinċerità. Il-​ħsieb dwar id-​dnub li riditu jwettaq saħansitra weġġgħu. Għala?

Bħalma qal Ġużeppi, sidu fdah. Potifar kien ħalla daru kollha f’idejn Ġużeppi, u ma żamm xejn lura minnu minbarra lil martu. Kif setaʼ Ġużeppi jittradixxi dik il-​fiduċja? Hu stmerr dan il-​ħsieb. Imma kellu stmerrija jerġaʼ ikbar: il-​ħsieb li attwalment jidneb kontra Alla tiegħu, Ġeħova. Ġużeppi kien tgħallem ħafna mill-​ġenituri dwar il-​ħarsa t’Alla lejn iż-​żwieġ u l-​lealtà. Ġeħova għaqqad l-​ewwel żwieġ u qal eżatt x’ried. Ir-​raġel u l-​mara kellhom jingħaqdu flimkien u jsiru “ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Dawk li pprovaw jheddu din l-​għaqda ssograw iġibu fuqhom id-​diżapprovazzjoni t’Alla. Pereżempju, l-​irġiel li kienu għoddhom każbru lil mart Abraham, li kienet il-​bużnanna taʼ Ġużeppi, u lil mart Iżakk, in-​nanna taʼ Ġużeppi, kienu fil-​periklu li jidħlu fl-​inkwiet. (Ġenesi 20:1-​3; 26:7-​11) Ġużeppi kien tgħallimha sew dik il-​lezzjoni, u kien determinat li jgħix fi qbil magħha.

Lil mart Potifar m’għoġobha xejn dak li semgħet. Dan is-​sempliċi skjav ma laqax l-​avvanzi tagħha, u attwalment irrefera għall-​offerta tagħha bħala “ħażen hekk kbir”! Minkejja dan, ippersistiet. Forsi l-​vanità u l-​kburija tagħha ġew effettwati, u dan taha d-​determinazzjoni biex tbiddel il-​le taʼ Ġużeppi f’iva. B’hekk ħasbitha bħal Satana, li ttanta lil Ġesù. L-​attentat taʼ Satana falla wkoll, u minflok ma qataʼ qalbu, Satana sempliċement stenna għal “ħin konvenjenti ieħor.” (Luqa 4:13) Għalhekk nies leali jeħtieġ li jkunu determinati u sodi. U Ġużeppi hekk għamel. Għalkemm din is-​sitwazzjoni kompliet “jum wara l-​ieħor,” hu ma kienx se jibdel fehmtu. Naqraw: “Qatt ma semaʼ minnha.” (Ġenesi 39:10) Mart Potifar, madankollu kienet seduttriċi determinata.

Hi għażlet ħin meta l-​qaddejja kollha kienu barra mid-​dar. Kienet taf li Ġużeppi kien se jkollu jidħol ġewwa biex jaħdem. Meta daħal, ipprovat tonsbu. Qabditu minn ħwejġu u talbitu għall-​aħħar darba: “Imtedd miegħi!” Ġużeppi rreaġixxa mill-​ewwel. Ħarab mill-​qabda soda tagħha u nġibed lura—imma hi baqgħet iżżomm l-​ilbies tiegħu. Hu żgiċċalha u ħalla ħwejġu f’idejha. U mbagħad ħarab!—Ġenesi 39:11, 12.

Għandu mnejn niftakru fil-​parir ispirat tal-​appostlu Pawlu: “Aħarbu miż-​żína.” (1 Korintin 6:18) X’eżempju ħalla Ġużeppi għall-​Kristjani veri kollha! Jistaʼ jkun li nsibu ruħna naħdmu fil-​qrib maʼ wħud li m’għandhom l-​ebda rispett għal-​liġijiet morali t’Alla, imma dan ma jfissirx li għandna nċedu għal influwenzi ħżiena. Akkost taʼ kollox, għandna naħarbu.

Fil-​każ taʼ Ġużeppi, swielu qares. Mart Potifar riedet tpattihielu. Infexxet twerżaq u sejħet lill-​qaddejja l-​oħra biex jidħlu d-​dar. Qalet li Ġużeppi kien ipprova jistupraha u li kien ħarab meta werżqet. Hi baqgħet iżżomm l-​ilbies tiegħu li kienet se tuża bħala prova kontrih u stenniet lil żewġha jirritorna. Meta Potifar wasal id-​dar, hi qaltlu l-​istess gidba u sostniet li kien kollu t-​tort taʼ żewġha talli ġab lil dan il-​barrani f’darhom. Kif irreaġixxa Potifar? Naqraw: “Ir-​rabja tiegħu xegħlet”! Qabad u tefgħu l-​ħabs.—Ġenesi 39:13-​20.

