Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA JIĠRU AFFARIJIET ĦŻIENA LIL NIES TAJBIN?

Affarijiet ħżiena jiġru lil nies tajbin—Għala?

Affarijiet ħżiena jiġru lil nies tajbin—Għala?

Ladarba Alla Ġeħova * hu l-Ħallieq taʼ kollox u jistaʼ kollox, ħafna nies jistaʼ jkollhom it-tendenza li jżommuh responsabbli għal kulma jiġri fid-dinja, inkluż dak kollu li hu ħażin. Madankollu, ikkunsidra x’tgħid il-Bibbja dwar l-Alla l-veru:

  • “Ġeħova hu ġust fi triqatu kollha.”—Salm 145:17.

  • “Triqatu [t’Alla] kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; ġust u rett hu.”—Dewteronomju 32:4.

  • “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.”—Ġakbu 5:11.

Alla ma jġegħelx li jsiru affarijiet ħżiena. Imma jxewwex hu lil oħrajn jagħmlu affarijiet vili? Lanqas xejn. “Meta jkun għaddej minn prova,” tgħid l-Iskrittura, “ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed jgħaddini minn prova.’” Għala? “Għax Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (Ġakbu 1:13) Alla ma jittestja jew jgħaddi lil ħadd minn prova billi jqanqlu jagħmel il-ħażen. Alla la jġiegħel li jiġru affarijiet ħżiena u lanqas ma jqanqal lil ħadd biex jagħmel il-ħażen. Mela hemm xi ħaġa jew xi ħadd li jaħti meta jiġru affarijiet ħżiena?

TKUN FIL-POST ĦAŻIN FIL-ĦIN ĦAŻIN

Il-Bibbja tidentifika raġuni waħda għala n-nies ibatu meta tgħid: “Iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Meta jiġru ġrajjiet jew inċidenti mhux mistennijin, jekk xi ħadd ikunx effettwat jew le jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq fejn ikun meta jseħħu. Kważi 2,000 sena ilu, Ġesù Kristu tkellem dwar diżastru li kien jinvolvi 18-il ruħ li mietu meta waqaʼ torri fuqhom. (Luqa 13:1-5) Ma kinux vittmi minħabba l-mod kif għexu ħajjithom; sempliċement kienu taħt it-torri meta inzerta waqaʼ. Iktar reċenti, terremot devastanti laqat lill-Ħaiti f’Jannar tal-2010; il-gvern Ħaitjan jgħid li ntilfu ’l fuq minn 300,000 ruħ. Dawk in-nies kollha mietu irrispettivament min kienu l-individwi. Il-mard ukoll jistaʼ jolqot lil kulħadd fi kwalunkwe żmien.

Alla għala ma jipproteġix lil nies tajbin mill-ħsara?

Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: ‘Ma jistax Alla jipprevieni inċidenti fatali bħal dawn milli jsiru? Ma jistax jipproteġi lil nies tajbin mill-ħsara?’ Biex Alla jintervieni b’dan il-mod, ikun ifisser li hu jaf dwar affarijiet ħżiena qabel ma jiġru. Filwaqt li Alla ċertament għandu l-abbiltà jkun jaf il-futur, il-mistoqsija li għandna nikkunsidraw hi din: Jagħżel Alla li juża l-qawwa tiegħu bla limitu biex ikun jaf bil-quddiem affarijiet bħal dawn?—Isaija 42:9.

