IT-TURISTI qabadhom il-ġuħ. Dawra mas-siti storiċi tal-belt antika taʼ Betlehem fetħitilhom l-aptit sew, u riedu jipprovaw xi ħaġa tal-post. Wieħed minnhom lemaħ restorant iservi l-falafel—ċiċri mitħuna, tadam, basal, u ħxejjex oħra b’togħma tajba servuti fil-ħobż pitta. Din l-ikla ħafifa delizzjuża tathom l-enerġija mill-ġdid biex ikomplu t-tur tagħhom.

Bla ma kienu jafu, dik l-ikla taʼ pitta sempliċi aktarx kienet l-iktar esperjenza storika li kellhom dakinhar dawk il-viżitaturi. L-isem Betlehem ifisser “Dar il-ħobż,” u l-ħobż ilu jinħema f’dawk l-inħawi għal eluf taʼ snin. (Rut 1:22; 2:14) Illum, il-pitta hi ħobż tipiku taʼ Betlehem.

Kważi erbat elef sena ilu, mhux wisq ’l isfel minn Betlehem, mart Abraham, Sara, għamlet “ftajjar” moħmijin friski biex titmaʼ lil tliet viżitaturi mhux mistennijin. (Ġenesi 18:6) Id-“dqiq fin” li użat Sara setaʼ kien magħmul mill-qamħ imsejjaħ emmer jew mix-xgħir. Sara kellha tipprepara dan il-ħobż malajr u aktarx ħmiet l-għaġina fuq ġebel jaħraq.—1 Slaten 19:6.

Il-familja t’Abraham ippreparat u ħmiet il-ħobż tagħha stess, bħalma jindika dan ir-rakkont. L-istil taʼ ħajja nomada kien ifisser li Sara u l-qaddejja tagħha aktarx li ma setgħux jaħmu l-ħobż fil-fran bħal dawk użati normalment f’Ur, il-post fejn kienet tgħix qabel Sara. Hi ppreparat dqiq fin minn qamħ lokali. Din kienet tkun biċċa xogħol iebsa magħmula bl-użu taʼ mitħna tal-idejn żgħira u aktarx b’mehrież u lida.

Erbaʼ sekli wara, il-Liġi Mosajka stipulat li mitħna tal-idejn ma setgħetx tittieħed bħala rahan fuq self, ladarba kienet tkun il-“mezz t’għajxien” taʼ dak li jkun. (Dewteronomju 24:6, nota taʼ taħt.) Mitħna tal-idejn kienet titqies bħala vitali minn Alla għax mingħajrha familja ma setgħetx tagħmel il-ħobż taʼ kuljum.—Ara l-kaxxa “It-tħin u l-ħami taʼ kuljum fi żminijiet Bibliċi.

ĦOBŻ BIEX ISOSTNI QALB IL-BNIEDEM MORTALI

L-Iskrittura tirreferi għall-ħobż xi 350 darba, u l-kittieba tal-Bibbja spiss użaw il-ħobż biex jirreferu għall-ikel. Ġesù wera li dawk li jaqdu lil Alla jistgħu b’fiduċja jitolbu: “Agħtina llum ħobżna għal dan il-jum.” (Mattew 6:11) Hawn, il-“ħobż” ifisser l-ikel inġenerali, u Ġesù b’hekk juri li nistgħu niddependu minn Alla biex jipprovdilna l-għajxien taʼ kuljum.—Salm 37:25.

Però, hemm xi ħaġa iktar importanti mill-ħobż, jew l-ikel. “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova,” qal Ġesù. (Mattew 4:4) L-istqarrija tiegħu rreferiet għal żmien meta l-Iżraelin kienu jiddependu totalment minn dak li pprovdielhom Alla. Dan beda mhux wisq wara li telqu mill-Eġittu. Kien għadda xi xahar mindu daħlu fid-Deżert tas-Sinaj, u l-ħażniet tal-ikel tagħhom kienu għoddhom spiċċaw. Imbeżżgħin li setgħu jmutu bil-ġuħ f’dak ix-xagħri niexef, bi stmerrija huma gergru: “Konna nieklu ħobż sakemm nixbgħu” fl-Eġittu.—Eżodu 16:1-3.

