X’għamlu l-baħħara tal-qedem biex il-bastimenti tagħhom ma jidħlilhomx ilma?

Lionel Casson, espert fil-bastimenti tal-qedem, jispjega x’kienu jagħmlu l-bennejja tad-dgħajjes fi żmien ir-Rumani wara li jqalftu bejn it-twavel tal-bastimenti tagħhom. Kien komuni li “jdellku bejn it-twavel jew saħansitra l-bastiment kollu min-naħa taʼ barra biż-żift [qatran] jew żift u xamaʼ, u japplikaw kisja taʼ żift fuq ġewwa.” Ħafna żmien qabel ir-Rumani, l-Akkadin u l-Babiloniżi tal-qedem ukoll użaw il-qatran biex il-bastimenti tagħhom ma jidħlilhomx ilma.

Il-qatran likwidu bħal dan kien abbundanti fl-artijiet tal-Bibbja

L-Iskrittura Ebrajka tirreferi għal teknika simili f’Ġenesi 6:14. Il-kelma bl-Ebrajk hawn tradotta “qatran” milli jidher tirreferi għal żejt mhux raffinat li jinstab fin-natura.

Il-qatran naturali jkun jew likwidu jew solidu. Baħħara tal-qedem użaw dak likwidu; kienu japplikawh direttament fuq il-bastimenti tagħhom. Malli kien jiġi applikat, il-qatran likwidu kien jinxef u jibbies, u b’hekk jifforma kisja biex ma jidħolx ilma.

Il-qatran kien abbundanti fl-artijiet tal-Bibbja. Il-Wied taʼ Siddim, fl-inħawi tal-Baħar il-Mejjet, ‘kien miżgħud bil-ħofor mimlijin bil-qatran.’—Ġenesi 14:10.

X’metodi kien hemm fl-antik biex jiġi ppreservat il-ħut?

Il-ħut ilu sors importanti t’ikel. Ftit mid-dixxipli taʼ Ġesù kienu sajjieda fuq il-Baħar tal-Galilija qabel ma bdew jivvjaġġaw miegħu. (Mattew 4:18-22) Parti mill-ħut li kien jinqabad minn hemm kien jiġi pproċessat f’“fabbriki” fil-viċin.

It-teknika li aktarx kienet tintuża biex jiġi ppreservat il-ħut fil-Galilija fl-antik għadha tintuża f’xi nħawi. L-ewwel kienu jnaddfu l-ħut mill-imsaren u jaħsluh bl-ilma. Il-ktieb Studies in Ancient Technology jiddeskrivi l-passi segwenti: “Imbagħad kienu jogħrku l-melħ oħxon fil-garġi, fil-ħalq, u fil-qxur. Kienu jagħmlu saff melħ fuq saff ħut, wieħed fuq l-ieħor, u jgħattuhom b’tapit magħmul mill-weraq tal-palm minsuġ. Wara li jħallu dan il-munzell joqgħod minn tlett sa ħamest ijiem, kienu jdawruh taʼ taħt fuq u jerġgħu jħalluh joqgħod għall-istess perijodu taʼ żmien. Matul dan it-tnixxif, il-fluwidi kienu joħorġu u fl-istess ħin il-melħ jippenetra fil-ħut. Wara dan it-tnixxif kien jibbies.”

Mhux magħruf kemm kien iżomm il-ħut meta kien jiġi ppreservat b’din il-manjiera. Però, il-fatt li l-Eġizzjani tal-qedem kienu jesportaw ħut imnixxef lejn is-Sirja jindika li dawn il-metodi ħadmu tajjeb mhux ħażin.