Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA JIĠRU AFFARIJIET ĦŻIENA LIL NIES TAJBIN?

Miżgħudin bil-ħażen!

Miżgħudin bil-ħażen!

Smita, * mara taʼ 35 sena f’Dhaka, il-Bangladexx, kellha r-reputazzjoni li kienet mara li turi l-imħabba u li jimpurtaha minn ħaddieħor. In-nies kienu jafuha bħala mara żagħżugħa miżżewġa bieżla u ferħana li riedet tgħin lil ħaddieħor isir jaf dak li kienet tgħallmet dwar Alla. Kemm kienu xxokkjati tal-familja u ħbiebha meta ħabta u sabta Smita qabditha marda li ħaditilha ħajjitha f’inqas minn ġimgħa!

James u martu, koppja żagħżugħa li għandhom fuq it-30 sena, kellhom reputazzjoni simili għal dik taʼ Smita. Darba fir-rebbiegħa, marru jżuru lil ħbiebhom fil-Kosta tal-Punent tal-Istati Uniti. Qatt ma reġgħu lura darhom fi New York. Meta kienu hemm, kienu involuti f’inċident fatali tat-traffiku, u ħallew vojt kbir fil-ħajja taʼ familthom u sħabhom tax-xogħol.

M’hemmx għalfejn tfittex wisq biex tara li aħna miżgħudin bil-ħażen u bit-tbatija. Il-gwerer joqtlu nies pajżana kif ukoll suldati. Nies innoċenti huma vittmi tal-kriminalità u l-vjolenza. Il-mard qerried u l-inċidenti fatali jiġru lil kulħadd, għandu kemm għandu żmien u hi x’inhi l-qagħda tiegħu fil-ħajja. Id-diżastri naturali jikinsu komunitajiet sħaħ bla distinzjoni. Il-preġudizzju u l-inġustizzja ssibhom kullimkien. Forsi int stess kont vittma xi darba.

Hu naturali li tistaqsi mistoqsijiet bħal dawn:

  • Affarijiet ħżiena għala jiġru lil nies tajbin?

  • Hu t-tort t’Alla li jiġru dawn l-affarijiet?

  • Id-diżastri jseħħu bl-addoċċ jew huma tort tal-bnedmin?

  • Tistaʼ tkun il-Karma, jiġifieri, ir-riżultat tal-azzjonijiet taʼ xi ħadd f’ħajja oħra fil-passat, il-kaġun tat-tbatija personali?

  • Jekk hemm Alla li jistaʼ kollox, għala ma jipproteġix nies tajbin mill-ħażen?

  • Il-ħajja qatt se tkun ħielsa mill-ħażen u t-tbatija?

Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, irridu nifhmu t-tweġiba għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet bażiċi: Wara kollox, affarijiet ħżiena għalfejn jiġru, u Alla x’se jagħmel?

^ par. 3 L-ismijiet ġew mibdulin.