“O Ġeħova, int fittixt fija, u tafni.”—SALM 139:1.

“Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju.”—SALM 139:16

GĦALA HEMM MIN JIDDUBITA: Ħafna nies iħossu li Alla jqis lill-​bnedmin bħala midinbin biss—mhux nodfa u ma jistħoqqilhomx l-​attenzjoni tiegħu. Kendra, li kienet tbati bid-​dipressjoni, ħassitha ħatja ħafna għax ma kinitx tajba biżżejjed biex tilħaq perfettament il-​ħtiġijiet t’Alla. Għalhekk, qalet: “Waqaft nitlob.”

X’TGĦALLEM IL-​KELMA T’ALLA: Ġeħova jara lil hinn mill-​imperfezzjonijiet tiegħek u jifhem min int verament. “Hu jaf tajjeb kif aħna msawrin,” tgħid il-​Bibbja, “u jiftakar li aħna trab.” Iktar minn hekk, ma jaġixxix magħna “skond dnubietna,” imma bi ħniena jaħfrilna meta nindmu.—Salm 103:10, 14.

Ikkunsidra lil David, is-​sultan Iżraeli li ssemma fl-​ewwel artiklu taʼ din is-​serje. F’talb lil Alla, David qal: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-​ktieb tiegħek inkitbu l-​partijiet kollha tiegħi . . . Fittex fija, O Alla, u sir af lil qalbi.” (Salm 139:16, 23) Iva, David kien konvint Ii għalkemm dineb—kultant b’mod gravi—Ġeħova setaʼ jara l-​qalb niedma tiegħu.

Ġeħova jifhmek iktar milli jistaʼ kwalunkwe bniedem. “Il-​bniedem jara dak li jidher f’għajnejh,” tgħid il-​Bibbja, “imma Ġeħova jara l-​qalb.” (1 Samwel 16:7) Alla jaf għala taġixxi bil-​mod li taġixxi—kif l-​eredità, l-​ambjent li fih trabbejt, u l-​personalità tiegħek kollha jsawru l-​bniedem li int. Hu jara u japprezza l-​persuna li int tipprova tkun, minkejja li tiżbalja.

Iżda Alla kif juża l-​fatt li verament jifhem min int tassew biex ifarrġek?