Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tista’ tara lill-Alla li ma jidhirx?

Tista’ tara lill-Alla li ma jidhirx?

“ALLA hu Spirtu,” il-bnedmin ma jistgħux jarawh. (Ġwanni 4:24) Madankollu, il-Bibbja tgħid li xi nies, f’ċertu sens, rawh lil Alla. (Ebrej 11:27) Dan kif inhu possibbli? Tistaʼ verament tarah lill-“Alla li ma jidhirx”?—Kolossin 1:15.

Qabbel is-sitwazzjoni tagħna maʼ dik taʼ xi ħadd agħma mit-twelid. Il-fatt li ma jarax iżommu milli jifhem id-dinja taʼ madwaru totalment? Mhux għalkollox. Bniedem agħma jirċievi l-informazzjoni b’diversi modi li jgħinuh jagħraf lin-nies, l-oġġetti, u l-attivitajiet taʼ madwaru. “Il-vista mhix fl-għajnejn,” qal raġel agħma. “Qiegħda fil-moħħ.”

B’mod simili, għalkemm ma tistax tuża l-għajnejn fiżiċi tiegħek biex tara lil Alla, tistaʼ tuża ‘għajnejn qalbek’ biex tarah. (Efesin 1:18) Ikkunsidra tliet modi kif tistaʼ tagħmel dan.

“JIDHRU ĊAR MILL-ĦOLQIEN TAD-DINJA”

Is-sensi tas-smigħ u l-mess taʼ bniedem agħma spiss ikunu iktar b’saħħithom minn taʼ ħaddieħor, u dawn jużahom biex jagħraf l-affarijiet li ma jistax jara. B’mod simili, tistaʼ tuża s-sensi fiżiċi tiegħek biex teżamina d-dinja taʼ madwarek u tagħraf lill-Alla li ma jidhirx u li ħalaq dan kollu. “Il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu . . . kienu jidhru ċar mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.”—Rumani 1:20.

Pereżempju, aħseb dwar il-globu tagħna. L-Art hi ddisinjata b’mod uniku għalina, mhux biex sempliċement inġaħġħu eżistenza imma biex ingawdu l-ħajja. Aħna nitgħaxxqu meta nħossu żiffa ħelwa, noqogħdu għal għajn ix-xemx, induqu frotta mimlija meraq, jew nisimgħu l-għana li jikkalma tal-għasafar. Ma jurux dawn l-għotjiet kemm il-Ħallieq tagħna jaħseb fina, kemm hu teneru u ġeneruż?

X’tistaʼ titgħallem dwar Alla minn dak li tistaʼ tara fl-univers fiżiku? Ħaġa waħda hi li s-smewwiet juru l-qawwa t’Alla. Evidenza xjentifika reċenti tissuġġerixxi mhux biss li l-univers qed jespandi imma li qed jagħmel dan b’rata li dejjem tiżdied! Meta tħares ’il fuq lejn is-sema billejl, ikkunsidra: X’inhu s-sors tal-enerġija li qed iġġiegħel din l-espansjoni sseħħ u l-aċċelerazzjoni tal-univers? Il-Bibbja tgħidilna li l-Ħallieq għandu “abbundanza t’enerġija attiva.” (Isaija 40:26) Il-ħolqien t’Alla jurina li hu “Dak li Jistaʼ Kollox”—il-Wieħed “sublimi fil-qawwa.”—Ġob 37:23.

DAK “LI SPJEGAH”

Omm żewġ subien li huma neqsin mid-dawl tgħid: “It-taħdit hu wieħed mill-iktar aspetti importanti tat-tagħlim tagħhom. Għidilhom kulma tara u tismaʼ, [u] kun lest li tgħidilhom il-ħin kollu dak li tkun qed tara. Int tkun għajnejhom.” Bl-istess mod, għalkemm “ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien,” Iben Alla, Ġesù, “li qiegħed fi ħdan il-Missier [hu dak] li spjegah.” (Ġwanni 1:18) Peress li hu l-ewwel ħolqien t’Alla u l-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù sar “għajnejna” biex inkunu nistgħu nittawlu fis-smewwiet. Hu l-aqwa sors t’informazzjoni dwar Alla li ma jidhirx.

