Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Ħajja premjanti ta’ servizz lil Alla

Ħajja premjanti ta’ servizz lil Alla

Minn mindu kont żgħir, minbarra li kont nistħi, iffaċċjajt preġudizzju razzjali, u kelli l-biżaʼ li ma nirnexxix. Peress li ħsibt li nistaʼ nsib faraġ fil-Bibbja, mort il-Knisja Kattolika tar-raħal tiegħi biex nifhimha. Minħabba li ma rċivejt l-ebda għajnuna, bdejt niffoka fuq l-isports.

Ma domtx ma bdejt ninvolvi ruħi fil-ġinnastika u l-bodybuilding. Maż-żmien, ftaħt gym f’San Leonardo, Kalifornja, l-Istati Uniti tal-Amerika, u ħdimt maʼ diversi bodybuilders, inkluż wieħed li rebaħ it-titlu taʼ Mr America. Minkejja li kelli ġisem mibni u mmuskolat, xorta waħda ħassejt li kelli xi ħaġa nieqsa f’ħajti.

IT-TFITTXIJA TIEGĦI TAT IL-FROTT

Peress li ħabib tiegħi li kien jiġi l-gym kien jaf li xtaqt nifhem il-Bibbja, ried ilaqqagħni maʼ xi ħadd li kien jaf. L-għada filgħodu, ġie għandi wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għal erbaʼ sigħat sħaħ wieġeb il-mistoqsijiet tiegħi mill-Bibbja stess. Staqsejtu biex jerġaʼ jiġi dik il-lejla stess. Ġie u ddiskutejna l-Bibbja sa nofsillejl. Veru ħadt pjaċir b’dak li tgħallimt u staqsejtu jekk l-għada nistax immur miegħu fil-ministeru biex nara x’jagħmel. Bqajt mistagħġeb bil-mod kif kien jiftaħ il-Bibbja u juri lin-nies it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom. Iddeċidejt li dan kien dak li xtaqt nagħmel!

Għalhekk, neħħejt il-gym u qattajt il-ġranet fil-ministeru maʼ dan il-pijunier, kif jissejħu l-pubblikaturi full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Tgħammidt f’Mejju 1948 f’konvenzjoni li saret fil-Cow Palace Arena, San Francisco, Kalifornja. Iktar tard dik is-sena, bdejt naqdi bħala pijunier.

Sadanittant, staqsejt lix-Xhieda biex iżuru ’l ommi. Hi kienet lesta li tismaʼ u ma damitx ma saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Minkejja l-oppożizzjoni li ffaċċjat mill-familja tagħha, baqgħet leali lejn Alla sa ma mietet ħafna snin wara. Ħadd iktar mill-familja tagħna ma sar Xhud.

NILTAQAʼ MAL-MARA FUTURA TIEGĦI

Fl-1950 mort noqgħod Grand Junction, Colorado, fejn iltqajt maʼ Billie. Hi twieldet fl-1928 u trabbiet matul id-Dipressjoni l-Kbira—meta l-prezzijiet fil-borża Amerikana waqgħu f’daqqa. Kull filgħaxija, ommha Minnie kienet toqgħod taqralha l-Bibbja fid-dawl inemnem tal-lampa tal-pitrolju. Sakemm kellha erbaʼ snin, Billie kienet diġà taf taqra u taf ħafna stejjer tal-Bibbja bl-amment. Lejn l-aħħar tas-snin 40, fl-istudju tagħha max-Xhieda, ommha tgħallmet li d-duttrina tan-nar tal-infern hi falza. (Ekkleżjasti 9:5, 10) Minnie u r-raġel tagħha saru Xhieda.

Billie studjat fil-kulleġġ taʼ Boston u meta spiċċat mill-iskola, fl-1949, bdiet tistudja l-Bibbja bis-serjetà. Minflok ma saret għalliema tal-iskola, iddeċidiet li tiddedika ħajjitha lil Alla. Tgħammdet fl-1950 fil-konvenzjoni internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Yankee Stadium, New York. Ftit taʼ żmien wara, sirna nafu lil xulxin, imbagħad iżżewwiġna  u flimkien bdejna naqdu fil-ministeru full-time.