Bla dubju, il-ħobż fl-Eġittu kien tajjeb. Fi żmien Mosè, furnara professjonali offrew lill-Eġizzjani varjetà abbundanti taʼ ħobż u kejkijiet. Imma Ġeħova ma kellu ebda intenzjoni jħalli lill-poplu tiegħu mingħajr ħobż. “Se nibagħtilkom xita taʼ  ħobż mis-smewwiet,” wegħedhom hu. Bħalma bassar, dan il-ħobż mis-smewwiet deher kmieni l-għada filgħodu, “xi ħaġa fina li titfarrak” li kienet tidher qisha nida jew ġlata. “Din x’inhi?” staqsew l-Iżraelin l-ewwel darba li rawha. “Dan hu l-ħobż li Ġeħova takom bħala ikel,” spjega Mosè. Huma sejħulha manna, * u dan il-ħobż sostniehom għall-40 sena taʼ wara.—Eżodu 16:4, 13-15, 31.

Għall-ewwel, il-manna mirakoluża bilfors li impressjonat lill-Iżraelin. Kellha togħma taʼ “ftajjar bl-għasel,” u kien hemm biżżejjed għal kulħadd. (Eżodu 16:18, 31) Iżda maż-żmien, bdew jimmissjaw il-varjetà t’ikel li kienu jieklu fl-Eġittu. “Għajnejna ma jarawx ħlief il-manna,” kienu gergru. (Numri 11:6) Iktar tard, b’rabja qalu: “Ruħna xebgħet mill-ħobż taʼ min jistmerru.” (Numri 21:5) Fl-aħħar, il-“ħobż mis-sema” sar bla togħma u mistmerr minnhom.—Salm 105:40.

ĦOBŻ IL-ĦAJJA

Jidher ċar li l-ħobż, bħal ħafna affarijiet oħra faċilment jistaʼ ma jkunx apprezzat. Imma l-Bibbja tirreferi għal tip taʼ ħobż speċjali ħafna li m’għandux jiġi mmaqdar. Dan il-ħobż, li Ġesù qabblu mal-manna li l-Iżraelin b’manjieri taʼ xejn kienu ċaħdu, setaʼ joffri benefiċċji dejjiema.

“Jien il-ħobż tal-ħajja,” qal Ġesù lis-semmiegħa tiegħu. “Missirijietkom kielu l-manna fix-xagħri u xorta mietu. Dan hu l-ħobż li jinżel mis-sema, sabiex kulmin jiekol minnu ma jmutx. Jien il-ħobż ħaj li niżel mis-sema; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem; u, fil-fatt, il-ħobż li se nagħti hu laħmi għall-ħajja tad-dinja.”—Ġwanni 6:48-51.

 Ħafna mis-semmiegħa taʼ Ġesù ma fehmux l-użu figurattiv tal-kliem “ħobż” u “laħmi.” Iżda, it-tixbiha kienet xierqa. Il-ħobż letterali tema lil-Lhud kuljum, bħalma l-manna kienet temgħet lill-Iżraelin għal 40 sena fix-xagħri. Għalkemm il-manna kienet għotja mingħand Alla, ma tatx ħajja taʼ dejjem. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù, mill-banda l-oħra, joffri proprju premju bħal dan lil dawk li jeżerċitaw il-fidi fih. Hu verament “il-ħobż tal-ħajja.”

Meta jkollok il-ġuħ, forsi tieħu xi biċċa ħobż. U għandu mnejn ukoll tirringrazzja lil Alla għall-“ħobżna taʼ kuljum.” (Mattew 6:11, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Filwaqt li napprezzaw provvediment b’togħma tajba, jalla qatt ma ninsew il-valur tal-“ħobż tal-ħajja,” Ġesù Kristu.

Għall-kuntrarju tal-Iżraelin bla gratitudni taʼ żmien Mosè, kif nistgħu nuru li għandna apprezzament għal dan il-ħobż taʼ valur kbir? “Jekk tħobbuni, tosservaw il-kmandamenti tiegħi,” Ġesù qal. (Ġwanni 14:15) Jekk nosservaw il-kmandamenti taʼ Ġesù, ikollna l-prospett li nieklu l-ħobż sakemm nixbgħu għal dejjem.—Dewteronomju 12:7

^ par. 10 Il-kelma “manna” probabbilment ġejja mill-espressjoni bl-Ebrajk “man hu’?” li tfisser “x’inhu?”