Innota ftit mill-affarijiet li Ġesù, li qattaʼ snin kbar bla għadd maʼ Missieru, spjega dwar Alla:

  • Alla jaħdem bla waqfien. “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa.”—Ġwanni 5:17.

  • Alla jaf il-bżonnijiet tagħna. “Missierkom jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh.”—Mattew 6:8.

  •  B’qalb tajba, Alla jipprovdi għalina. “Missierkom li hu fis-smewwiet, . . . itellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.”—Mattew 5:45.

  • Alla japprezzana individwalment. “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.”—Mattew 10:29-31.

BNIEDEM BI KWALITAJIET BĦAL T’ALLA LI MA JIDHIRX

Nies għomja spiss jifhmu konċetti b’modi li huma differenti minn taʼ nies li jaraw. Bniedem agħma għandu mnejn jinduna bid-dell għax il-post ikun frisk u għall-kenn mis-sħana tax-xemx, u mhux għax il-post ikun mudlam u mingħajr id-dawl tax-xemx. Bħalma bniedem agħma għalkollox ma jistax jara d-dell jew id-dawl tax-xemx, aħna ma nistgħux nifhmu lil Ġeħova waħedna. Għalhekk, Ġeħova pprovda bniedem li wera perfettament l-istess kwalitajiet u personalità Tiegħu.

Dak il-bniedem kien Ġesù. (Filippin 2:7) Ġesù mhux biss tkellem dwar Missieru, imma wkoll uriena x’tip taʼ persuna hu Alla. Filippu, id-dixxiplu taʼ Ġesù, staqsa: “Mulej, urina l-Missier.” Ġesù wieġbu: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.” (Ġwanni 14:8, 9) X’tistaʼ “tara” int dwar il-Missier mill-azzjonijiet taʼ Ġesù?

Ġesù kien dħuli, umli, u avviċinabbli. (Mattew 11:28-30) Il-personalità rifreskanti tiegħu ġibdet lin-nies lejh. Ġesù ħass l-uġigħ li ħassew oħrajn u feraħ magħhom. (Luqa 10:17, 21; Ġwanni 11:32-35) Hekk kif tismaʼ jew taqra rakkonti Bibliċi dwar Ġesù, uża s-sensi tiegħek u ħalli l-ġrajjiet jieħdu l-ħajja f’moħħok. Jekk timmedita fuq kif Ġesù aġixxa man-nies, se tkun tistaʼ tara iktar ċar il-personalità meraviljuża t’Alla u tinġibed Lejh.

GĦAQQAD IL-BIĊĊIET FLIMKIEN

Meta kiteb dwar kif bniedem agħma jesperjenza d-dinja, awtur wieħed qal li dan “jirċievi l-informazzjoni biċċa biċċa, minn diversi sorsi (mill-mess, mix-xamm, mis-smigħ, u nibqgħu sejrin), u b’xi mod irid jgħaqqad flimkien din l-informazzjoni.” Bl-istess mod, hekk kif tosserva x-xogħlijiet kreattivi t’Alla, taqra dak li qal Ġesù dwar Missieru, u tanalizza kif Ġesù wera l-kwalitajiet t’Alla, toħroġlok stampa mill-isbaħ taʼ Ġeħova. Hu se jsir iżjed reali għalik.

Ġob, li għex fi żminijiet il-qedem, kellu proprju dik l-istess esperjenza. Għall-ewwel, hu tkellem ‘imma ma kienx qed jifhem.’ (Ġob 42:3) Imma wara li kkunsidra bir-reqqa l-meravilji tal-ħolqien t’Alla, Ġob tqanqal jgħid: “B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.”—Ġob 42:5.

‘Jekk tfittex lil Ġeħova, iħallik issibu’

L-istess jistaʼ jiġri lilek. “Jekk tfittxu [lil Ġeħova], iħallik issibu.” (1 Kronaki 28:9) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jgħinuk tfittex u ssib lill-Alla li ma jidhirx.