Bdejna naqdu f’Eugene, l-istat taʼ Oregon, u għamilna ħafna ħbieb li għadhom ħbieb tagħna sal-lum il-ġurnata. Fl-1953 morna naqdu fi Grants Pass, Oregon, biex ngħinu kongregazzjoni żgħira. Iktar tard dik is-sena, ġejna mistidnin biex nattendu t-23 klassi taʼ Gilegħad, l-iskola tax-Xhieda li tħarreġ il-missjunarji, li qiegħda ħdejn South Lansing, fi New York, xi 400 kilometru fil-Majjistral tal-belt taʼ New York.

XOGĦOL MISSJUNARJU FIL-BRAŻIL

F’Diċembru 1954, ħames xhur wara li ggradwajna minn Gilegħad, jien u Billie rħejnielha lejn il-Brażil b’ajruplan b’żewġ skrejjen. Wara siegħa fl-ajru, magna minnhom waqfet taħdem, imma nżilna qawwijin u sħaħ Bermuda. Wara nżul t’emerġenza ieħor f’Kuba u vjaġġ taʼ 36 siegħa li ħadilna saħħitna, wasalna l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Rio de Janeiro, il-Brażil.

L-ewwel Sala tas-Saltna f’Bauru—post mikri b’tabella li ktibt jien stess, fl-1955

Wara waqfa qasira, jien u Billie, flimkien maʼ żewġ missjunarji oħra, morna Bauro, São Paulo. Il-belt kellha popolazzjoni taʼ iktar minn 50,000 ruħ. Hemmhekk, aħna konna l-ewwel Xhieda.

Bdejna mmorru għand in-nies, imma l-qassis Kattoliku tal-belt mill-ewwel beda jagħmlilna l-bsaten fir-roti. Beda jsegwina u jwissi lin-nies biex ma jagħtux kasna. Imma fi ftit ġimgħat, membri taʼ familja kbira li studjajna magħhom aċċettaw il-verità tal-Bibbja u iktar tard tgħammdu. U f’kemm ilna ngħidu, oħrajn bdew jistudjaw ukoll.

Din il-familja kellha qarib li kien il-president taʼ klabb famuż. Għalhekk, għamilt ftehim miegħu biex l-assemblea ssir fil-klabb. Meta l-qassis tal-belt insista biex din ma ssirx, il-president iltaqaʼ mal-membri tal-klabb u qalilhom li jekk jaqblu mal-qassis hu kien se jirriżenja! L-assemblea ġiet approvata.

Is-sena taʼ wara, fl-1956, ġejna mistidnin biex nattendu l-konvenzjoni f’Santos, São Paulo. Kważi 40 Xhud mill-kongregazzjoni tagħna marru hemm bit-trejn. Meta wasalna lura Bauru, sibt ittra tistennieni li kienet tgħid li ġejt inkarigat biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa biex inżur il-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Brażil. Dan kien il-bidu taʼ karriera taʼ 25 sena, fejn dorna ħafna mill-inħawi taʼ dan il-pajjiż enormi.

F’sena waħda biss, kellna grupp żeluż taʼ pubblikaturi tas-Saltna f’Bauru

KIF KIEN IL-MINISTERU?

Dak iż-żmien, l-ivvjaġġar kien diffiċli. Eventwalment, koprejna kważi l-pajjiż kollu bil-karozza tal-linja, bit-trejn, bil-karru, bir-rota, u bil-mixi. Waħda mill-ewwel bliet li żorna kienet Jaú, São Paulo. Hemmhekk, il-qassis beda jħaqqaqha magħna.

Hu sostna: “Ma tistgħux tippritkaw lin-‘nagħaġ tiegħi!ʼ”

“Mhumiex tiegħek,” aħna wiġibnieh. “Dawk t’Alla.”