L-Iskrittura tgħid: “Alla . . . hu fis-smewwiet; kulma għoġbu jagħmel għamlu.” (Salm 115:3) Ġeħova jagħmel dak li hu jqisu neċessarju li  jagħmel—mhux kulma hu kapaċi jagħmel. Dan japplika wkoll għal dak li jiddeċiedi li jara minn qabel. Pereżempju, wara li l-ħażen kien mifrux ħafna fil-bliet taʼ Sodoma u Gomorra tal-qedem, Alla qal lill-patrijarka Abraham: “Ninsab determinat li ninżel nara jekk hux qed jaġixxu għalkollox skond l-għajta li waslet għandi, u, jekk le, inkun naf.” (Ġenesi 18:20, 21) Għal xi żmien, Ġeħova għażel li ma jkunx jaf kemm kien hemm ħażen f’dawk il-bliet. Bl-istess mod mela, Ġeħova jistaʼ jagħżel li ma jkunx jaf kollox minn qabel. (Ġenesi 22:12) Dan bl-ebda mod ma jindika xi imperfezzjoni jew dgħufija min-naħa tiegħu. Ladarba “perfett għemilu,” l-abbiltà t’Alla li jkun jaf il-futur hija bbilanċjata mal-iskop tiegħu; hu qatt ma jġiegħel lin-nies isegwu ċerta korsa. * (Dewteronomju 32:4) Mela, x’nistgħu nikkonkludu? Sempliċement dan: Alla jkun selettiv u diskret meta jagħżel li jkun jaf xi ħaġa bil-quddiem.

HUMA RESPONSABBLI L-BNEDMIN?

Parti mit-tort għall-ħażen hu tal-bniedem. Innota kif il-Bibbja tiddeskrivi l-proċess li jwassal għal atti taʼ ħsara: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub; u meta d-dnub jitwettaq, iġib il-mewt.” (Ġakbu 1:14, 15) Meta xi ħadd jaġixxi fuq xewqat mhux xierqa jew iċedi għal xenqiet ħżiena, żgur li jbati konsegwenzi koroh. (Rumani 7:21-23) Bħalma turi l-istorja, il-bnedmin ikkommettew atti orribbli u kkaġunaw tbatija liema bħalha. Iktar minn hekk, nies ħżiena jistgħu jinfluwenzaw oħrajn biex isiru korrotti bħalhom, u b’hekk il-ħażen ikompli.—Proverbji 1:10-16.

Il-bnedmin ikkommettew atti orribbli u kkaġunaw tbatija liema bħalha

Għandu jintervieni Alla u jwaqqaf lin-nies milli jagħmlu affarijiet ħżiena? Ikkunsidra kif inhu magħmul il-bniedem. L-Iskrittura tgħid li Alla ħalaq lill-bniedem fix-xbieha tiegħu stess, jiġifieri, fix-xbieha t’Alla. B’hekk il-bnedmin għandhom l-abbiltà jirriflettu l-kwalitajiet t’Alla. (Ġenesi 1:26) Il-bnedmin ingħataw l-għotja tar-rieda ħielsa u jistgħu jagħżlu li jħobbu lil Alla u jibqgħu leali lejh billi jagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejh. (Dewteronomju 30:19, 20) Li kieku Alla jġiegħel lin-nies jaqbdu ċerta korsa, ma jkunx qed iġib fix-xejn l-għotja tar-rieda ħielsa? Kieku, il-bnedmin jiġu qishom magni, jagħmlu eżattament dak li kienu pprogrammati li jagħmlu! L-istess jistaʼ jingħad li kieku d-destin, jew Kismet, jiddetta x’nagħmlu u kulma jiġrilna. Kemm nistgħu nkunu ferħanin li Alla jtina d-dinjità billi jħallina nagħżlu kif ngħixu! Però, dan ma jfissirx li l-ħsara li ġiet minħabba żbalji umani u għażliet ħżiena se jifnu lill-umanità għal dejjem.

 HI L-KARMA KAĠUN TAT-TBATIJA?

