Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tliet persuni għatxana għall-verità fis-seklu 16—X’sabu?

Tliet persuni għatxana għall-verità fis-seklu 16—X’sabu?

“X’INHI l-verità?” Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman tal-Lhudija fl-ewwel seklu, saqsa din il-mistoqsija lil Ġesù, li kien għaddej ġuri quddiem il-gvernatur. (Ġwanni 18:38) Ovvjament, Pilatu mhux veru kien għatxan għall-verità. Anzi, il-mistoqsija tiegħu kixfet l-attitudni xettika tiegħu. Milli jidher, Pilatu kien jaħseb li l-verità kienet dak li jiddeċiedi l-individwu jew dak li jiġi mgħallem li hu sew; li ħadd ma jistaʼ jgħid fiċ-ċert x’inhi l-verità. Ħafna nies illum hekk jaħsbu.

Nies Ewropej li kienu jmorru l-knisja fis-seklu 16 (1500-1599) iffaċċjaw dilemma dwar x’kienet tassew il-verità. Kienu trabbew bit-twemmin li l-papa kien suprem u twemmin ieħor tal-knisja. Imma issa kienu qed jisimgħu ideat ġodda mir-Riforma, li kienet qed issir iktar popolari fl-Ewropa f’dak iż-żmien. * X’kienu se jaqbdu jemmnu? Kif setgħu jiddeċiedu x’kienet il-verità?

Matul dak il-perijodu, kien hemm, fost ħafna oħrajn, tlett irġiel li kienu determinati li jsibu l-verità. * X’għamlu biex jagħrfu x’inhu veru u x’inhu falz? U x’sabu fit-tfittxija tagħhom? Ejja naraw.

“DEJJEM ĦALLI L-BIBBJA . . . TĦOLL U TORBOT”

Wolfgang Capito kien raġel żagħżugħ bi twemmin reliġjuż sod u kien student tal-mediċina, il-liġi, u t-teoloġija. Capito sar qassis taʼ parroċċa fl-1512, u mbagħad sar kappillan tal-arċisqof f’Mainz.

Għall-ewwel, Capito pprova jtaffi ż-żelu tar-Riformisti li xandru messaġġ li mar kontra d-duttrina Kattolika. Imma Capito ma damx ma beda jxandar hu stess favur ir-Riforma. X’għamel? Meta ħabbat wiċċu maʼ tagħlim differenti, Capito emmen li “l-aħjar mod kif jara jekk dak li kienu qed ixxandru kienx veru jew le kien permezz tal-Bibbja, għax hi biss taʼ min joqgħod fuqha,” jikteb l-istorjografu James M. Kittelson. B’hekk, Capito wasal għall-konklużjoni li t-tagħlim tal-knisja dwar l-ewkaristija u l-qima tal-qaddisin kien imur kontra t-tagħlim tal-Bibbja. (Ara l-kaxxa ‘Araw jekk dak li smajtu huwiex minnu.’) Fl-1523, Capito ħalla warajh il-kariga prominenti tiegħu mal-arċisqof u mar jgħix fil-belt taʼ Strasburgu, li kienet ċentru għar-riforma reliġjuża f’dak iż-żmien.

Id-dar taʼ Capito fi Strasburgu saret post fejn kienu jiltaqgħu wħud li ma kinux jaqblu mat-tagħlim tal-knisja. Bla dubju, hemmhekk kienu jiddiskutu ħafna kwistjonijiet reliġjużi u tagħlim tal-Bibbja. Għalkemm xi Riformisti xorta xandru dwar  id-duttrina tat-Trinità, skont ktieb tal-istorja, il-kitbiet taʼ Capito “ftit li xejn kienu jitkellmu dwar id-duttrina tat-Trinità.” (The Radical Reformation) Għala? Capito baqaʼ impressjonat bil-mod kif it-teologu Spanjol Michael Servetus uża skritturi mill-Bibbja biex juri li t-Trinità hi falza. *

Li kieku Capito qabad u ċaħad it-Trinità, dan setaʼ jkollu konsegwenzi fatali. Għalhekk, Capito qagħad attent biex ma jurix kif jaħsibha bil-miftuħ. Però, dak li kiteb jagħti x’jifhem li ġa kellu dubji dwar id-duttrina tat-Trinità anke qabel ma ltaqaʼ maʼ Servetus. Qassis Kattoliku iktar tard kiteb li Capito u l-imseħbin tiegħu ‘kienu ddiskutew fil-privat l-iktar misteru profond tar-reliġjon; u ċaħdu t-Trinità tant qaddisa.’ Seklu wara, Capito kien imniżżel l-ewwel wieħed f’lista taʼ kittieba prominenti li huma kontra t-Trinità.

