Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-​QARREJJA TAGĦNA JISTAQSU . . .

Min għamel lil Alla?

Min għamel lil Alla?

Ġib quddiem għajnejk missier jitkellem m’ibnu taʼ seba’ snin. Jgħidlu, “Ħafna u ħafna żmien ilu, Alla għamel l-​art u l-​affarijiet kollha taʼ ġo fiha, u għamel ix-​xemx, il-​qamar, u l-​istilel.” It-​tifel jaħseb dwar dan għal ftit mumenti u mbagħad jistaqsi, “Papà, min għamel lil Alla?”

“Lil Alla m’għamlu ħadd,” iwieġeb il-​missier. “Minn dejjem eżista.” Din l-​istqarrija sempliċi tissodisfah għalissa lit-​tifel. Imma hekk kif jikber, il-​mistoqsija tkompli tberren f’moħħu. Isibha diffiċli jifhem kif xi ħadd jistaʼ ma jkollux bidu. Saħansitra l-​univers kellu bidu. Hu jaħseb, ‘Minn fejn ġie Alla?’

Il-​Bibbja kif twieġeb? Essenzjalment, bl-​istess mod li għamel il-​missier fl-​eżempju li semmejna. Mosè kiteb: “O Ġeħova, . . . qabel ma twieldu l-​muntanji, jew ġibt l-​art, kif ukoll l-​art produttiva, . . . minn dejjem għal dejjem int Alla.” (Salm 90:1, 2) L-​istess qal il-​profeta Isaija: “Ma tafx jew ma smajtx? Ġeħova, il-​Ħallieq taʼ truf l-​art, huwa Alla għal dejjem”! (Isaija 40:28) Ukoll, l-​ittra taʼ Ġuda tirreferi għal Alla bħala li jeżisti “għall-​eternità kollha li għaddiet.”—Ġuda 25.

Dawn l-​iskritturi juruna li Alla hu “s-​Sultan taʼ l-​eternità,” bħalma jiddeskrivih l-​appostlu Pawlu. (1 Timotju 1:17) Dan ifisser li Alla dejjem eżista, immorru kemm immorru lura fiż-​żmien. U dejjem se jeżisti fil-​futur. (Rivelazzjoni 1:8) B’hekk, l-​eżistenza eterna tiegħu hi kwalità fundamentali taʼ Dak li Jistaʼ Kollox.

Għala nsibuha diffiċli nifhmuha din l-​idea? Għax il-​ħajja qasira tagħna tagħtina ħarsa totalment differenti tal-​ħin minn dik taʼ Ġeħova. Peress li Alla hu etern, għalih elf sena huma bħal jum. (2 Pietru 3:8) Biex inġibu eżempju: Jistaʼ ġurat, li l-​ħajja taʼ adult tiegħu hi biss taʼ 50 jum, jifhem it-​tul tal-​ħajja taʼ 70 jew 80 sena tagħna? Ma tantx! Madankollu, il-​Bibbja tispjega li aħna bħall-​ġurati meta mqabblin mal-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Anke l-​abbiltà tagħna li nirraġunaw tiċċekken ħdejn tiegħu. (Isaija 40:22; 55:8, 9) Għalhekk ma niħduhiex bi kbira li hemm aspetti dwar in-​natura taʼ Ġeħova li l-​bnedmin ma jistgħux jifhmu għalkollox.

Għalkemm il-​konċett t’Alla etern jistaʼ jkun diffiċli nifhmuh, nistgħu naraw li dan jagħmel sens. Kieku xi ħadd ieħor ħalaq lil Alla, dik il-​persuna kienet tkun il-​Ħallieq. Però, bħalma tispjega l-​Bibbja, Ġeħova huwa dak li ‘ħalaq l-​affarijiet kollha.’ (Rivelazzjoni 4:11) Iktar minn hekk, aħna nafu li xi darba l-​univers ma kienx jeżisti. (Ġenesi 1:1, 2) Minn fejn ġie? L-​ewwel kellu jeżisti l-​Ħallieq tiegħu. Dan eżista wkoll qabel ma kien hemm esseri intelliġenti oħrajn, bħal Ibnu l-​uniġenitu u l-​anġli. (Ġob 38:4, 7; Kolossin 1:15) Jidher ċar, mela, li l-​ewwel eżista hu waħdu. Ma setax jiġi maħluq; xejn m’eżista li setaʼ joħloq lilu.

L-​eżistenza tagħna u dik tal-​univers kollu huma xhieda tal-​eżistenza taʼ Alla etern. Il-​Wieħed li għamel l-​univers vast, il-​Wieħed li stabbilixxa l-​liġijiet li jikkontrollawh, bilfors li dejjem eżista. Hu biss setaʼ ta n-​nifs tal-​ħajja lill-​affarijiet l-​oħra kollha.—Ġob 33:4.