Li kieku kellek tistaqsi lil xi ħadd minn sfond Ħindu jew Buddist il-mistoqsija fuq il-qoxra taʼ din ir-rivista, x’aktarx kont tieħu din ir-risposta: “Affarijiet ħżiena jiġru lil nies tajbin minħabba l-liġi tal-Karma. Qed jaħsdu l-frott taʼ dak li għamlu fil-ħajja li kellhom qabel.” *

Dwar it-tagħlim tal-Karma, ikun t’għajnuna jekk tinnota x’tgħid il-Bibbja dwar il-mewt. Fil-ġnien tal-Għeden, minn fejn oriġinaw il-bnedmin, il-Ħallieq qal lil Adam, l-ewwel raġel: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Li kieku Adam obda lil Alla u ma dinibx, hu kien jgħix għal dejjem. Il-mewt ġiet bħala kastig għad-diżubbidjenza lejn il-kmand t’Alla. Imbagħad, meta twieldu l-ulied, “il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha.” (Rumani 5:12) B’hekk, tistaʼ tgħid li “l-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt.” (Rumani 6:23) Il-Bibbja tispjega wkoll: “Min miet inħeles mid-dnub.” (Rumani 6:7) Fi kliem ieħor, in-nies ma jibqgħux ipattu għal dnubiethom wara l-mewt.

Miljuni taʼ nies illum jispjegaw li l-problema tat-tbatija tal-bniedem tinvolvi l-Karma. Dawk li jemmnu fiha ġeneralment jaċċettaw it-tbatijiet li jgħaddu minnhom kif ukoll dawk t’oħrajn mingħajr ma jinkwetaw iżżejjed minħabba fihom. Imma jibqaʼ l-fatt li dan il-konċett ma jagħti l-ebda tama li l-affarijiet ħżiena mhux se jibqgħu jseħħu. Hu maħsub li l-uniku serħan li individwu jkollu hu l-ħelsien miċ-ċikli tat-twelid mill-ġdid li jirriżulta minn imġiba aċċettata soċjalment u għarfien speċjali. M’għandniex xi ngħidu dawn l-ideat huma differenti ħafna minn dak li tgħid il-Bibbja. *

IL-KAĠUN PRINĊIPALI!

Madankollu, il-kaġun prinċipali tal-ħażen mhuwiex il-bniedem. Satana x-Xitan, oriġinarjament anġlu leali t’Alla, “ma żammx sħiħ fil-verità” u ġab id-dnub fid-dinja. (Ġwanni 8:44) Hu xewwex ribelljoni fil-ġnien tal-Għeden. (Ġenesi 3:1-5) Ġesù Kristu sejjaħlu “l-Ħażin” u “l-ħakkiem tad-dinja.” (Mattew 6:13; Ġwanni 14:30) L-umanità inġenerali ssegwi lil Satana billi tismaʼ t-tħeġġiġ tiegħu f’li tinjora l-mogħdijiet tajbin taʼ Ġeħova. (1 Ġwanni 2:15, 16) “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin,” jgħid l-1 Ġwanni 5:19. Hemm ħlejjaq spirti oħrajn li saru mill-agħar u ngħaqdu maʼ Satana. Il-Bibbja turi li Satana u d-demonji tiegħu qegħdin ‘iqarrqu bl-art abitata kollha,’ u jikkaġunaw “gwaj għall-art.” (Rivelazzjoni 12:9, 12) Għalhekk, it-tort prinċipali għall-ħażen għandu jingħata lil Satana x-Xitan.

Jidher ċar li Alla mhuwiex responsabbli għall-affarijiet ħżiena li jiġru lin-nies; lanqas ma jġiegħel lil dawn isofru. Għall-kuntrarju, hu wiegħed li jelimina l-ħażen, bħalma se juri l-artiklu li ġej.

^ par. 3 Ġeħova hu isem Alla kif muri fil-Bibbja.

^ par. 11 Biex issir taf għala Alla jħalli l-ħażen għaddej, ara kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 16 Biex issir taf dwar l-oriġini taʼ dik li hi msejħa l-liġi tal-Karma, ara paġni 8-12 tal-browxer X’Jiġrilna meta Mmutu? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 18 Rigward dak li tgħallem il-Bibbja dwar il-kundizzjoni tal-mejtin u t-tama għal dawk li mietu, ara kapitli 6 u 7 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?