Wolfgang Capito emmen li l-akbar nuqqas tal-knisja kien li ‘injorat l-Iskrittura’

Capito emmen li l-Bibbja kienet is-sors tal-verità. Hu qal: “Fejn tidħol it-teoloġija, dejjem ħalli l-Bibbja, u l-liġi taʼ Kristu, tħoll u torbot.” Skont l-istorjografu Kittelson, Capito “insista li l-akbar nuqqas tat-teologi skolastiċi kien il-fatt li injoraw l-Iskrittura.”

Martin Cellarius (magħruf ukoll bħala Martin Borrhaus) ukoll kellu din ix-xewqa ħerqana biex jitgħallem il-verità mill-Kelma t’Alla. Cellarius kien żagħżugħ li qattaʼ xi żmien fid-dar taʼ Capito fl-1526.

“GĦARFIEN DWAR L-ALLA L-VERU”

Cellarius twieled fl-1499 u kien student diliġenti tat-teoloġija u l-filosofija. Aċċetta li jmur jgħallem f’Wittenberg, il-Ġermanja. Peress li Wittenberg kien il-post minn fejn oriġinat ir-Riforma, Cellarius ma damx ma ltaqaʼ maʼ Martin Luteru u m’oħrajn li riedu jbiddlu t-tagħlim tal-knisja. Cellarius kif setaʼ jagħraf id-differenza bejn l-ideat taʼ sempliċi bnedmin u l-verità Skritturali?

Skont il-ktieb Teaching the Reformation, Cellarius emmen li fehma eżatta tiġi “milli taqra bir-reqqa l-Iskrittura, milli tqabbel spiss skrittura maʼ skritturi oħra, u milli titlob b’attitudni niedma.” Cellarius x’sab hu u jeżamina l-Bibbja?

F’Lulju 1527, Cellarius ippubblika dak li sab fi ktieb bl-isem On the Works of God. Hu kiteb li ċerimonji tal-knisja, bħal pereżempju l-ewkaristija, kienu xejn għajr affarijiet simboliċi. Skont il-professur Robin Barnes, il-ktieb taʼ Cellarius ukoll “qal li xi profeziji tal-Iskrittura jippontaw lejn perijodu taʼ żmien li ġej fejn se jkun hemm ħafna gwaj u tbatija u li wara dan il-perijodu se jkun hemm tiġdid universali.”—2 Pietru 3:10-13.

Il-ftit kummenti li għamel Cellarius dwar il-pożizzjoni taʼ Ġesù Kristu huma speċjalment taʼ min jinnotahom. Għalkemm, ma qalx b’mod sfaċċat li ma jaqbilx mat-Trinità, Cellarius għaraf li hemm differenza bejn il-“Missier tas-Sema” u “Ibnu Ġesù Kristu.” Hu kiteb li Ġesù kien wieħed mill-ħafna allat u wlied Alla li Jistaʼ Kollox.—Ġwanni 10:34, 35.

Fil-ktieb tiegħu Antitrinitarian Biography (1850), Robert Wallace qal li Cellarius fil-kitbiet tiegħu wera li ma kienx iżomm mat-twemmin tat-Trinità li kien komuni fis-seklu 16. *  Għaldaqstant, diversi studjużi waslu għall-konklużjoni li Cellarius kien ċaħad it-Trinità. Ġie deskritt bħala waħda mill-għodod li Alla uża “f’li jwassal għarfien dwar l-Alla l-veru u dwar Kristu.”

TAMA LI L-KNISJA TMUR LURA GĦAT-TAGĦLIM VERU

Madwar is-sena 1527, it-teologu Johannes Campanus, li kien meqjus bħala l-akbar studjuż taʼ żmienu, ukoll mar joqgħod f’Wittenberg. Għalkemm Campanus kien fil-qalba tar-riforma reliġjuża, it-tagħlim taʼ Martin Luteru ma baqax idoqqlu għal widnejh. Għala?

Campanus ma qabilx mat-twemmin tal-transustanzjazzjoni (l-ewkaristija) u lanqas mat-twemmin tal-konsustanzjazzjoni. * Skont l-awtur André Séguenny, Campanus emmen li “l-Ħobż qatt ma jinbidel f’xi ħaġ’oħra imma dejjem jibqaʼ ħobż, iżda fl-ewkaristija, b’mod simboliku jirrappreżenta l-ġisem taʼ Kristu.” Fil-Marburg Colloquy tal-1529, laqgħa li saret biex jiġu diskussi dawn l-istess kwistjonijiet, Campanus ma tħalliex jaqsam dak li tgħallem mill-Iskrittura. Wara dan, ir-Riformisti sħabu f’Wittenberg warrbuh.

