Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA JIĠRU AFFARIJIET ĦŻIENA LIL NIES TAJBIN?

X’se jagħmel Alla dwar il-ħażen

X’se jagħmel Alla dwar il-ħażen

Il-Bibbja tgħidilna ċar x’se jagħmlu Ġeħova u Ibnu, Ġesù Kristu, dwar it-tbatija kkaġunata minn Satana x-Xitan. “Għalhekk intwera l-Iben t’Alla [Ġesù],” tgħid il-Bibbja, “biex ikisser l-għemejjel tax-Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Is-sistema preżenti bbażata fuq ir-regħba, il-mibegħda, u l-għemejjel mill-agħar mhux se tibqaʼ. Dwar “il-ħakkiem taʼ din id-dinja”—Satana x-Xitan—Ġesù jwiegħed li “se jitkeċċa ’l barra.” (Ġwanni 12:31) Mingħajr l-influwenza taʼ Satana, se jkun hawn dinja ġdida ġusta, u l-art se ssir post paċifiku.—2 Pietru 3:13.

Xi ngħidu għal dawk li b’ras iebsa jirrifjutaw li jbiddlu l-imġiba tagħhom u li jinsistu li jagħmlu affarijiet ħżiena? Irrifletti fuq din il-wegħda ċara: “Huma r-retti li se jgħammru fuq l-art, u dawk bla ħtija se jibqgħu fiha. Rigward in-nies mill-agħar, dawn se jitqaċċtu mill-art; u t-tradituri jinqalgħu minnha.” (Proverbji 2:21, 22) L-influwenza tan-nies mill-agħar se tkun spiċċat. Taħt kundizzjonijiet paċifiċi bħal dawn, il-bnedmin ubbidjenti bil-mod il-mod se jinħelsu mill-imperfezzjoni li ntirtet.—Rumani 6:17, 18; 8:21.

Alla kif se jelimina l-ħażen f’dik id-dinja l-ġdida? Mhux se jagħmel dan billi jġib fix-xejn l-għotja tar-rieda ħielsa u jagħmel lill-bnedmin robots. Pjuttost, se jgħallem il-mogħdijiet tiegħu lil bnedmin ubbidjenti u jgħinhom ibiddlu l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħhom taʼ ħsara.

Alla se jneħħi dak kollu li jikkaġuna t-tbatija

X’se jagħmel Alla dwar gwajijiet mhux mistennijin? Hu wiegħed li l-gvern tas-Saltna tiegħu dalwaqt se jieħu l-kontroll tal-art. Is-Sultan maħtur minn Alla taʼ dik is-Saltna hu Ġesù Kristu, li għandu l-qawwa biex ifejjaq lill-morda. (Mattew 14:14) Ġesù għandu wkoll il-qawwa biex jikkontrolla l-forzi tan-natura. (Marku 4:35-41) B’hekk, it-tbatija kkawżata miż-“żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin” se tkun telqet. (Ekkleżjasti 9:11) Taħt it-tmexxija taʼ Kristu, l-ebda gwaj mhu se jolqot lill-umanità.—Proverbji 1:33.

Xi ngħidu għall-miljuni taʼ nies innoċenti li sofrew mewta traġika? Ftit qabel ma rxoxta lill-ħabib tiegħu Lazzru, Ġesù qal: “Jien l-irxoxt u l-ħajja.” (Ġwanni 11:25) Iva, Ġesù għandu l-qawwa li jirxoxta, jew jerġaʼ jqajjem lura għall-ħajja, lil dawk li mietu!

Jekk togħġbok l-idea li tgħix f’dinja fejn affarijiet ħżiena mhux se jiġru lil nies tajbin, għala ma tagħmilhiex mira li titgħallem iżjed dwar l-Alla l-veru u l-iskopijiet tiegħu billi tistudja l-Bibbja? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek jieħdu pjaċir jgħinuk tikseb dan l-għarfien. Nistidnuk mill-qalb biex tikkuntattjahom fl-inħawi tiegħek jew biex tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.