“BL-​IRBIT WEĠĠGĦULU SAQAJH”

Ftit nafu dwar kif kienu l-​ħabsijiet Eġizzjani taʼ dak iż-​żmien. L-​arkeoloġi sabu fdalijiet taʼ postijiet bħal dawn—strutturi kbar qishom fortizzi, b’ċelel fuq u taħt l-​art. Ġużeppi iktar tard iddeskriva l-​post bħala “l-​ħofra,” li ġġiblek f’moħħok post mudlam u bla tama. (Ġenesi 40:15)  Mill-​ktieb tas-​Salmi nitgħallmu li Ġużeppi għadda minn iżjed torturi: ‘Bl-​irbit weġġgħulu saqajh, kien marbut bil-​ħadid.’ (Salm 105:17, 18) Kultant l-​Eġizzjani rabtu dirgħajn il-​priġunieri wara daharhom minn minkbejhom; oħrajn kellhom kullari tal-​ħadid maʼ għonqhom. Min jaf kemm sofra u ġie maltrattat Ġużeppi—meta ma kien għamel xejn li jistħoqqlu dan kollu!

Iktar minn hekk, dan ma ġarax għal perijodu qasir. Ir-​rakkont jgħid li Ġużeppi “baqaʼ hemmhekk fil-​ħabs.” Qattaʼ s-​snin f’dak il-​post mistmerr! * U Ġużeppi ma kienx jaf jekk qattx kien se jiġi liberat. Hekk kif dawk l-​ewwel ftit jiem terribbli saru ġimgħat, imbagħad xhur, kif żamm milli jaqtaʼ qalbu u jiddispra?

Ir-​rakkont jagħtina din it-​tweġiba rassiguranti: “Ġeħova baqaʼ jkun maʼ Ġużeppi u baqaʼ jurih il-​qalb tajba bl-​imħabba.” (Ġenesi 39:21) L-​ebda ħajt taʼ ħabs, l-​ebda rbit, l-​ebda ċella mudlama taħt l-​art ma tistaʼ żżomm il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova milli tilħaq lill-​qaddejja tiegħu. (Rumani 8:38, 39) Nistgħu nimmaġinawh lil Ġużeppi, iferraʼ l-​agunija taʼ qalbu fit-​talb lill-​għażiż Missieru tas-​sema u mbagħad jikseb dik il-​paċi u l-​kalma li jistaʼ jagħti “l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3, 4; Filippin 4:6, 7) Ġeħova x’għamel iżjed għal Ġużeppi? Naqraw li Ġużeppi baqaʼ “jsib il-​ħniena f’għajnejn l-​uffiċjal ewlieni tal-​ħabs.”

Milli jidher, il-​priġunieri kienu jingħataw ix-​xogħol x’jagħmlu, u għal darb’oħra Ġużeppi ta lil Ġeħova xi ħaġa xi jbierek. Ġużeppi ħadem iebes u rsista fix-​xogħol kollu li ngħatalu, u ħalla l-​bqija f’idejn Ġeħova. Bil-​barka taʼ Ġeħova, Ġużeppi kiseb il-​fiduċja u r-​rispett, eżatt bħalma kiseb f’dar Potifar. Naqraw: “Għalhekk, l-​uffiċjal ewlieni tal-​ħabs ħalla f’idejn Ġużeppi l-​priġunieri kollha li kienu l-​ħabs; u kulma kienu qed jagħmlu hemmhekk, hu kien li ordnalhom biex jagħmluh. L-​uffiċjal ewlieni tal-​ħabs ma kien qed jieħu ħsieb assolutament xejn li kien fdat f’idejh [Ġużeppi], għax Ġeħova kien maʼ Ġużeppi, u f’dak li kien jagħmel, Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi.” (Ġenesi 39:22, 23) Kemm tfarraġ Ġużeppi li kien jaf li Ġeħova kien qed jieħu ħsiebu!

Ġużeppi ħadem iebes fil-ħabs, u Ġeħova bierku

Jistgħu jinqalgħu l-​għawġ u l-​problemi fil-​ħajja tagħna, saħansitra xi inġustizzji kefrin, imma nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​fidi taʼ Ġużeppi. Jekk nibqgħu qrib Ġeħova fit-​talb, nibqgħu leali lejn il-​kmandi tiegħu, u naħdmu iebes f’dak li hu tajjeb f’għajnejh, aħna nagħtuh xi ħaġa xi jbierek. Fil-​każ taʼ Ġużeppi, Ġeħova kellu jerġaʼ barkiet ikbar preparati għalih, bħalma se naraw f’artikli fil-​futur taʼ din is-​serje.

^ par. 23 Il-​Bibbja tindika li Ġużeppi kellu madwar 17 jew 18-​il sena meta daħal f’dar Potifar u li dam hemm sakemm sar raġel żagħżugħ—forsi għal ftit snin. Kellu 30 sena meta nħeles mill-​ħabs.—Ġenesi 37:2; 39:6; 41:46.