Ir-Riformisti speċjalment tkażaw minħabba t-twemmin taʼ Campanus dwar il-Missier, l-Iben, u l-ispirtu qaddis. Fil-ktieb tiegħu tal-1532 (Restitution), Campanus għallem li Ġesù u Missieru huma żewġ persuni differenti. Hu spjega li l-Missier u l-Iben huma “ħaġa waħda” bl-istess mod kif ngħidu li raġel u mara huma “ġisem wieħed”—jiġifieri, huma magħqudin, imma xorta waħda huma żewġ persuni separati. (Ġwanni 10:30; Mattew 19:5) Campanus qal li l-Iskrittura tuża l-istess tixbiha biex turi li l-Missier għandu l-awtorità fuq l-Iben: “Il-kap tal-mara hu r-raġel; u l-kap tal-Kristu hu Alla.”—1 Korintin 11:3.

Xi ngħidu dwar l-ispirtu qaddis? Għal darb’oħra, Campanus dar lejn il-Bibbja, u kiteb: ‘M’hemm l-ebda Skrittura li tappoġġa l-idea li l-Ispirtu Qaddis hu t-tielet persuna fit-Trinità. Il-Bibbja titkellem dwar l-ispirtu f’sens operattiv, jiġifieri li Alla jħejji u jwettaq kollox permezz tal-qawwa u l-attività spiritwali tiegħu.’—Ġenesi 1:2.

Luteru qal li Campanus kien midgħi u għadu tal-Iben t’Alla. Riformista ieħor talab li Campanus jiġi maqtul. Madanakollu, Campanus ma qatax qalbu. Skont il-ktieb The Radical Reformation, “Campanus kien konvint li l-knisja kienet falliet għax ma kinitx żammet mal-fehma tal-appostli u tal-Bibbja dwar l-awtorità li għandu Alla u l-istat taʼ kap tal-irġiel.”

Qatt ma kienet l-intenzjoni taʼ Campanus li jorganizza xi grupp reliġjuż. Hu qal li fittex għall-verità “fost is-setet u r-riformisti kollha,” imma kollu għalxejn. Allura ttama li l-Knisja Kattolika kienet se tmur lura għat-tagħlim Kristjan veru. Madanakollu, eventwalment, l-awtoritajiet Kattoliċi arrestaw lil Campanus, u jistaʼ jkun li qattaʼ  iktar minn 20 sena l-ħabs. L-istorjografi jemmnu li miet madwar is-sena 1575.

“AĊĊERTAW RUĦKOM MINN KOLLOX”

Studju diliġenti tal-Bibbja għen lil Capito, Cellarius, Campanus, u oħrajn jagħrfu x’inhu veru u x’inhu falz. Għalkemm mhux il-konklużjonijiet kollha li waslu għalihom dawn l-irġiel kienu fi qbil mal-Bibbja, dawn b’umiltà fittxew fl-Iskrittura u kienu jgħożżu l-verità li tgħallmu.

L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-tajjeb.” (1 Tessalonikin 5:21) Biex jgħinuk fit-tfittxija tiegħek għall-verità, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ppubblikaw ktieb bit-titlu xieraq Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? Biex tikseb kopja b’xejn, jekk jogħġbok ara paġna 16 taʼ din ir-rivista, jew idħol fil-Websajt tagħna, jw.org/mt.

^ par. 3 Ir-Riforma kienet moviment li beda fl-1517 li matulu ħafna nies irribellaw kontra l-Knisja Kattolika Rumana. Ir-Riforma wasslet biex jiġu stabbiliti ħafna reliġjonijiet oħra.

^ par. 4 Ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Jannar 2012, paġni 7-8, paragrafi 14-17.

^ par. 8 Ara l-artiklu “Michael Servetus—A Solitary Quest for the Truth,” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Mejju 2006, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 17 Rigward il-fatt li Cellarius uża l-kelma “alla” għal Kristu, il-ktieb jgħid: “Hi miktuba deus, u mhux Deus, għax din tal-aħħar tintuża biss meta qed tirreferi għal Alla s-Suprem.”

^ par. 20 Il-konsustanzjazzjoni hi tagħlim taʼ Luteru li l-ħobż u l-inbid “jibqgħu jeżistu” flimkien mal-ġisem taʼ Kristu fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej.