Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’tama hemm għall-antenati tiegħi?

X’tama hemm għall-antenati tiegħi?

XI ŻMIEN ilu kien hemm titlu interessanti f’gazzetta Koreana jisimha The Chosun Ilbo. It-titlu qajjem il-mistoqsija: “‘L-għażiża Shim Cheong,’ Li ma kienet taf xejn dwar Ġesù—Spiċċat l-infern?”

Dan qajjem reazzjoni qawwija għax Shim Cheong hi żagħżugħa maħbuba fi ħrafa Koreana li tissagrifika ħajjitha biex tgħin lil missierha li hu agħmi. Matul is-snin, in-nies faħħruha ħafna lil din it-tfajla. Infatti, fil-Korea, Shim Cheong saret titqies bħala l-eżempju taʼ bint devota.

Ħafna nies jaħsbu li hu inġust, anki offensiv, li persuna bħal din tiġi kkastigata fin-nar tal-infern sempliċement għax ma kinitx Kristjana mgħammda. Wara kollox, jingħad li din l-istorja seħħet ħafna qabel ma n-nies fir-raħal tagħha saru jafu dwar il-Kristu.

Fl-artiklu kien hemm ukoll intervista maʼ qassis. Hu ġie mistoqsi jekk dawk li mietu qabel ma kellhom opportunità jitgħallmu dwar Ġesù kinux ilkoll ikkundannati għan-nar tal-infern. X’kienet ir-risposta tiegħu? ‘Ma nafux. Nassumu li Alla żgur se jgħin lil dawn l-uħud b’xi mod jew ieħor.’

ĦTIEĠA GĦAS-SALVAZZJONI

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li l-magħmudija tindika “twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, twelid li mingħajru ‘ħadd ma jista’ jidħol fis-saltna taʼ Alla (Ġw 3,5).’” Minħabba f’hekk, xi wħud jemmnu li dawk li mietu qabel ma tgħammdu jiġu mixħutin fin-nar tal-infern jew ibatu b’xi mod ieħor wara l-mewt.

Iżda hemm ħafna oħrajn li jaħsbu li dan it-twemmin ma jagħmilx sens. Miljuni taʼ nies mietu mingħajr ma kienu jafu x’tgħid il-Bibbja. Ħaqqhom dawn turment etern? X’tgħid il-Bibbja dwar dan?

IT-TAMA MWIEGĦDA FIL-BIBBJA

Il-Bibbja turi b’mod ċar li Alla ma jinjorax lil dawk li għexu mingħajr ma kienu jafu x’inhuma l-ħtiġijiet tiegħu. Atti 17:30 jassigurana: “Alla għalaq għajnejh għal żminijiet taʼ injoranza bħal din.” Allura liema tama toffri l-Bibbja lil dawk li mietu qabel ma kellhom opportunità jitgħallmu dwar Alla?

It-tweġiba nistgħu nsibuha f’dak li Ġesù qal lil wieħed mill-kriminali li mietu maġenbu. Ir-raġel qal lil Ġesù: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.” Ġesù kif wieġbu? “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-Ġenna miegħi.”—Luqa 23:39-43.

Kien Ġesù qed iwiegħed li r-raġel kien se jmur fis-sema? Le. Ir-raġel ma kienx ‘twieled mill-ġdid’ mill-ilma u l-ispirtu, li hi ħtieġa biex dak li jkun jidħol fis-Saltna tas-smewwiet. (Ġwanni 3:3-6) Minflok, Ġesù kien qed iwiegħed lill-kriminal li kien se jerġaʼ jgħix, f’Ġenna tal-art. Peress li kien Lhudi, ir-raġel x’aktarx li kien midħla tal-Ġenna tal-art—il-ġnien tal-Għeden—deskritta fl-ewwel ktieb tal-Bibbja. (Ġenesi 2:8) Il-wegħda taʼ Ġesù tagħtu t-tama ċerta taʼ rxoxt meta l-art terġaʼ ssir Ġenna.

Infatti, il-Bibbja twiegħed “irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) “Dawk li m’humiex sewwa” huma dawk l-uħud li m’għexux fi qbil mal-livelli ġusti t’Alla għax ma kinux jafu bir-rieda tiegħu. Ġesù se jirxoxta lil dak il-kriminal mhux sewwa, kif ukoll lil miljuni, forsi biljuni, t’oħrajn li mietu fl-injoranza. Imbagħad, fl-art magħmula Ġenna, se jiġu mgħallmin il-ħtiġijiet t’Alla, u se jkollhom l-opportunità juru li jħobbu lil Alla billi jobdu l-kmandamenti tiegħu.

 META DAWK LI MHUMIEX SEWWA JIĠU RXOXTATI

Meta dawk li mhumiex sewwa jiġu rxoxtati, se jiġu huma ġudikati fuq dak li għamlu fil-passat? Le. Rumani 6:7 jgħid: “Min miet inħeles mid-dnub.” Dawk li mhumiex sewwa se jkunu pattew għal dnubhom bil-mewt tagħhom. B’hekk, se jiġu ġudikati fuq dak li jagħmlu wara l-irxoxt tagħhom, mhux fuq dak li għamlu fl-injoranza qabel ma mietu. Kif se jibbenefikaw minn dan?

Wara l-irxoxt, dawk li mhumiex sewwa se jkollhom opportunità jitgħallmu l-liġijiet t’Alla, li se jiġu rivelati meta jinfetħu r-rombli simboliċi. Imbagħad se jiġu ġudikati “skond l-għemejjel tagħhom,” jiġifieri, skont jekk jobdu l-liġijiet t’Alla jew le. (Rivelazzjoni 20:12, 13) Għal ħafna minn dawk li mhumiex sewwa, dan mhux se jkun it-tieni ċans, imma l-ewwel opportunità tagħhom biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem fuq l-art billi jitgħallmu x’inhi r-rieda t’Alla u jagħmluha.

Dan it-tagħlim Bibliku għen lil ħafna jerġgħu jibnu l-fidi f’Alla. Yeong Sug kienet waħda minnhom. Hi trabbiet bħala Kattolika devota. Membri tal-familja tagħha kienu qassisin. Hi xtaqet issir soru, u għalhekk daħlet f’kunvent, imma iktar tard telqet għax ħassitha diżappuntata b’dak li rat hemmhekk. Barra minn hekk, ma setgħetx taċċetta t-tagħlim tan-nar tal-infern għax ħasset li ma tkunx ħaġa ġusta jew taʼ mħabba li n-nies jiġu ttorturati.

Imbagħad, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova wriet lil Yeong Sug dan il-kliem mill-Bibbja: “Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn, u lanqas jieħdu iktar ħlas.” (Ekkleżjasti 9:5) Ix-Xhud għenitha tirrealizza li l-antenati tagħha ma kinux qed jiġu tturmentati fin-nar tal-infern. Minflok, huma reqdin fil-mewt, jistennew irxoxt.

Peress li kienet taf li ħafna nies qatt ma semgħu l-verità mill-Bibbja, Yeong Sug ħadet il-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 24:14 bis-serjetà: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” Hi issa tieħu sehem fl-ippritkar tal-aħbar tajba u taqsam it-tama meraviljuża tagħha mill-Bibbja m’oħrajn.

“ALLA MHUX PARZJALI”

Il-Bibbja tgħidilna: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Din hi l-ġustizzja perfetta li lkoll kemm aħna nistgħu nistennew mingħand Alla, li “jħobb is-sewwa u l-ġustizzja.”—Salm 33:5.