Ftehemna biex nuru film dwar ix-xogħol tal-ippritkar tagħna taʼ madwar id-dinja, bl-isem The New World Society in Action, imma l-qassis ġabar marmalja biex tattakkana. Informajna mill-ewwel lill-pulizija. Meta l-qassis u l-marmalja tiegħu waslu ħdejn iċ-ċinema, sabu l-pulizija jistennewhom armati b’pistola ppontata lejhom. Minkejja dan, il-ħafna nies li kienu fl-udjenza tgħidx kemm ħadu pjaċir jaraw il-film!

Kważi f’kull post li qdejna fih dak iż-żmien, konna nħabbtu wiċċna mal-istess mibegħda reliġjuża u oppożizzjoni. Pereżempju, f’Brusque,  ħdejn Blumenau, Santa Catarina, iltqajna maʼ żewġ pijunieri li kienu qed jaqdu hemm minkejja l-oppożizzjoni ħarxa li kienu qed jiffaċċjaw. Imma l-perseveranza u s-sabar tagħhom issarrfulhom f’barkiet kbar. Issa, iktar minn 50 sena wara, hemm iktar minn 60 kongregazzjoni li sejrin ’il quddiem f’dak ir-reġjun u għandhom ukoll Sala tal-Assemblea mill-isbaħ fil-belt viċin taʼ Itajaí!

Xi ħaġa li laqtitna fix-xogħol tagħna tal-ivvjaġġar kienet iż-żmien mill-isbaħ li qattajna naħdmu maʼ sħabna x-Xhieda biex nippreparaw għall-konvenzjonijiet kbar. Bejn l-1975 u l-1977, kelli l-privileġġ li naqdi bħala l-indokratur tal-konvenzjoni fl-istejdjum il-kbir taʼ Morumbi.

Darba fost l-oħrajn, sar avviż f’madwar 100 kongregazzjoni fl-inħawi tal-viċin biex kull waħda tibgħat 10 persuni ħalli jnaddfu l-istejdjum il-lejl taʼ qabel il-konvenzjoni. Hekk kif il-plejers telqu mill-istejdjum dak il-lejl, xi wħud minnhom bdew iwaqqgħu għaċ-ċajt lil dawk li kienu qed inaddfu. Madankollu, sa nofsillejl l-istejdjum kien pinna! Il-maniġer tal-istejdjum qal bi stagħġib: “Kieku l-ħaddiema tiegħi kienu jieħdu ġimgħa sħiħa biex ilestu x-xogħol li għamiltu intom fi ftit sigħat!”

LURA LEJN L-ISTATI UNITI

Fl-1980 miet missieri, u ftit wara morna lura l-Istati Uniti biex nieħdu ħsieb ’l ommi, fi Fremont, Kalifornja. Sibna xogħol inaddfu billejl u komplejna naqdu bħala pijunieri u ngħinu lill-Portugiżi fl-akkwati. Iktar tard, morna noqogħdu San Joaquin Valley, li ma kienx ’il bogħod minn ommi, u hemm fittixna lill-uħud li jitkellmu bil-Portugiż fl-inħawi vasti minn Sacramento sa Bakersfield. Issa hemm madwar 10 kongregazzjonijiet li jitkellmu bil-Portugiż f’Kalifornja.

Wara li mietet ommi fl-1995, morna naqdu Florida u ħadna ħsieb lill-missier Billie sa ma miet. Fl-1975 mietet ommha. Fis-sena 2000 morna naqdu f’raħal bi pjanura għolja fid-deżert fil-Lbiċ taʼ Kolorado u qdejna hawnhekk full-time nippritkaw lill-Indjani Amerikani tat-tribujiet taʼ Navajo u Ute fl-akkwati. B’sogħba, Billie mietet fi Frar 2014.

Kemm jien ferħan li 65 sena ilu ltqajt maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova li wieġeb il-mistoqsijiet kollha tiegħi mill-Bibbja stess! Tassew inħossni kuntent li ċċekkjajt biex inkun ċert li dak kollu li qalli, kien dak li l-Bibbja tgħallem verament. Dan għenni biex ikolli ħajja premjanti taʼ servizz lil Alla.